Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/11/556

Brussell, il-11 ta' Mejju 2011

L-Aġenda Diġitali: iktar minn nofs l-utenti tal-internet fl-UE jużaw ilsien barrani meta jkunu onlajn

Skont stħarriġ li sar mill-Ewrobarometru fl-UE kollha u li ġie ppubblikat illum, filwaqt li 90 % mill-utenti tal-internet fl-UE jippreferu jżuru websajts li jkunu fi lsienhom, 55 % minnhom, talanqas xi minn daqqiet, jużaw ilsien differenti minn tagħhom meta jkunu onlajn. Madankollu, 44 % mill-utenti Ewropej tal-internet iħossu li qegħdin jitilfu tagħrif interessanti, billi ċerti websajts ma jkunux fi lsien li jifhmu; b'riħet hekk, pereżempju, 18 % biss mill-utenti jixtru prodotti fuq l-internet bi lsien barrani. Dawn ir-riżultati jisħqu fuq il-ħtieġa għal iktar investiment f'għodda tat-traduzzjoni onlajn, sabiex l-utenti tal-internet tal-UE ma jkunux esklużi mill-possibbiltà li jsibu tagħrif jew prodotti fuq l-internet minħabba li ma jkollhomx ċerti ħiliet lingwistiċi. Bħalissa, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tmexxi 30 proġett differenti tar-riċerka dwar l-interfaċċja ta' bejn il-lingwi u l-kontenut diġitali u qed tagħtihom finanzjament ta' EUR 67 miljun. Barra minn hekk, il-proġetti l-ġodda li se jitressqu din is-sena għandhom jirċievu EUR 50 miljun oħra. Wieħed mill-għanijiet tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa huwa li tiżgura li kulħadd ikollu iktar aċċessibbiltà għall-kontenut tal-internet (ara d-dokumenti IP/10/581, MEMO/10/199 u MEMO/10/200).

Neelie Kroes, il-Viċi Presidenta tal-Kummissjoni Ewropea għall-Aġenda Diġitali, qalet: "Jekk aħna serji dwar l-għan li kull ċittadin Ewropew ikun jaf juża l-internet, irridu niżguraw li kull wieħed minnhom ikun jifhem il-kontenut li jkun qed ifittex. Bħalissa qegħdin niżviluppaw teknoloġiji ġodda li jistgħu jkunu ta' għajnuna għal min ma jifhimx bi lsien barrani."

L-istħarriġ juri li filwaqt li hemm ammont kbir ta' kontenut ta' kwalità għolja disponibbli fuq l-internet, mhux kulħadd jaf jużah bl-istess mod u jislet l-istess vantaġġi minnu, minħabba ħiliet lingwistiċi differenti. Bħala medja, wieħed minn kull żewġ utenti tal-internet fi 23 Stat Membru juża lsien differenti minn tiegħu biex jaqra fuq l-internet. Madankollu, din iċ-ċifra taħbi differenzi kbar, għaliex filwaqt li bejn 90 % u 93 % tal-Griegi, is-Sloveni, il-Lussemburgiżi, il-Maltin u ċ-Ċiprijotti indikaw li jużaw ilsien barrani meta jkunu fuq l-internet, kienu biss 9 % fir-Renju Unit, 11 % fl-Irlanda, 23 % fir-Repubblika Ċeka u 25 % fl-Italja li qalu li jagħmlu dan.

L-Ingliż bħala l-lingwa franka fuq l-internet

L-istħarriġ jikkonferma li l-Ingliż huwa l-iktar ilsien li jintuża fuq l-internet biex wieħed jaqra u jara l-vidjows b’lingwa barranija: kważi nofs l-utenti tal-internet fl-UE (48 %) jużaw l-Ingliż talanqas "xi minn daqqiet", filwaqt li bejn 4 % u 6 % tal-utenti jużaw l-Ispanjol, il-Ġermaniż u l-Franċiż. Mill-ġdid, ivarjaw ħafna d-drawwiet fost l-Istati Membri: 90% mill-utenti tal-internet f'Ċipru, 97 % f'Malta u 85 % fil-Ġreċja u fl-Iżvezja jużaw websajt bl-Ingliż jekk l-informazzjoni ma tkunx disponibbli fi lsienhom, iżda huma biss 35 % fl-Italja, 45 % fil-Latvja, 47 % fir-Rumanija u 50 % fi Franza li jagħmlu dan. Min-naħa l-oħra, il-Lussemburgiżi jippreferu jużaw il-Franċiż (67 %) u l-Ġermaniż (63 %), iktar milli l-Ingliż (55 %). Fir-Renju Unit u fl-Irlanda, fejn ftit li xejn mill-utenti tal-internet semmew li jużaw lingwa differenti minn tagħhom, il-Franċiż huwa l-aktar ilsien barrani użat biex wieħed jaqra jew jara kontenut fuq l-internet (9 % u 7 % rispettivament).

