Navigation path

Left navigation

Additional tools

Viżjoni promettenti għall-istaġun turistiku 2011

European Commission - IP/11/566   13/05/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/11/566

Brussell, it-13 ta’ Mejju 2011

Viżjoni promettenti għall-istaġun turistiku 2011

Numru dejjem akbar ta' Ewropej qed igawdu l-vaganzi tagħhom: 68 % taċ-ċittadini tal-UE vvjaġġaw għal raġunijiet privati fl-2010, imqabbla mal-65 % fl-2009. Dawn is-sejbiet ta' stħarriġ ġdid tal-Ewrobarometru dwar l-attitudnijiet tal-Ewropej lejn it-turiżmu, jikkonfermaw indikaturi oħra li t-turiżmu rkupra mill-kriżi ekonomika. Destinazzjonijiet turistiċi tradizzjonali għadhom preferuti (58 %), filwaqt li 28 % jixtiequ jiskopru destinazzjonijiet emerġenti fl-Ewropa. Illum, il-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea Antonio Tajani, ippreżenta l-Ewrobarometru fil-Konferenza tat-Turiżmu Ewropew tal-Partijiet Interessati organizzata mill-Presidenza Ungeriża u l-Kummissjoni Ewropew f'Budapest.

Il-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea Antonio Tajani responsabbli mill-industrija u l-intraprenditorija, qal: "Il-fatt li 58 % tar-residenti tal-UE qegħdin jagħżlu li jgawdu l-vaganzi tagħhom fl-Ewropa jenfasizza li, ġeneralment, l-industrija tat-turiżmu qiegħda tirkupra u għal darb'oħra qed issir industrija ta' tkabbir."

Fost is-sejbiet l-aktar rilevanti tal-istħarriġ Ewrobarometru l-ġdid insibu:‑{}‑

  • L-aktar għażliet popolari: L-aktar destinazzjoni ppjanata li ssemmiet għall-2011 kienet l-Italja (11.5 %). Spanja ġiet fit-tieni post bi 8.6 % segwita minn Franza (8.2 %). 23 % tar-residenti tal-UE għadhom ma ddeċidewx fejn se jqattgħu l-vaganzi tagħhom.

  • Tkompli t-tendenza għall-iskoperta tal-Ewropa u art it-twelid: Fl-2011, 58 % tal-Ewropej qegħdin jippjanaw li jqattgħu l-vaganzi tagħhom f'pajjiżhom stess jew f'xi pajjiż ieħor tal-UE.

  • Għatx dejjem akbar għall-ivvjaġġar: Kważi tliet kwarti (73 % vs 69 % s-sena l-oħra) taċ-ċittadini tal-EU vvjaġġaw għall-gost jew fuq xogħol. L-aktar ħames pajjiżi li r-residenti tagħhom jivvjaġġaw huma l-Finlandja (89 %), id-Danimarka (87 %), il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Isvezja (87 % t-tnejn li huma), il-Lussemburgu (85 %) u n-Norveġja (84 %).

  • L-"attrattività lokali" hija importanti: 32 % semmewha bħala kunsiderazzjoni maġġuri fl-għażla tad-destinazzjonijiet għall-vaganzi, segwita mill-"wirt kulturali" (27 %) u l-"possibilitajiet ta' divertiment" (14 %).

  • Għal aktar minn terz ta' dawk li jsiefru għall-gost (36 %) il-motivazzjoni ewlenija kienet it-tfittxija tal-"mistrieħ u r-rikreazzjoni", segwita minn "xemx u baħar" (18 %) u "żjarat lill-qraba u ħbieb" (17 %).

  • Il-vaganzi tagħhom jorganizzawhom individwalment: fl-2010, aktar minn nofs iċ-ċittadini tal-UE organizzaw il-vaganzi ewlenin tagħhom huma stess (57 %); din il-prattika hija saħansitra aktar popolari fil-pajjiżi kandidati, it-Turkija (80 %), l-Islanda (79 %) u l-Kroazja (78 %)!

Fi Frar tal-2011, ġew intervistati aktar minn 30,000 ċittadin minn età ta' 15-il sena 'l fuq li ntagħżlu każwalment mis-27 Stat Membru tal-UE, kif ukoll in-Norveġja, l-Islanda, l-Kroazja, it-Turkija u l-FYROM. Din kienet it-tielet sena konsekuttiva li l-Kummissjoni għamlet stħarriġ daqstant estensiv li meta ppreżentat b'mod analitiku f'kategoriji demografiċi u speċifiċi għall-pajjiż, joffri abbundanza ta' tagħrif komparabbli lill-partijiet interessati tat-turiżmu.

Il-Kummissjoni Ewropea wettqet dan it-tip ta stħarriġ darba fis-sena sa mill-2008 sabiex b'hekk issegwi l-ivvjaġġar għal żmien qasir u medju u t-tendenzi turistiċi taċ-ċittadini Ewropej. Dan jippermetti lill-Kummissjoni u lill-partijiet interessati tagħha li jirreaġġixxu għall-bidliet fid-domanda tat-turiżmu u għalhekk dan huwa strument importanti għat-tfassil tal-politika tat-turiżmu kif ukoll għall-ippjanar tal-industrija tat-turżimu, b'mod partikolari dwar it-tipi ta' turiżmu u d-destinazzjonijiet l-aktar popolari.

Sfond

Skont l-Eurostat, l-ikbar kontributur għall-figuri globali tat-tkabbir fl-2010 kienu l-iljieli li qattgħu dawk li mhux residenti: il-lukandi u stabbilimenti simili dehru li qamu aktar fuq tagħhom (+5.1 %) meta mqabbla mal-iljieli li qattgħu r-residenti (+1.1 %). Fl-2010, it-tkabbir għamel tajjeb għal kważi żewġ terzi tat-tnaqqis fl-2008 u l-2009 għall-iljieli kollha u l-iljieli li qattgħu dawk li mhux residenti. In-numru ta' ljieli li qattgħu r-residenti, li ma kienx daqstant milqut mill-kriżi, laħaq livelli rekord fl-2010.

Għal aktar tagħrif:

Ir-rapport komplut tal-istħarriġ Eurobarometer fuq "The attitudes of Europeans towards tourism 2011"

Konferenza tat-Turiżmu Ewropew tal-Partijiet Interessati


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website