Navigation path

Left navigation

Additional tools

Nofs iż-żgħażagħ Ewropej huma lesti biex jaħdmu barra mill-pajjiż

European Commission - IP/11/567   13/05/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/11/567

Brussell, it-13 ta’ Mejju 2011

Nofs iż-żgħażagħ Ewropej huma lesti biex jaħdmu barra mill-pajjiż

Brussell, it-13 ta' Mejju 2011 – Skont l-istħarriġ l-iktar riċenti tal-Eurobarometer, 53 % taż-żgħażagħ fl-Ewropa huma lesti jew ħerqana li jaħdmu f'pajjiż ieħor tal-Ewropa, iżda minħabba nuqqas ta' flus ħafna minnhom iżommu lura milli jqattgħu parti mill-edukazzjoni tagħhom barra mill-pajjiż, li huwa l-ewwel pass lejn dan. L-istħarriġ juri diskrepanza kbira bejn ix-xewqa mifruxa taż-żgħażagħ li jmorru jaħdmu barra u l-mobilità reali tal-ħaddiema: il-popolazzjoni attiva tal-Ewropa li bħalissa tgħix barra pajjiżha hija ta' inqas minn 3 %. L-istħarriġ, li sar fil-kuntest tal-istrateġija tal-Kummissjoni "Żgħażagħ Attivi", qed ikun ippubblikat lejlet il-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ 2011 (mill-15 sal-21 ta' Mejju).

"L-istħarriġ juri li ż-żgħażagħ huma ħerqana u lesti li jaħdmu barra mill-pajjiż. Din hija aħbar tajba għall-Ewropa; Sfortunatament għadhom jiltaqgħu ma' ħafna ostakli. Għandna nagħmluhielhom iktar faċli li jistudjaw, jitħarrġu jew jaħdmu barra l-pajjiż u nżidu l-għarfien dwar l-għajnuna finanzjarja disponibbli permezz tal-iskemi tal-UE, bħall-Erasmus, li jistgħu jdewquhom l-ewwel esperjenza li jgħixu barra minn pajjiżhom. Tnejn mill-ikbar sfidi li qed niltaqgħu magħhom illum huma l-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-iżvilupp ekonomiku baxx: studenti u popolazzjoni ta' ħaddiema iktar mobbli huma parti mis-soluzzjoni," qalet Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ.

Studji juru li l-istudenti li jqattgħu parti mill-istudji jew taħriġ tagħhom barra minn pajjiżhom ikabbru l-kapaċità għall-impjieg u għandhom iktar ċans li iktar 'il quddiem fil-ħajja jaħdmu barra mill-pajjiż. Dawk li jħaddmu japprezzaw l-abbiltajiet li huma jiksbu, bħall-kapaċità li jitkellmu lingwa barranija, l-adattabilità u l-ħiliet interpersonali.

L-istħarriġ juri li żagħżugħ wieħed biss Ewropew minn kull sebgħa (14 %) kien barra mill-pajjiż għall-edukazzjoni jew taħriġ. In-nuqqas ta' finanzjament iwaqqaf lil ħafna milli jagħmlu dan. Tlieta u tletin fil-mija ta' dawk li qalu li riedu jmorru barra mill-pajjiż, stqarrew li ma kinux jifilħu jħallsu; kważi tnejn minn tlieta (63 %) ta' dawk li għamlu dan kellhom iserrħu fuq finanzjament privat jew tfaddil. "Din is-sejba tenfasizza l-bżonn li nsaħħu l-programmi ta' mobilità tagħna, li jipprovdu valur għall-flus tajjeb ħafna," żiedet il-Kummissarju Vassiliou.

Sfond

Ir-riżultati tal-istħarriġ tal-Eurobarometer

L-Eurobarometer Flash (Nru 319 A + B) jagħti intuwizzjoni ta' kemm iż-żgħażagħ Ewropej huma mobbli għall-edukazzjoni u x-xogħol, kif iħarsu lejn kuntesti differenti ta' edukazzjoni u x'inhuma l-affarijiet ewlenin li jħassbuhom waqt li jkunu qed ifittxu impjieg. Ara MEMO/11/292 għat-taqsira tas-sejbiet ewlenin. Ir-riżultati se jidħlu fl-inizjattivi ta' politika li ġejjin dwar il-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni ogħla, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u ż-żgħażagħ. L-età ta' dawk li wieġbu kienet ta' bejn il-15 u l-35 sena (minn 15 sa 30 sena fit-taqsima dwar il-parteċipazzjoni). L-istħarriġ ikopri s-27 Stat Membru tal-UE (fit-taqsima dwar il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ), kif ukoll in-Norveġja, l-Islanda, il-Kroazja u t-Turkija. Bejn is-26 ta' Jannar u l-4 ta' Frar ġew intervistati 57 000 persuna permezz tat-telefown.

