Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/11/580

Brussell, 18 ta' Mejju 2011

Il-Kummissjoni qed tilqa’ fehmiet dwar it-tnaqqis fl-użu tal-boroż tal-plastik

Il-Kummissjoni Ewropea qed issaqsi lill-pubbliku dwar l-aħjar mod kif jista’ jitnaqqas l-użu tal-boroż tal-plastik għall-ġarr. Se ssaqsi jekk impożizzjoni ta’ ħlas għalihom jew tassazzjoni jistgħux ikunu effikaċi jew jekk ikunx aħjar li jintużaw alternattivi oħra bħal projbizzjoni fuq il-boroż tal-plastik għall-ġarr fuq livell ta’ UE. Se jintlaqgħu wkoll fehmiet fir-rigward ta' żieda fil-viżibbiltà għall-prodotti tal-ippakkjar bijodegradabbli u t-tisħiħ tar-rekwiżiti marbuta mal-bijodegradabilità tal-ippakkjar. Din il-konsultazzjoni onlajn se tibqa' għaddejja sa Awwissu 2011.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal li: “Ħamsin sena ilu, l-użu waħdieni ta' borża tal-plastik kien kważi inkonċepibbli – illum nużawhom għal ftit minuti u dawn iniġġsu l-ambjent tagħna għal għexieren ta’ snin. Iżda l-attitudnijiet soċjali tagħna qed jevolvu u hemm xewqa mifruxa għall-bidla. Għalhekk qed inqisu l-alternattivi kollha, inkluża dik ta' projbizzjoni madwar l-Ewropa fuq il-boroż tal-plastik għall-ġarr. Għandna bżonn il-fehmiet ta’ kemm jista’ jkun nies biex nikkumplimentaw l-analiżi xjentifika tagħna 1 u nagħtu spinta lill-politika fuq din il-kwistjoni, li qed toħonqilna l-ambjent.

Tnaqqis fl-użu tal-boroż tal-plastik

Kull sena, ċittadin medju tal-UE jikkonsma madwar 500 borża tal-plastik, u l-biċċa l-kbira tagħhom jintużaw darba biss. Il-volum totali tal-boroż tal-plastik prodotti fl-Ewropa fl-2008 kien ta' 3.4 miljun tunnellata, li huwa l-ekwivalenti tal-piż ta’ aktar minn 2 miljun karozza tal-passiġġieri. Il-piż baxx u d-daqs żgħir tal-boroż tal-plastik ifisser li dawn ta' spiss jaħarbu mill-ġestjoni tal-iskart u jispiċċaw fl-ambjent tal-baħar, fejn id-degradazzjoni eventwali tagħhom tista’ ddum mijiet ta’ snin.

Uħud mill-Istati Membri diġà ħadu azzjoni biex jitnaqqas l-użu tal-boroż tal-plastik permezz ta’ miżuri tal-ipprezzar, ftehimiet mal-bejjiegħa u l-projbizzjoni ta' ċerti tipi ta’ boroż, iżda ma jeżistux miżuri speċifiċi fuq livell ta' UE. F’Marzu 2011, il-ministri għall-ambjent tal-UE ddiskutew l-impatt ambjentali tal-boroż tal-plastik u t-tħassib li tqajjem minnhom jindika li hija meħtieġa azzjoni effikaċi fuq livell ta' UE.

Aktar viżibbiltà għall-ippakkjar bijodegradabbli

Il-konsultazzjoni għandha wkoll l-għan li tiġbor il-fehmiet dwar l-adegwatezza tar-rekwiżiti għall-kompostabilità u l-bijodegradabilità fid-Direttiva tal-UE dwar l-Ippakkjar. Id-Direttiva ma tippermettix li ssir distinzjoni ċara bejn prodotti bijodegradabbli, li l-bijodegradazzjoni tagħhom għandha sseħħ f'kundizzjonijiet naturali, u prodotti kompostabbli li l-bijodegradazzjoni tagħhom tista' sseħħ biss f’faċilitajiet industrijali tal-ikkompostjar. Ir-reklamar ta’ prodott tal-ippakkjar bħala wieħed bijodegradabbli meta, fil-fatt, dan ma jkunx bijodegradabbli f'kundizzjoni naturali jista' jqarraq u jikkontribwixxi għall-proliferazzjoni tal-iskart.

Il-konsultazzjoni tiġbor il-fehmiet fuq l-impatti ambjentali, soċjali u ekonomiċi li jistgħu jirriżultaw minn miżuri li jtejbu r-rekwiżiti għall-bijodegradabilità tal-prodotti tal-ippakkjar, inkluża l-viżibbiltà tal-ippakkjar bijodegradabbli għall-konsumatur.

Sfond:

Il-ħajja twila tal-boroż tal-plastik tfisser li attwalment hawn madwar 250 biljun partikula li, flimkien, jammontaw għal piż ta’ 500 tunnellata f’wiċċ il-Baħar Mediterran waħdu. Dawn il-partikuli jistgħu jifggħu lill-kreaturi tal-baħar li jibilgħuhom b’mod aċċidentali jew li jaħsbuhom ikel. Il-plastik jinqasam f’partikuli żgħar li għandhom potenzjal għoli ta' kontaminazzjoni tal-ħamrija u tal-passaġġi tal-ilma peress li jistgħu jkollhom addittivi bħal sustanzi organiċi persistenti li jniġġsu .

Għal aktar tagħrif:

Il-konsultazzjoni tista’ timtela fuq is-sit:

http://ec.europa.eu/yourvoice/consultations/index_en.htm

Aktar dettalji dwar id-Direttiva 94/62/KE dwar l-ippakkjar jew l-iskart tal-ippakkjar

http://ec.europa.eu/environment/waste/packaging/index_en.htm

1 :

http://ec.europa.eu/environment/waste/studies/pdf/plastics.pdf


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website