Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/11/551

Brussell, l-10 ta’ Mejju 2011

Aġenda Diġitali: Task Force tal-UE biex tagħti pariri dwar il-promozzjoni tas-Saħħa-e biex tgħin lill-pazjenti u lis-sistemi tal-kura tas-saħħa fl-Ewropa

Fl-10 ta' Mejju, f'Budapest, Task Force tal-UE għas-Saħħa-e, ippreseduta mill-President tal-Estonja Toomas Hendrik Ilves, iltaqgħet għall-ewwel darba biex tivvaluta r-rwol tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT) fil-kura tas-saħħa u l-kura soċjali u biex tissuġġerixxi modi kif l-ICT jistgħu jħaffu r-ritmu tal-innovazzjoni fil-kura tas-saħħa għall-benefiċċju tal-pazjenti, ta' dawk li jieħdu ħsiebhom u tas-settur tal-kura tas-saħħa. Il-grupp konsultattiv ta' livell għoli, li ltaqa' fl-ambitu tal-ġimgħa Saħħa-e fl-Ungerija, huwa magħmul minn professjonisti tal-kura tas-saħħa, rappreżentanti tal-pazjenti, u tal-industriji mediċi, farmaċewtiċi u tal-ICT, esperti legali u dawk li jfasslu l-politika. L-applikazzjonijiet tal-ICT diġà jgħinu biex jagħtu s-setgħa lill-pazjenti u biex jindirizzaw sfidi li jiltaqgħu magħhom is-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-UE bħal tixjiħ tal-popolazzjoni, żieda f'mard kroniku, nuqqas ta' professjonisti fil-qasam tas-saħħa u restrizzjonijiet ta' baġit billi, pereżempju, jippermettu dijanjosi u trattament remoti u skambju sikur ta' reġistri tal-pazjenti. Madankollu, hemm potenzjal konsiderevoli biex fil-ġejjieni s-Saħħa-e tiġi żviluppata ferm aktar u: tippermetti lill-ħaddiema tal-kura tas-saħħa jiddedikaw u jqattgħu aktar ħin mal-pazjenti; ittejjeb l-awtonomija u l-indipendenza tal-pazjenti u l-anzjani; kif ukoll biex jiġu żviluppati tekniki dijanjostiċi bbażati fuq l-immudellar. Il-promozzjoni tas-Saħħa-e hija għan ewlieni tal-Aġenda Digitali għall-Ewropa (ara IP/10/581, MEMO/10/199 u MEMO/10/200).

Neelie Kroes, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Aġenda Diġitali qalet "Il-potenzjal tas-Saħħa-e għat-twassil ta' kura aħjar u sostenibbli lil kull ċittadin Ewropew huwa enormi. Nistenna li t-Task Force tas-Saħħa-e jaħsbu b'mod kreattiv fuq il-konsegwenzi u l-opportunitajiet possibbli tal-qasam diġitali għall-mod kif nirċievu u nipprovdu l-kura tas-saħħa u nieħdu ħsieb saħħitna fis-snin li ġejjin."

John Dalli, il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa u l-Politika tal-Konsumatur qal: "Nemmen li l-għodod tas-Saħħa-e jistgħu jgħinu biex jipprovdu kura aħjar, lil għadd akbar ta' persuni, u b'mod aktar sostenibbli u effiċjenti. Jidher ċar li fl-Ewropa hemm il-ħtieġa li jiġi sfruttat il-potenzjal tas-Saħħa-e biex jitwasslu soluzzjonijiet konkreti lill-pazjenti: l-għodod innovattivi għall-ġestjoni tal-mard kroniku u l-użu tat-telemediċina biex jitnaqqas l-impatt tan-nuqqasijiet fil-forza tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa huma eżempji tal-valur miżjud kbir ħafna tal-ICT fis-saħħa. Huwa ta' importanza kbira li s-sistemi tal-ICT u t-tagħmir mediku interoperabbli jikkomplementaw l-inizjattiva tagħna biex il-pazjenti jingħataw id-dritt għal kura tas-saħħa transkonfinali. L-ICT huma wkoll għodod importanti biex jgħinuna fl-impenn tagħna biex niksbu sostenibbiltà u jinstab rimedju għall-inugwaljanzi fil-kura tas-saħħa".

Stħarriġ riċenti dwar is-Saħħa-e juri li l-isptarijiet għadhom mhumiex qed jużaw il-potenzjal sħiħ tal-ICTs. Għalkemm il-parti l-kbira tal-isptarijiet huma konnessi ma' broadband, 4 % biss minnhom jagħtu aċċess onlajn lill-pazjenti għad-dejta medika tagħhom (MEMO/11/282).

