Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tħarrax il-ġlieda kontra d-droga

European Commission - IP/11/552   10/05/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/11/552

Brussell, l-10 ta’ Mejju 2011

Il-Kummissjoni tħarrax il-ġlieda kontra d-droga

Waqt il-laqgħa ministerjali tal-G8 f'Pariġi llum, il-Kummissjoni appellat għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra d-droga u ppreżentat inizjattivi ġodda għall-ġlieda kontra din il-pjaga moderna. Filwaqt li l-ġlieda kontra d-droga tibqa' waħda mill-prijoritajiet tas-sigurtà għall-UE, huwa biss permezz ta’ approċċ globali u integrat li jistgħu jinkisbu riżultati permanenti għal kulħadd.

“Kull xahar, 1.5 miljun Ewropew jikkunsmaw il-kokaina. Madwar 140 tunnellata ta' kokaina jiġu kkunsmati kull sena fl-UE. Meta wieħed iqis li din tinbiegħ fit-triq għal €50 kull gramma, dan joħloq suq illeċtu li bejn wieħed u ieħor jiswa’ €550 miljun fix-xahar. Fuq skala globali, il-kartelli tad-droga influwenzaw stati u saħansitra reġjuni sħaħ. Huwa kruċjali li jitħarbtu x-xbieki tal-kriminalità internazzjonali, u l-azzjonijiet tagħna jistgħu jirnexxu biss jekk ikunu kkoordinati fuq livell internazzjonali,” qalet il-Kummissarju Cecilia Malmström, li hi responsabbli mill-Affarijiet Interni.

Taħt il-kappa tal-Istrateġija tal-UE dwar id-Droga 2005-2012, tal-programm ta’ Stokkolma, u tal-Istrateġija ta’ Sigurtà Interna tal-UE, l-UE bħalissa qed tiżviluppa firxa wiesgħa ta’ azzjonijiet operattivi fuq il-fronti kollha tal-ġlieda kontra d-droga. Fil-futur għandha tissaħħaħ l-azzjoni f’dan il-qasam, abbażi ta’ qafas finanzjarju mġedded.

  • Bit-twaqqif tas-sistema Ewropea ta’ sorveljanza tal-fruntieri (EUROSUR), l-UE se tkun tista’ ttejjeb it-tagħrif li tikseb dwar il-fruntieri u toffri valur miżjud lil investigazzjonijiet dwar it-traffikar transkonfinali tad-droga. EUROSUR se tuża t-teknoloġiji l-ġodda, bħalma huma l-immaġini miksuba bl-għajnuna tas-satelliti, biex issib u tintraċċa movimenti suspettużi fil-fruntiera marittima billi, pereżempju, tintraċċa inġenji veloċi tal-baħar li jkunu qed jittrasportaw id-drogi lejn l-UE.

  • L-UE tappoġġja b’mod konkret diversi pjattaformi ta’ kooperazzjoni internazzjonali matul ir-rotot ewlenin ta’ traffikar. Pereżempju, fiċ-Ċentru Marittimu ta' Analiżi u Operazzjoni- Narkotiċi (MAOC-N), l-Istati Membri tal-UE jaħdmu flimkien mal-Istati Uniti u ma' għadd ta’ pajjiżi terzi fil-ġlieda kontra d-droga matul ir-rotta tal-kokaina. Fl-Afrika tal-Punent, permezz ta’ pjattaformi ta’ skambju tal-informazzjoni f’Dakar u f’Akkra, uffiċjali ta’ kollegament tal-UE jikkooperaw fi proġetti maħsuba biex ikattru l-ħiliet fil-ġlieda kontra d-droga. Dawn il-pjattaformi huma ċentrali fil-koordinazzjoni tal-isforzi matul ir-rotot ta' traffikar.

  • L-UE qed issaħħaħ il-prevenzjoni, is-sejba u t-tħarbit tal-attivitajiet tal-kriminalità organizzata permezz ta' miżuri aktar effiċjenti li jvarjaw minn investigazzjoni finanzjarja sal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, il-korruzzjoni, l-iskambju tal-informazzjoni u l-konfiska ta' assi kriminali. F’dan is-sens, il-Kummissjoni se tipproponi, sa tmiem l-2011, aktar leġiżlazzjoni robusta tal-UE fejn jidħol l-irkupru tal-assi biex jiġi limitat il-poter finanzjarju tat-traffikanti tad-droga. Il-Kummissjoni sejra wkoll tiddefinixxi strateġija tal-UE għat-titjib tal-investigazzjoni finanzjarja.

  • Fuq livell internazzjonali, l-UE hija impenjata f’tisħib ma’ pajjiżi terzi madwar id-dinja kollha, u bħalissa qed tiżviluppa strateġija bejn l-UE u s-Sahel biex issaħħaħ il-kapaċitajiet fil-qasam tas-sigurtà, l-infurzar tal-liġi u l-istat tad-dritt fil-ġlieda kontra t-theddid mill-kriminali.

Sfond:

Sabiex tindirizza din is-sitwazzjoni, il-G8 approva inizjattiva li tlaqqa’ madwar 20 pajjiż mill-Amerika ta’ Fuq u ta’ Isfel, mill-Afrika u mill-Ewropa li huma l-muturi reġjonali fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga.

Għal iktar informazzjoni

Il-websajt ta' Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/malmstrom/welcome/default_en.htm

Is-sit web ewlieni tad-DĠ għall-Affarijiet Interni:

http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website