IP/11/581
Brussell, is-17 ta’ Mejju 2011
In-negozjar tal-emissjonijiet: l-emissjonijiet fi ħdan l-iskema tal-UE għan-negozjar tal-emissjonijiet żdiedu fl-2010 iżda għadhom f’livell ferm iktar baxx minn dak ta’ qabel il-kriżi
Is-sena l-oħra, l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra tan-negozji li qed jieħdu sehem fl-iskema tal-UE għan-negozjar tal-emissjonijiet żdiedu b’iktar minn 3 %, skont tagħrif meħud mir-reġistri tal-Istati Membri.
Il-Kummissarju għall-Azzjoni dwar il-Klima, Connie Hedegaard, qalet: “Iż-żieda fl-emissjonijiet fl-2010 tirrifletti l-irkupru ekonomiku, iżda anki wara li l-ekonomija reġgħet ġiet lura għan-normal, l-ammont ta’ emissjonijiet fi ħdan l-iskema tal-UE għan-negozjar tal-emissjonijiet għadu ferm iktar baxx mill-ammont massimu ffissat għall-perjodu tan-negozjar ta’ bejn l-2008 u l-2012. Iċ-ċifri juru wkoll li ċerti setturi industrijali għadhom qed jakkumulaw ammont żejjed ta’ kwoti tal-emissjonijiet li jkollhom jiġu nnegozjati fit-tielet perjodu ta’ nnegozjar li se jibda fl-2013. Dan jenfasizza l-flessibbiltà li n-negozjar tal-emissjonijiet joffri lin-negozji u jikkonferma wkoll li nistgħu nagħmlu ferm aktar biex innaqqsu l-emissjonijiet fl-istadju li jmiss bi spiża ekonomika raġonevoli.”
Id-dejta dwar l-emissjonijiet li kien hemm fl-2010
L-iskema tal-UE għan-negozjar tal-emissjonijiet tkopri iktar minn 12,000 impjant tal-elettriku u stallazzjoni tal-manifattura fis-27 Stat Membru, fin-Norveġja u fil-Liechtenstein. Is-sena l-oħra, l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra minn dawn l-istallazzjonijiet li ġew ivverifikati1 kienu jammontaw għall-ekwivalenti ta’ 1.932 biljun tunnellata ta’ diossidu tal-karbonju, jiġifieri kienu madwar 3 % ogħla mil-livell tal-2009.
Iż-żieda fl-emissjonijiet hija konformi ma’ dak li kien mistenni b’mod ġenerali u ma’ dak li bassru l-analisti qabel ma nħarġet id-dejta. Din iż-żieda ġejja mill-irkupru ekonomiku li ġie wara r-reċessjoni li wasslet għal tnaqqis eċċezzjonali ta’ 11.6 % fl-emissjonijiet fl-2009.
Madankollu, din iż-żieda probabbli tkun ferm inqas mill-irkupru fil-prodotti aħħarin tal-istallazzjonijiet ikkonċernati minħabba li l-indiċi medju tal-produzzjoni industrijali żdied b’6.7 % fl-2010 fl-UE-27 meta mqabbel ma’ dak tal-20092.
Livell għoli ta’ konformità
Il-kumpaniji kellhom livell għoli ta’ konformità mar-regoli tal-iskema tal-UE għan-negozjar tal-emissjonijiet. Sad-data tal-iskadenza, jiġifieri sat-30 ta’ April 2011, 2 % biss mill-istallazzjonijiet li kienu qed jieħdu sehem fl-iskema ma ċedewx kwoti li jkopru l-emissjonijiet kollha tagħhom tal-2010. Tipikament, dawn l-istallazzjonijiet huma stallazzjonijiet żgħar u l-emissjonijiet tagħhom flimkien jammontaw għal inqas minn 2 % mill-emissjonijiet kollha koperti mill-iskema tal-UE għan-negozjar tal-emissjonijiet. Sal-istess data, 3 % mill-istallazzjonijiet kienu għadhom ma bagħtux l-ammonti tal-emissjonijiet ivverifikati tagħhom għall-2010.
Iktar użu ta’ krediti internazzjonali
Mill-2008 ’l hawn, l-istallazzjonijiet jistgħu jċedu l-krediti internazzjonali tat-tnaqqis tal-emissjonijiet maħluqin permezz tal-mekkaniżmi flessibbli tal-Protokoll ta’ Kjoto sabiex jikkumpensaw għal parti mill-emissjonijiet tagħhom. It-tnaqqis iċċertifikat tal-emissjonijiet (is-CER)3 kien jammonta għal 4.7 % tal-ammont kollu mċedi mill-2008 sal-2010. Madwar 51 % minn dan it-tnaqqis ġie miċ-Ċina, 20 % minnu ġie mill-Indja, 16 % mill-Korea t’Isfel u 7 % mill-Brażil, filwaqt li s-6 % l-oħra ġew minn 20 pajjiż ieħor.