Il-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ 2011

Il-ħames Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ, mill-15 sal-21 ta' Mejju, tipprovdi forum sabiex jiġu diskussi l-opportunitajiet u l-isfidi li jiltaqgħu magħhom iż-żgħażagħ illum. Il-Ġimgħa se tinkludi avvenimenti fit-33 pajjiż involuti fil-programm tal-Kummissjoni, Żgħażagħ Attivi (is-27 Stat Membru tal-UE, il-Kroazja, l-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, l-Isvizzera u t-Turkija).

Fis-17 ta' Mejju, fil-belt tal-Belġju, Antwerp, (Il-Kapitali Ewropea taż-Żgħażagħ 2011), il-President tal-Kummissjoni José Manuel Barroso u l-Kummissarju Androulla Vassiliou, se jieħdu sehem f'dibattitu maż-żgħażagħ dwar il-prijoritajiet tal-istrateġija, Żgħażagħ Attivi. Il-punt ċentrali se jkun dwar il-kwalità u r-rilevanza tal-edukazzjoni ogħola, il-promozzjoni tal-mobilità fit-tagħlim, u kif iż-żgħażagħ jistgħu jingħataw l-għajnuna dwar kif jiżviluppaw il-kapaċità għall-impjieg u l-ħiliet tal-intraprendenza.

Il-President Barroso se jippreżenta għotjiet għall-aħjar proġetti tas-Servizz Volontarju Ewropew (SVE) issapportjati mill-programm tal-UE, Żgħażagħ Attivi. Il-proġetti rebbieħa, magħżulin minn ġurija interistituzzjonali, juru kif is-SVE jikkontribwixxi għall-istrateġija Ewropa 2020. Is-SVE qiegħed jiċċelebra l-15-il anniversarju tiegħu fl-2011, li hija wkoll is-Sena Ewropea tal-Volontarjat.

Waqt il-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ, il-Kummissarju Vassiliou u l-Kummissarju Lázló Andor (għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni) se jipparteċipaw ukoll f'laqgħat fi Brussell mar-rappreżentanti taż-żgħażagħ. Fil-kuntest tas-Sena taż-Żgħażagħ tal-UE-iċ-Ċina 2011, se jsiru għadd ta' avvenimenti bl-għan li jinkoraġġixxu d-djalogu bejn iż-żgħażagħ Ewropej u dawk Ċiniżi. Mistennija jattendu sa 120 rappreżentant żgħażagħ Ċiniż.

Żgħażagħ Attivi

L-inizjattiva ewlenija tal-Kummissjoni Ewropea, Żgħażagħ Attivi, li tnediet f'Settembru li għadda (IP/10/1124), tistabbilixxi miżuri bl-għan li jtejbu l-prospetti ta' xogħol għaż-żgħażagħ billi jqawwu l-mobilità fit-tagħlim u jtejbu l-kwalità u r-rilevenza tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Il-fondi tal-UE, bħall-Erasmus, jipprovdu kemm għotjiet għal studju, taħriġ u esperjenza ta' xogħol barra mill-pajjiż, kif ukoll proġetti sabiex itejbu l-kwalità u r-rilevanza tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Fl-2009/2010, il-programm Erasmus ipprovda għotjiet għal iktar minn 210 000 student sabiex jistudjaw jew jitħarrġu f'pajjiż ieħor tal-Ewropa; iktar minn 35 000 irċevew finanzjament għall-apprendistat. Iktar tard din is-sena, il-Kummissjoni se tipproponi finanzjament tal-UE għall-programmi ta' mobilità li se jibdew fl-2014.

Għal iktar informazzjoni

Żgħażagħ Attivi: www.youthonthemove.eu

Stħarriġ tal-Eurobarometer Flash:

http://ec.europa.eu/public_opinion/whatsnew2011_en.htm

Il-politika u l-programm taż-Żgħazagħ: http://ec.europa.eu/youth

Il-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ: www.youthweek.eu

Is-Sena Ewropea tal-Volontarjat 2011: http://europa.eu/volunteering


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website