Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/11/565

Brussell, it-13 ta' Mejju 2011

Tbassir għar-rebbiegħa 2011-2011: L-irkupru tal-ekonomija Ewropea jibqa' għaddej fost riskji ġodda

L-ekonomija tal-UE mistennija tibqa' ssaħħaħ l-irkupru progressiv li għaddejja minnu, bit-tbassir għall-2011 jidher ftit iktar pożittiv minn tal-ħarifa li għaddiet. Skont stima dettaljata, il-PDG mistenni li jiżdied b'madwar 1¾ % matul din is-sena, u b'madwar 2 % fl-2012. Din il-panorama hija mirfuda minn perspettivi aħjar għall-ekonomija dinjija, kif ukoll iktar ottimiżmu ġenerali fil-kummerċ tal-UE. L-inflazzjoni, madankollu, tielgħa b'rata iktar veloċi, bix-xejra tagħha tirrifletti ż-żieda fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi. L-inflazzjoni nominali (headline inflation) hija stmata li tilħaq medja ta' kważi 3 % fl-UE u 2½ % fiż-żona euro din is-sena, u mbagħad taqa' sa madwar 2 % u 1¾ %, rispettivament, fl-2012. Intant, il-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol mistennijin jitjiebu bil-mod matul il-perjodu tat-tbassir. Ir-rata tal-qgħad hi stmata li taqa' b'nofs punt perċentwali, sa ftit iktar minn 9 %, u sa 9 ¾ % fl-UE u fiż-żona euro sal-2012. Il-konsolidament fiskali għadu għaddej, bl-iżbilanċ pubbliku mistenni jinżel sa madwar 3¾ % tal-PGD sal-2012. Madankollu, il-panorama ta' kull Stat Membru individwali tvarja b'mod konsiderevoli.

Il-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, Olli Rehn, qal: "Il-messaġġ ewlieni mogħti mit-tbassir tagħna huwa li l-irkupru ekonomiku Ewropew huwa sod u għadu għaddej, minkejja t-turbulenza esterna riċenti u tensjonijiet fis-suq tad-dejn sovran. L-iżbilanċi pubbliċi niżlin biċ-ċar. Issa huwa fundamentali li dan ir-ritmu ta’ tkabbir u konsolidament jissaħħaħ, u li niżguraw li jissarraf f'iktar impjiegi u kwalità ta’ xogħol. Għal dan il-għan, jeħtieġ iktar konsolidament fiskali, u l-implimentazzjoni determinata ta' riformi strutturali li jgħinu fil-ħolqien tal-impjiegi u jtejbu l-kompetittività tal-ekonomiji tagħna."

L-irkupru ekonomiku jibqa' għaddej b'mod stabbli

L-irkupru ekonomiku tal-UE jibqa' miexi 'l quddiem, minkejja ċerti punti vulnerabbli li għadhom jippersistu fis-swieq finanzjarji, u minkejja l-isfidi tal-ambjent estern, li kulma jmur qed jikbru. L-irkupru qed jinfirex sew, u huwa stmat li jibqa' sejjer hekk matul l-2011, kif kien ġie mbassar, bejn wieħed u ieħor, fil-ħarifa li għaddiet. L-investiment fit-tagħmir mistenni jibda jgħaġġel sew matul din is-sena, bl-appoġġ ta' reviżjoni 'l fuq tat-tkabbir fl-esportazzjonijiet. Mill-banda l-oħra, l-investiment fil-kostruzzjoni ser jibqa' jinżel, sitwazzjoni li tixhed l-aġġustamenti li għadhom għaddejjin f'ħafna mill-Istati Membri. Sadattant, il-konsum privat fl-UE mistenni jitla' xi ftit din is-sena, u mis-sena d-dieħla 'l quddiem, l-irkupru progressiv tiegħu għandu jintrifed minn titjib gradwali fil-kundizzjonijiet fis-suq tax-xogħol, tkabbir moderat fid-dħul, u rati ta' tfaddil iktar baxxi. Madankollu, rati ogħla ta' inflazzjoni rażżnu ftit ir-ritmu ta' dan it-tisħiħ progressiv meta mqabbel mat-tbassir tal-ħarifa li għaddiet. Barra minn hekk, il-proċess tad-diżingranar li għadu għaddej fis-setturi korporattivi u domestiċi, averżjoni akbar għar-riskju, u l-impatt tal-konsolidament fiskali mistennijin ikollhom impatt, fil-medda l-qasira, fuq l-infiq kapitali u tal-konsumaturi.

