Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Is-sikurezza tal-prodotti: Inqas prodotti perikolużi li jiżgiċċaw il-kontrolli; is-sikurezza fil-bidu nett - għan ewlieni.

Commission Européenne - IP/11/557   12/05/2011

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/11/557

Brussell, it-12 ta’ Mejju 2011

Is-sikurezza tal-prodotti: Inqas prodotti perikolużi li jiżgiċċaw il-kontrolli; is-sikurezza fil-bidu nett - għan ewlieni.

Kemm jekk inkunu qed nixtru push-chair kif ukoll par żarbun ġdid, ilkoll nieħdu gost naraw li l-prodotti li nixtru fl-UE huma sikuri. L-aħbar tajba hija li inqas prodotti perikolużi qed jaslu fis-suq tal-UE billi prodotti bħal dawn issa qed jiġu identifkati u mneħħija iktar malajr. Minħabba l-effikaċja li kull ma tmur dejjem tiżdied tas-sistema ta' allert rapidu tal-UE għal prodotti perikolużi li mhumiex ikel ("RAPEX"), rekord ta' 2,244 prodotti perikolużi ġew ipprojbiti jew tneħħew mis-suq jew inġabru lura mill-konsumaturi fl-2010 (13 % aktar meta mqabbel mal-2009), skont ir-rapport annwali RAPEX li ġie ppubblikat illum. L-Istati Membri tejbu l-prestazzjoni tagħhom u n-negozji Ewropej ukoll qed jieħdu r-responsabbiltajiet tagħom bis-serjetà fir-rigward tal-qasam tas-sikurezza tal-prodotti għall-konsumaturi, b'żieda notevoli (200 %) tal-użu tas-sistema ta’ allert rapidu apposta għan-negozju ('GPSD Business Application'). Is-sikurezza fil-bidu nett saret fokus ewlieni - bl-attenzjoni issa tittrasferixxi ruħha lura għax-xogħol qabel ma joħroġ mill-fabbrika (disinn u manifattura), u l-ħidma mal-imsieħba internazzjonali qed tikber, b'mod partikolari maċ-Ċina.

John Dalli, il-Kummissarju għas-Saħħa u l-Politika tal-Konsumatur, qal: "Is-sikurezza fil-bidu nett hija importanti għas-sikurezza tal-prodott, speċjalment minħabba r-realtajiet ġodda tal-globalizzazzjoni. Il-kumpaniji għandhom ifasslu r-riskji tas-sikurezza mill-bidu, il-produtturi għandhom jiġġestixxu l-kwalità tal-proċess ta' manifattura u jikkontrollaw il-prodotti finali li joħorġu mill-katina ta’ muntaġġ. Is-sħubiji qed jibdew jagħtu r-riżultati, kemm fl-Ewropa kif ukoll f'pajjiżi li jfornuna, bħaċ-Ċina. Dan ifisser li nistgħu nkomplu bix-xogħol importanti li jeħtieġ isir”.

Is-sistema RAPEX kull ma tmur dejjem iżżid fl-effikaċja.

Sa mill-introduzzjoni tar-RAPEX fl-2004 (meta id-Direttiva Ġenerali dwar is-Sikurezza tal-Prodotti ġiet trasposta fil-liġijiet nazzjonali), in-notifiki żdiedu minn 468 (2004) sa 2,244 (2010). It-tkabbir fil-kapaċità u l-effiċjenza ġej minn:

  • iktar infurzar attiv tas-sikurezza tal-prodotti min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali, inkluż permezz ta' prodotti speċifiċi;

  • allokazzjoni aħjar tar-riżorsi;

  • għarfien aħjar fost n-negozji tal-obbligi tagħhom;

  • kooperazzjoni mtejba mal-pajjiżi terzi, b'mod partikolari, iċ-Ċina;

  • il-bini ta’ netwerks u taħriġ kkoordinat mill-Kummissjoni Ewropea.

L-attenzjoni għall-futur se tkun fuq il-kwalità u l-utilità tan-notifiki.

Fir-rigward tal-pajjiżi tal-oriġini, l-għadd ta' notifiki fuq il-prodotti miċ-Ċina mibgħuta permezz tar-RAPEX urew xi tnaqqis żgħir (ta' 2 %, minn 60 % fl-2009 sa 58 % fl-2010. 17 % kienu ta' oriġini Ewropea. 10 % kienu ta' oriġini mhux magħrufa u 15 % kienu minn pajjiżi oħra.

L-Istati Membri kollha involuti.

