Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

IP/11/57

Brussell, il-24 ta’ Jannar 2011

Finanzjament għar-riċerka u għall-innovazzjoni tal-UE – tibdiliet immedjati sabiex tinqata' l-burokrazija żejda għar-riċerkaturi u l-SMEs

Illum il-Kummissjoni Ewropea adottat miżuri sabiex il-parteċipazzjoni fis-Seba' Programm Kwadru għar-Riċerka attwali tkun aktar attraenti u aċċessibbli għall-aħjar riċerkaturi u l-aktar kumpaniji innovattivi, speċjalment, l-Impriżi Żgħar u ta' Daqs Medju (SMEs). Dawn il-miżuri, li huma msejsa fuq il-pjan ta' simplifikazzjoni ppreżentat mill-Kummissjoni f'April tal-2010, se jidħlu fis-seħħ mal-ewwel.

Il-Kummissarju għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza Máire Geoghegan-Quinn qalet: "Permezz tal-miżuri ppreżentati llum, eluf ta' nies eċċellenti li huma ffinanzjati minna se jiffrankaw il-ħin u l-isforzi marbuta ma' xogħol amministrattiv u jikkonċentraw fuq dak li jagħmlu l-aħjar – ħidma li tagħti spinta lit-tkabbir u l-impjiegi u li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tagħna fl-Ewropa permezz ta' riċerka u innovazzjoni ta' klassi dinjija. Nixtiequ nattiraw saħansitra aktar applikanti u applikanti aħjar, inklużi impriżi dinamiċi żgħar li ma jistgħux ilaħħqu mal-biżibilju kollu tal-burokrazija. Dan hu biss il-bidu: il-Kummissjoni diġà pproponiet tibdiliet kbar fir-regoli finanzjarji ġenerali li jirregolaw il-programmi ta' finanzjament kollha tal-UE, u jekk il-Parlament u l-Kunsill jaqblu magħhom, aħna se nressqu miżuri ta' simplifikazzjoni aktar radikali għall-programm suċċessur tal-FP7."

Tliet miżuri konkreti

Il-Kummissjoni adottat tliet miżuri konkreti b'effett immedjat għall-ġestjoni tal-għotjiet tal-UE għar-riċerka fil-programm attwali ta' riċerka tal-UE (FP7). Kull wieħed minn dawn il-passi jindirizza t-tħassib li jitqajjem ripetutament mill-parteċipanti u parteċipanti prospettivi fl-FP7:

  • Aktar flessibbiltà fil-mod ta' kif jiġu kkalkulati l-ispejjeż għall-persunal sabiex id-detenturi ta' għotja għar-riċerka mill-UE jkunu jistgħu japplikaw il-metodi normali ta' kontabbiltà tagħhom meta jitolbu rimborż għall-kosti medji tal-persunal. Ma jeħtieġx iżjed li jiġu stabbiliti sistemi paralleli sħaħ ta' kontabbiltà sempliċement għal dan l-iskop;

  • Is-sidien ta' SMEs li s-salarji tagħhom mhumiex formalment irreġistrati fil-kontijiet tagħhom issa jistgħu jiġu rrimburżati permezz ta' pagamenti b'rata fissa għall-kontribuzzjoni tagħhom lill-ħidma fuq proġetti ta' riċerka.

  • Grupp ġdid ta' tmexxija magħmul minn uffiċjali għolja mid-dipartimenti u l-aġenziji kollha tal-Kummissjoni involuti se jneħħi l-inkonsistenzi fl-applikazzjoni tar-regoli dwar il-finanzjament tar-riċerka.

Il-passi li jmiss

Il-Kummissjoni tqis is-simplifikazzjoni bħala wieħed mill-prinċipji bażiċi ta' disinn għall-programm ta' riċerka u innovazzjoni tal-UE li jmiss, u se tkompli tirsisti għal titjib sostantiv. Sal-aħħar ta' din is-sena l-Kummissjoni se tippreżenta l-proposti leġiżlattivi tagħha għall-programm ta' riċerka u innovazzjoni tal-UE li jmiss, wara konsultazzjoni miftuħa li se tiġi varata fil-bidu tar-rebbiegħa.

Sfond

Mill-2007, l-FP7, il-programm attwali ta' riċerka tal-UE, attira aktar minn 40,000 proposta mill-komunità tar-riċerka u s'issa ġew iffinanzjati kważi 8,000 proġett. Kważi l-universitajiet kollha jipparteċipaw, u madwar 15% tal-parteċipanti huma SMEs.

Bosta passi konkreti diġà ttieħdu lejn is-simplifikazzjoni tal-proċeduri, kemm qabel kif ukoll wara li ġie varat l-FP7.

F'April 2010, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni li tippreżenta aktar alternattivi ta' simplifikazzjoni li japplikaw għall-qafas legali eżistenti u, aktar fit-tul, għar-reviżjoni tar-Regoli Finanzjarji tal-UE (ara IP/10/472 u MEMO/10/156). Din il-Komunikazzjoni tat bidu għal dibattitu wiesa' fost l-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll ma' bosta partijiet interessati oħra fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni. F'dan il-kuntest, fakkret ukoll li l-proposta tal-Kummissjoni dwar regolament finanzjarju tal-UE rivedut toffri simplifikazzjoni li għad trid tiġi applikata għall-FP7, bħat-tneħħija ta' kontijiet b'imgħax fuqhom, u tipproponi miżuri li se jistabbilixxu l-bażi għal simplifikazzjoni aktar radikali tal-programm qafas li jmiss. Issa hija r-responsabbiltà tal-Kunsill u l-Parlament Ewropew li jiġu adottati dawn il-miżuri.

Il-miżuri adottati fid-Deċiżjoni attwali tal-Kummissjoni huma msejsa fuq kunsens wiesa' waqt dan id-dibattitu, u huma wkoll konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Esperti li qiegħed iwettaq l-Evalwazzjoni Interim tal-FP7 (IP/10/1525).

Ħolqa għat-test sħiħ tal-Komunikazzjoni ta' April 2010 dwar is-simplifikazzjoni : http://ec.europa.eu/research/fp7/index_en.cfm?pg=documents.

Rapport tal-grupp ta' esperti dwar l-evalwazzjoni temporanja: http://ec.europa.eu/research/evaluations/pdf/archive/other_reports_studies_and_documents/fp7_interim_evaluation_expert_group_report.pdf#view=fit&pagemode=none


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site