Raġunijiet biex wieħed jibdel il-lingwa

Il-biċċa l-kbira tan-nies isibu ruħhom obbligati jużaw lingwa barranija meta jkunu qed ifittxu t-tagħrif (81 %), għalkemm 62 % jużaw ilsien barrani wkoll għar-relazzjonijiet soċjali, l-aktar biex jikkomunikaw mal-ħbieb fuq l-internet, jew għal raġunijiet professjonali (52 %).

Sa 44 % minn dawk li wieġbu għall-istħarriġ iħossu li qed jitilfu tagħrif interessanti minħabba li ċerti websajts ikunu fi lsien li ma jifhmux: dan hu l-każ ta' 60 % mill-Griegi, 58 % mill-Ispanjoli u 56 % mill-Portugiżi.

Ix-xiri fuq l-internet

Ix-xiri fuq l-internet huwa qasam fejn in-nies jippreferu jużaw ilsienhom stess. 18 % biss mill-utenti tal-internet fl-UE jixtru l-affarijiet onlajn dejjem jew b’mod frekwenti fi lsien barrani, u 42 % qalu li qatt ma jixtru l-affarijiet fuq l-internet fi lsien differenti minn tagħhom. Għax-xiri fuq l-internet, l-irġiel (61 %) jużaw l-ilsna barranin iktar min-nisa (51 %).

Favur iktar ftuħ u diversità

Filwaqt li kważi 9 minn kull 10 persuni li wieġbu għall-istħarriġ (88 %) iqisu li l-websajts kollha maħluqin f'pajjiżhom għandhom ikunu fil-lingwi uffiċjali nazzjonali tagħhom, madwar 8 minn kull 10 (81 %) huma tal-fehma li t-tali websajts għandhom joffru wkoll verżjonijiet f'ilsna oħra.

Sforzi ta' riċerka u żvilupp

Bħalissa, il-Kummissjoni qiegħda tmexxi 30 proġett ta' riċerka u innovazzjoni favur teknoloġiji lingwistiċi li jistgħu jħaffu l-aċċess għall-informazzjoni fuq l-internet li tkun f'ilsna barranin. Ngħidu aħna, il-proġett iTRANSLATE4 qiegħed jiżviluppa l-ewwel portal tal-internet li jipprovdi aċċess b'xejn għal traduzzjonijiet onlajn bejn iktar minn 50 ilsien Ewropew u dinji, u jippermetti lill-utenti jqabblu simultanjament ir-riżultati differenti tat-traduzzjoni mogħtija mill-għodod l-iktar komuni (eż. Google, Bing, Systran, Trident, Linguatec). L-UE qiegħda tikkontribwixxi EUR 2 miljun għal dan il-proġett.

Biex isir iktar progress fit-teknoloġiji lingwistiċi, jeħtieġ li jkun hemm kollaborazzjoni usa' u djalogu kontinwu bejn l-industrija, ir-riċerkaturi, is-settur pubbliku u ċ-ċittadini. Il-proġett META-NET, li rċieva għajnuna ta' EUR 6 miljun mill-UE, qiegħed jibni alleanza teknoloġika favur Ewropa multilingwi (li diġà tinkludi 'l fuq minn 200 membru).

L-isfond

L-ewwel stħarriġ tal-Ewrobarometru li qatt sar fuq "Il-preferenzi lingwistiċi tal-utenti tal-internet" twettaq f'Jannar 2011. Il-kampjun huwa magħmul minn 500 utent tal-internet f'kull Stat Membru. B'kollox, ġew intervistati 13 500 persuna.

It-teknoloġiji lingwistiċi jintużaw f'firxa wiesgħa ta' applikazzjonijiet, bħalm'huma l-għodod ta' traduzzjoni awtomatika, diversi tipi ta' sistemi ta' djalogu, magni sofistikati tat-tiftix, it-tiftix u l-ġbir fil-qosor ta' tagħrif b’mod awtomatiku, eċċ. Dawn it-teknoloġiji għandhom il-potenzjal li jħaffu l-aċċess għall-kontenut ta’ fuq l-internet biex ikun jista' jinqeda bih kulħadd, li jnaqqsu l-ispejjeż għan-negozji billi jżidu l-effiċenzja ta' ċerti proċessi tax-xogħol, u li jgħinu biex jinħoloq is-suq diġitali Ewropew.

L-istħarriġ tal-Ewrobarometru msejjaħ "Il-preferenzi lingwistiċi tal-utenti tal-internet":

http://ec.europa.eu/public_opinion/flash/fl_313_en.pdf

http://cordis.europa.eu/fp7/ict/language-technologies/

Proġetti tar-riċerka dwar l-ilsna:

http://ec.europa.eu/public_opinion/index_en.htm

http://cordis.europa.eu/fp7/ict/language-technologies/home_en.html

Il-websajt tal-Aġenda Diġitali:

http://ec.europa.eu/information_society/digital-agenda/index_en.htm

Il-websajt ta' Neelie Kroes: http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/kroes/

Segwi 'l Neelie Kroes fuq Twitter: http://twitter.com/neeliekroeseu


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website