Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/11/575

Brussell, is-16 ta’ Mejju 2011

L-Aġenda Diġitali: Il-Kummissjoni qed tilqa’ l-opinjonijiet dwar kif l-aħjar jista’ jiġi sfruttat il-‘cloud computing’ fl-Ewropa

Il-Kummissjoni qed tilqa’ l-opinjonijiet mingħand iċ-ċittadini, in-negozji, l-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-partijiet interessati l-oħra dwar kif jista’ jinkiseb l-aqwa benefiċċju mill-'cloud computing'. Il-'cloud computing' jgħin lill-kumpaniji, l-amministrazzjonijiet pubbliċi u lill-individwi, li jużaw netwerks bħall-internet, biex ikollhom aċċess għad-dejta u s-softwer tagħhom li jkunu jinsabu fuq kompjuters x’imkien ieħor. Jista’ jgħin lin-negozji – speċjalment l-SMEs – biex inaqqsu b’mod drastiku l-ispejjeż tat-teknoloġija tal-informatika, jgħin lill-gvernijiet biex ifornu servizzi b’anqas spejjeż u jiffrankaw l-enerġija billi jagħmlu użu aktar effiċjenti tal-ħardwer. Il-'cloud computing' diġà qed jintuża’ b’mod wiesa’, pereżempju għas-servizzi tal-posta elettronika li jkunu bbażati fuq sit telettroniku. Ix-xejra qed tiżdied u sal-2014, is-servizzi tal-'cloud computing' fl-Ewropa huma mistennija li jiġġeneraw dħul ta’ kważi EUR 35 biljun. Il-promozzjoni tal-kundizzjonijiet it-tajba għaċ-ċittadini u n-negozji biex jibbenefikaw l-aktar minn dan l-iżvilupp tekniku hu wieħed mill-azzjonijiet previsti fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa ara IP/10/581, MEMO/10/199 u MEMO/10/200). Il-konsultazzjoni pubblika onlajn ser tkun tista’ ssir sal-31 ta’ Awwissu. It-tweġibiet ser jiġu inklużi fil-preparazzjoni tal-istrateġija Ewropea tal-'cloud computing' li l-Kummissjoni ser tippreżenta fl-2012.

Neelie Kroes, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Aġenda Diġitali qalet: "Ninsab ħerqana dwar il-benefiċċji potenzjali tal-'cloud computing' biex jitnaqqsu l-ispejjeż, jiġu mtejba s-servizzi u jinħolqu opportunitajiet ġodda għan-negozji. Għandna bżonn strateġija definita sew tal-'cloud computing' biex niżguraw li nagħmlu l-aqwa użu minn dan il-potenzjal. Il-kontribut li qed nitolbu mingħand il-partijiet interessati hija importanti biex din l-istrateġija tirnexxi."

Il-'cloud computing' għandu l-potenzjal biex jiżviluppa f’industrija kbira u ġdida ta’ servizzi, li toffri opportunitajiet kbar għall-kumpaniji Ewropej tat-telekomunikazzjoni u t-teknoloġija. Il-kumpaniji tal-klijenti u l-amministrazzjonijiet pubbliċi jistgħu jibbenefikaw minn anqas spejjeż u servizzi ta’ eċċellenza billi jużaw il-'cloud computing' minflok jistallaw u jżommu softwer u apparat tal-kompjuters tagħhom

Il-Kummissjoni qed tistieden lill-partijiet interessati, b’mod partikolari l-iżviluppaturi u l-utenti tal-'cloud computing', biex jispjegaw l-esperjenzi, il-bżonnijiet, l-aspettattivi u l-għarfien tagħhom għall-użu u l-forniment tal-'cloud computing'. Fost l-oħrajn, l-istħarriġ qed jistenna r-reazzjoni dwar il-kwistjonijiet li ġejjin:

  • mistoqsijiet dwar il-protezzjoni tad-dejta u r-responsabbiltà, b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet transfruntieri;

  • ostakli legali u tekniċi oħra li jistgħu jnaqqsu r-ritmu tal-iżvilupp tal-'cloud computing' fl-Ewropa.

  • soluzzjonijiet ta’ standardizzazzjoni u interoperabbiltà;

  • użu tas-servizzi tal-'cloud computing', b’mod partikolari mill-SMEs;

  • mezzi biex tkun promossa r-riċerka u l-innovazzjoni fil-'cloud computing'.

Ir-riżultati tal-konsultazzjoni ser jiġu inklużi fil-preparazzjoni tal-istrateġija Ewropea tal-'cloud computing' li l-Kummissjoni ser tippreżenta fl-2012. Din l-istrateġija ser ikollha l-għan li tikkjarifika l-kundizzjonijiet legali għall-użu tal-'cloud computing' fl-Ewropa, tistimula l-iżvilupp ta’ industrija kompetittiva Ewropea tal-'cloud computing' u tiffaċilita l-operat tas-servizzi innovattivi tal-'cloud computing' għaċ-ċittadini u n-negozji.

Biex tidħol fil-konsultazzjoni pubblika:

http://ec.europa.eu/yourvoice/ipm/forms/dispatch?form=cloudcomputing&lang=en

Is-sit elettroniku tal-Aġenda Diġitali:

http://ec.europa.eu/information_society/digital-agenda/index_mt.htm

Is-sit elettroniku ta' Neelie Kroes: http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/kroes/

Segwi lil Neelie Kroes fuq Twitter: http://twitter.com/neeliekroeseu


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website