Kif inhu tipiku fl-irkupri minn kriżijiet finanzjarji profondi, l-irkupru tal-UE mistenni jkun aktar imrażżan milli f'każijiet imgħoddija, għalkemm hekk kif id-domanda domestika privata bil-mod il-mod tissaħħaħ, l-irkupru jibda jsostni lilu nnifsu dejjem iktar. Fejn jidħlu l-medji annwali, it-tkabbir tal-PDG mistenni jaqbeż ftit 'il fuq, minn ftit ogħla minn 1½ % fiż-żona euro u 1¾ % fl-UE din is-sena, sa madwar 2 % fiż-żewġ reġjuni fl-2012. Iċ-ċifri għall-2011 huma ftit ogħla minn dawk mistennija fit-tbassir dettaljat li sar il-ħarifa li għaddiet.

Żviluppi varji fost l-Istati Membri

L-istampa globali taħbi differenzi sinifikanti fl-iżviluppi minn Stat Membru għal ieħor. Ċerti pajjiżi, partikularment il-Ġermanja, iżda wkoll xi ekonomiji iżgħar orjentati lejn l-esportazzjoni, għaddew minn qabża soda fl-attività tagħhom, filwaqt li oħrajn, speċjalment xi pajjiżi periferiċi, għadhom qed ikaxkru. Huwa mistenni li r-ritmu tal-irkupru fl-UE jibqa' jvarja.

Il-korrezzjoni li għadha għaddejja tal-iżbilanċi ġewwa l-UE għandha tkompli matul il-perjodu tat-tbassir. L-aġġustament huwa l-iktar sinifikanti f'dawk il-pajjiżi li kellhom żbilanċ kbir ħafna fil-bidu tal-kriżi, l-iktar minħabba tnaqqis fil-konsum. Madankollu, ċerti bilanċi pożittivi u strutturalment għoljin fil-kontijiet kurrenti jidhru li niżlin bil-mod, fid-dawl ta' domanda domestika iktar b'saħħitha u iktar dinamiżmu fl-importazzjonijiet.

L-irkupru fl-impjieg ikollu jistenna, iżda l-finanzi pubbliċi jibqgħu jitjiebu

Is-sitwazzjoni fis-swieq tax-xogħol Ewropej għadha ddiversifikata, bir-rata tal-qgħad tvarja minn 4 %-5 % fl-Olanda u l-Awstrija sa 17 %-21 % fi Spanja u l-Pajjiżi Baltiċi. L-impjieg fl-UE tela' ftit fl-aħħar kwart tal-2010, xprunat minn titjib f'kull settur, ħlief għall-industrija u l-kostruzzjoni. Akkont tal-qabża normali ta' żmien bejn il-produzzjoni u t-tkabbir fl-impjieg, l-impjieg mistenni jitjieb modestament fiż-żewġ reġjuni matul din is-sena. F'dak li jirrigwarda l-qgħad, jitbassar tnaqqis ta' madwar nofs punt perċentwal matul il-perjodu ta' referenza fiż-żewġ reġjuni. Madankollu, minkejja d-dawl li deher f'tarf il-mina mill-ħarifa 'l hawn, tibqa' l-perspettiva ta' rkupru mingħajr wisq ħolqien ta' impjiegi.

Il-finanzi pubbliċi bdew jitjiebu s-sena li għaddiet. Bis-saħħa ta' tkabbir iktar b'saħħtu u tmiem il-miżuri temporanji ta' stimolu, l-iżbilanċ ġenerali tal-gvern fl-UE mbassar li jaqa' minn madwar 6½ % tal-PDG fl-2010 sa madwar 4¾ % fl-2011 u 3¾ % fl-2012, b'xejra simili iżda f'livell ftit iktar baxx għaż-żona euro. Din is-sitwazzjoni hija ftit iktar favorevoli minn dik li tbassret fil-ħarifa. Fiż-żewġ reġjuni, it-tnaqqis fl-infiq jikkostitwixxi l-ikbar parti tal-aġġustament. Min-naħa l-oħra, il-proporzjon ta' dejn jibqa' tiela' matul il-perjodu tat-tbassir, sakemm jilħaq xi 83 % mill-PDG fl-UE u 88 % fiż-żona euro sal-2010.