It-Task Force tas-Saħħa-e se tagħti pariri lill-Kummissjoni dwar kif tisfrutta l-potenzjal tas-Saħħa-e għal kura tas-saħħa aktar sikura, aħjar u aktar effiċjenti fl-Ewropea inter alia fir-rigward ta' oqsma ta' dijanjosi, prevenzjoni u trattament. Se tagħti ħarsa fid-dettall ta' kif tista' tinkiseb l-interoperabbiltà tas-servizzi u t-teknoloġiji tas-Saħħa-e fl-UE.

Se tesplora wkoll ir-relazzjonijiet bejn l-inizjattivi tas-Saħħa-e, it-telemediċina, u l-politika soċjali.

It-Task Force se tikkunsidra l-iżviluppi tal-politika attwali fil-livell tal-UE, fosthom l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, Sħubija Ewropea għal Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u b'Saħħtu u d-Direttiva adottata riċentament dwar id-drittijiet tal-pazjenti għall-kura transkonfinali, iżda l-attenzjoni ewlenija tagħha se tkun fuq il-ġejjieni, u dwar kif l-innovazzjoni tista' tkun ta' benefiċċju għas-sistemi tal-kura tas-saħħa u għas-soċjetà b'mod ġenerali.

Sfond

Il-Kummissjoni Ewropea ilha tinvesti fir-riċerka dwar is-Saħħa-e għal aktar minn 20 sena. Mill-2004, meta ġie varat l-ewwel Pjan ta' Azzjoni dwar is-Saħħa-e, il-Kummissjoni bdiet tiżviluppa wkoll inizjattivi ta' politika mmirati għat-trawwim tal-adozzjoni ġenerali tat-teknoloġiji tas-Saħħa-e fl-UE kollha.

Fl-2010, ġew varati l-inizjattivi ewlenin Aġenda Diġitali għall-Ewropa u Unjoni tal-Innovazzjoni (ara IP/10/1288 u MEMO/10/473) bħala parti mill-istrateġija tal-UE Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv. Iż-żewġ inizjattivi ewlenin jinkorporaw rwol importanti għas-Saħħa-e: l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa tinkludi għadd ta' azzjonijiet u għanijiet tas-Saħħa-e mmirati bħala parti minn strateġija usa' lejn kura tas-saħħa sostenibbli u appoġġ ibbażat fuq l-ICT għal għajxien dinjituż u indipendenti. L-istrateġija tal-Unjoni tal-Innovazzjoni tintroduċi l-kunċett pilota ta' Sħubija Ewropea għal Innovazzjoni dwar it-tixjiħ attiv u b'saħħtu, li qed jiġi stabbilit fl-2011.

Bħalissa tinsab għaddejja konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-Saħħa-e (ara IP/11/461). It-tweġibiet se jikkontribwixxu għat-tħejjija ta' Pjan ta' Azzjoni dwar is-Saħħa-e 2012-2020 li l-Kummissjoni għandha tippreżenta qabel tmiem l-2011. Dan il-proċess se jikkontribwixxi wkoll għad-definizzjoni tal-attivitajiet ta' riċerka fil-ġejjieni bil-għan ta' dijanjosi aħjar, individwazzjoni u ġestjoni minn kmieni tal-mard, partikolarment bl-użu ta' gwida personalizzata tal-pazjenti u ta' tekniki ta' mmudellar u simulazzjoni.

Fit-2 ta' Mejju l-Kummissjoni tat bidu għal Grupp ta' Tmexxija għall-innovazzjoni dwar it-tixjiħ attiv u b'saħħtu (IP/11/519). Il-Grupp ta' Tmexxija mmexxi mill-UE se jiddiskuti dwar kif se jittejbu s-saħħa u l-kwalità tal-ħajja tan-nies avvanzati fiż-żmien, tiżdied is-sostenibbiltà ta' sistemi tal-kura tas-saħħa u jinħolqu tkabbir u opportunitajiet ta' swieq ġodda għall-Ewropa.

Konsultazzjoni Pubblika dwar il-Pjan ta' Azzjoni dwar is-Saħħa-e (eHAP) 2012-2020:

http://ec.europa.eu/information_society/activities/health/ehealth_ap_consultation/index_en.htm

Is-sit elettroniku tal-Aġenda Diġitali:

http://ec.europa.eu/information_society/digital-agenda/index_en.htm

Is-sit elettroniku ta' Neelie Kroes: http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/kroes/

Segwi lil Neelie Kroes fuq Twitter: http://twitter.com/neeliekroeseu


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website