L-unitajiet ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet (l-ERUs)4 kienu jammontaw biss għal 0.4 % tal-ammont kollu mċedi mill-2008 ’l hawn. L-ammonti mċedija sa mill-2008 ’l hawn bħala tnaqqis iċċertifikat tal-emissjonijiet u bħala unitajiet ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet, meħudin f’daqqa, użaw madwar 21 % mill-madwar 1.4 biljun kreditu li huma permessi għall-perjodu tan-negozjar ta’ bejn l-2008 u l-2012.
L-ammonti kollha mċedija għall-emissjonijiet tat-tieni fażi, jiġifieri mill-2008 sal-2010 | 5.937.783.272 | 100.0 % |
It-tnaqqis iċċertifikat tal-emissjonijiet u l-unitajiet ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet | 300.670.8725 | 5.1 % |
Il-kwoti allokati b’xejn jew dawk mixtrija fl-irkant | 5.637.112.400 | 94.9 % |
Il-kuntest
It-tieni perjodu ta’ nnegozjar tal-iskema tal-UE għan-negozjar tal-emissjonijiet beda fl-1 ta’ Jannar 2008 u se jdum għaddej ħames snin, sal-31 ta’ Diċembru 2012. Dan il-perjodu huwa l-istess bħall-perjodu li fih il-pajjiżi industrijalizzati jridu jilħqu l-miri tagħhom tal-emissjonijiet skont il-Protokoll ta’ Kjoto. L-iskema tal-UE għan-negozjar tal-emissjonijiet se tgħaddi minn riforma sostanzjali qabel it-tielet perjodu ta’ nnegozjar, li se jibda fl-1 ta’ Jannar 2013 u se jibqa’ għaddej sal-2020. Il-leġiżlazzjoni li permezz tagħha ġiet irreveduta d-Direttiva dwar in-Negozjar tal-Kwoti tal-Emissjonijiet kienet adottata fit-23 ta’ April 2009 bħala parti mill-pakkett ta’ azzjoni tal-UE dwar il-klima u l-enerġija rinnovabbli (IP/09/628), li stabbilixxa regoli rreveduti għall-iskema għan-negozjar tal-emissjonijiet għal wara l-2012 sal-2020 u għas-snin ta’ wara.
Fl-ambitu tal-iskema tal-UE għan-negozjar tal-emissjonijiet, l-istallazzjonijiet huma meħtieġa jibagħtu d-dejta dwar l-emissjonijiet ivverifikati tagħhom għal kull sena lir-reġistri tal-Istati Membri. Għall-2010, din id-dejta tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fir-Reġistru Komunitarju Indipendenti tat-Tranżazzjonijiet fl-1 ta’ April 2011. Mis-16 ta’ Mejju ’l quddiem, ir-Reġistru Komunitarju Indipendenti tat-Tranżazzjonijiet beda juri wkoll id-dejta dwar il-konformità u beda jagħti tagħrif dwar jekk l-istallazzjonijiet ikkonformawx mal-obbligu tagħhom li jċedu ammont ta’ kwoti tal-emissjonijiet li jkun daqs l-ammont ta’ emissjonijiet li jkunu ġew ivverifikati għas-sena ta’ qabel.
Għal aktar tagħrif ara:
Il-paġna ewlenija tar-Reġistru Komunitarju Indipendenti tat-Tranżazzjonijiet:
http://ec.europa.eu/environment/ets/
Il-paġna ewlenija tar-reġistri tad-Direttorat Ġenerali għall-Azzjoni dwar il-Klima fis-sit tal-internet tal-Ewropa:
http://ec.europa.eu/environment/climat/emission/citl_en.htm
L-iskema rreveduta tal-UE għan-negozjar tal-emissjonijiet u l-mistoqsijiet l-aktar komuni:
http://ec.europa.eu/environment/climat/emission/ets_post2012_en.htm
Anness
L-istallazzjonijiet f’Ċipru għadhom ma bagħtux l-ammonti tal-emissjonijiet ivverifikati tagħhom għall-2010.
Ara http://epp.eurostat.ec.europa.eu/cache/ITY_PUBLIC/4-14022011-AP/EN/4-14022011-AP-EN.PDF.
Il-proġetti għall-iffrankar tal-emissjonijiet imwettqin fil-kuntest tal-Mekkaniżmu għal Żvilupp Nadif tal-Protokoll ta’ Kjoto jwasslu għal krediti magħrufin bħala “t-tnaqqis iċċertifikat tal-emissjonijiet (is-CER)”.
L-unitajiet ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet (l-ERUs) jirreferu għall-krediti maħluqin mill-proġetti għall-iffrankar tal-emissjonijiet imwettqin fil-kuntest tal-Mekkaniżmu ta’ Implimentazzjoni Konġunta tal-Protokoll ta’ Kjoto.
L-ammont totali ta’ tnaqqis iċċertifikat tal-emissjonijiet u ta’ unitajiet ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet imċedi għall-konformità għall-2010 jammonta għal 136.978.618, jiġifieri għal 7.1 % mill-unitajiet imċedija għall-konformità għall-2010.