L-inflazzjoni tibqa' tiegħla

Inflazzjoni relattivament għolja tal-prezzijiet għall-konsumaturi hija possibbli ħafna fl-UE u fiż-żona euro matul il-perjodu li ġej, għalkemm tkun wisq inqas miż-żieda drastika tal-2008. Xprunata l-iktar minn iktar inflazzjoni fil-prezzijiet tal-enerġija, l-inflazzjoni tal-indiċi armonizzat tal-prezzijiet tal-konsum (HICP) hi stmata li tilħaq medja ta' kważi 3 % fl-UE u 2½ % fiż-żona euro din is-sena, u mbagħad taqa' sa madwar 2 % u 1¾ %, rispettivament, fl-2012. Dan l-istaġnar, li għadu wieħed pjuttost kbir, mistenni jrażżan it-tkabbir fis-salarji kif ukoll l-inflazzjoni sottostanti, u b'hekk jagħmel tajjeb parzjalment għaż-żidiet mistennija fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-prodotti bażiċi.

Jibqgħu r-riskji ta' inqas tkabbir fost iktar inċertezza

Il-bidliet politiċi li qed isiru fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta' Fuq, flimkien mal-konsegwenzi ekonomiċi ħarxa tat-terremot u z-tsunami fil-Ġappun, ġabu magħhom iktar inċertezza, u jikkostitwixxu riskji għall-attività ekonomika dinjija, bil-potenzjal li jmexxu lejn iktar inflazzjoni dinjija u inqas tkabbir minn dak tat-tbassir bażiku.

Is-swieq finanzjarji, b'mod partikulari ċerti oqsma tal-bonds sovrani, għadhom fraġli, u wieħed ma jistax jeskludi ċrieki vizzjużi li jreġġgħu lura l-progressi li jsiru. Jeżistu wkoll riskji minn tensjonijiet fis-swieq tal-valuti.

Fuq in-naħa pożittiva, tkabbir globali iktar b'saħħtu milli kien imbassar, bis-saħħa ta' domanda domestika iktar b'saħħitha minn dik mistennija fis-swieq emerġenti, jistgħu jkomplu jkunu ta' ġid għat-tkabbir fl-esportazzjonijiet tal-UE. L-ibbilanċjar mill-ġdid tat-tkabbir tal-PDG tal-UE lejn id-domanda domestika jista' jsir iktar b'saħħtu milli kien imbassar; bis-suq tax-xogħol, pereżempju, li qed jagħti sorpriżi tajbin. B'mod simili, it-tkabbir sod li għaddej fil-Ġermanja jista' jkollu iktar konsegwenzi pożittivi għall-Istati Membri l-oħra milli mistenni.

Kollox ma' kollox, skont dan it-tbassir, il-bilanċ tar-riskji għall-perspettivi ta' tkabbir ekonomiku jmil biċ-ċar lejn in-naħa negattiva.

Jissajjaw riskji ta' iktar inflazzjoni

Fit-tbassir li sar qabel dan, ir-riskji għall-perspettivi tal-inflazzjoni tqiesu bbilanċjati, iżda llum qegħdin jidhru ikbar. Filwaqt li l-istaġnar ekonomiku konsiderevoli, il-kundizzjonijiet dgħajfa fis-suq tax-xogħol, u aspettattivi ġenerali u sostnuti ta' iktar inflazzjoni, għandhom irażżnu l-inflazzjoni sottostanti, il-pressjonijiet mill-iżviluppi fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi jistgħu jkunu iktar b'saħħithom milli hu mbassar bħalissa. B'mod partikulari, jekk it-tensjonijiet ġeopolitiċi jibqgħu jinfirxu mal-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq, jista' jinqala' xkiel għall-provvista taż-żejt li jtella' l-prezzijiet lil hinn mil-livelli mogħtija f'dan it-tbassir.

Għal rapport iktar iddettaljat, ara:

http://ec.europa.eu/economy_finance/eu/forecasts/2011_spring_forecast_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website