L-Istati Membri kollha pparteċipaw fis-sistema tar-RAPEX billi identifikawaw u nnotifikaw prodotti ġodda perikolużi u billi żguraw azzjonijiet rilevanti ta' segwitu wara li tkun waslet l-informazzjoni.

Fl-2010, nofs il-pajjiżi parteċipanti reġgħu żiedu l-attivitajiet tagħhom fis-sistema.

L-iktar pajjiżi attivi kienu l-Ġermanja (204 notifiki), il-Bulgarija (192 notifika), l-Ungerija (191 notifika), Ċipru (191 notifika) u l-Greċja (159 notifika). In-notifiki mibgħuta minn dawn il-pajjiżi jirrappreżentaw 47 % tan-notifiki kollha mibgħuta permezz tas-sistema dwar il-prodotti li jippreżentaw riskju serju.

Fuq in-naħa ta' fuq tal-lista nsibu l-ilbies u t-tessuti, il-ġugarelli u l-vetturi bil-mutur

L-ilbies u t-tessuti (625 notifika) kienu l-iktar prodotti notifikati ta' spiss (riskji ta' fgar u irritazzjoni) imbagħad il-ġugarelli (488 notifika), (prinċipalment riskju ta' fgar), u vetturi bil-mutur (175 notifika), (riskju ta' korriment), li flimkien ammontaw għal 66 % tan-notifiki kollha tal-2010 dwar prodotti li jirrappreżentaw riskju serju. It-tagħmir elettriku (158 notifika) sar ir-raba' l-iktar kategorija ta' prodott li ġiet innotifikata (riskju ta' xokk b'elettriku).

Ir-riżultati tal-kontroll tas-sorveljanza tas-suq tal-UE dwar l-elmi

Fl-2010, l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq fi 11-il pajjiż1 wettqu kontroll speċifiku fuq is-sikurezza tal-elmi għal għanijiet ta' divertiment (għal skijers alpini, snowborders, ċiklisti, skejtbords, roler skejters u rikkieba taż-żwiemel). Dawn spezzjonaw 367 elmu għall-konformità mal-leġizlazzjoni rilevanti tas-sikurezza.

Fir-rigward tar-rekwiżiti għat-tikkettjar u l-istruzzjonijiet għall-użu, 63 % tal-kampjun kienu mhux konformi. Fir-rigward tal-parametri tas-sikurezza b'mod speċifiku, 40 elmu (identifikati minn esperti tas-sorveljanza tas-suq espert bħala potenzjalment mhux konformi) intbgħatu lil-laboratorju għall-ittestjar sħiħ tal-aspetti tas-sikurezza inkluż: il-kamp viżiv, l-kapaċità li jiġu assorbiti l-iskossi, l-adegwatezza tas-sistema ta' żamma li żżomm l-elmu f'postu. Ir-riżultati wrew li kważi nofs il-mudelli ttestjati ma kkonformawx mal-istandard rilevanti għal wieħed jew iktar mill-parametri ta' hawn fuq.

L-għan ewlieni tal-proġett (kkordinat minn PROSAFE, in-netwerk tal-UE tal-awtoritajiet tas-sorveljanza2) kien li jitnaqqas l-għadd ta' elmi mhux sikuri fuq is-suq tal-UE. Dan iffaċilita wkoll li l-Istati Membri jiksbu esperjenza biex jaħdmu flimkien għal sorveljanza aħjar u l-infurzar tar-regoli tas-sikurezza. L-awtoritajiet nazzjonali se jintensifikaw xogħolhom biex jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti rilevanti tas-sikurezza u biex jinfurmaw u jedukaw l-operaturi ekonomiċi u l-konsumaturi.

Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ara:

MEMO/11/288

Ħolqa għall-websajt tagħna: http://ec.europa.eu/consumers/safety/news/index_en.htm

1 :

Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, Spanja, il-Litwanja, il-Latvja, l-Olanda, l-Isvezja, is-Slovenja, flimkien mal–Islanda u n-Norveġja.

2 :

Il-Forum dwar l-Infurzar tas-Sikurezza tal-Prodott tal-Ewropa (Product Safety Enforcement Forum of Europe) hija organizzazzjoni li ma tagħmilx qligħ stabbilita minn uffiċjali tas-sorveljanza tas-suq minn bosta pajjiżi madwar l-Ewropa u li għandha l-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea - huwa għandu l-għan li jtejjeb is-sorveljanza tas-suq permezz tal-aħjar prassi. www.prosafe.org


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site