Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/11/548

Brussell, id-9 ta’ Mejju 2011

Il-ġlieda kontra t-tqaċċit illegali tas-siġar: l-Unjoni Ewropea u l-Liberja jingħaqdu biex jiżguraw l-oriġini legali tal-prodotti tal-injam importati fl-UE

Mill-ewwel ftit tal-2014 ’il quddiem, il-konsenji kollha ta’ prodotti tal-injam lejn l-Unjoni Ewropea mil-Liberja jrid ikollhom magħhom liċenzja li tiċċertifika l-oriġini legali tagħhom. Biex ikun jista' jseħħ dan, fid-9 ta' Mejju ġie ffirmat Ftehim Voluntarju ta’ Sħubija (FVS) mill-UE u mil-Liberja, li fit-territorju tagħha għandha aktar min-nofs ta' dak li baqa’ mill-medda ta’ foresta tropikali fl-Afrika tal-Punent. Dan il-ftehim, li sar f’Monrovja, isostni r-riformi li qed tagħmel il-Liberja fil-qasam tal-forestrija, li huma xprunati mill-impenn tal-Gvern għal governanza tajba u biex jiżgura li r-riżorsi naturali jkunu ta’ kontribut għall-iżvilupp sostenibbli. Il-ftehim jagħti wkoll lill-konsumaturi Ewropej l-assigurazzjoni li l-prodotti tal-injam impurtati mil-Liberja, inklużi l-għamara u l-biċċiet tal-injam użati għall-bijofjuwil, ikunu ta’ oriġini legali. Il-Ftehim huwa r-riżultat tal-impenn reċiproku qawwi biex jinqered it-tqaċċit illegali tas-siġar u għandu l-għan li jġib aktar trasparenza fil-kummerċ tal-injam.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Iżvilupp, Andris Piebalgs, qal: Nieħu pjaċir nara li pajjiż ieħor qed jingħaqad mal-ġlieda tagħna kontra t-tqaċċit illegali tas-siġar. Dan l-impenn se jkun ta’ kontribut, min-naħa l-waħda, għall-iżvilupp sostenibbli u biex jittaffa l-faqar fil-Liberja, u min-naħa l-oħra se jkun ta' benefiċċju għall-konsumaturi Ewropej għax dawn se jingħataw assigurazzjoni li l-injam li jiġi mil-Liberja jkun legali."

Florence Chenoweth, il-Ministru inkarigata mill-forestrija u mill-agrikultura fil-Liberja, u Lluis Riera, id-Direttur fil-Kummissjoni Ewropea, li mexxew in-negozjati, inizjalaw il-Ftehim fil-preżenza tal-President Sirleaf Johnson, u tal-Ambaxxatur tal-UE Pacifici. Dan huwa s-sitt ftehim bilaterali minn sensiela ta' sitta li ġew negozjati bejn l-UE u l-pajjiżi li jipproduċu l-injam (l-aktar ftehimiet reċenti li saru kienu dawk mal-Indoneżja, mar-Repubblika Ċentru-Afrikana, mal-Kamerun, mar-Repubblika tal-Kongo u mal-Gana).

Skont il-ftehim, il-Liberja għandha l-intenzjoni li tistabbilixxi sistema nazzjonali biex tiżgura l-konformità legali fil-produzzjoni tal-injam. Din is-sistema se tkun tkopri l-prodotti kollha tal-injam maħsubin għall-UE kif ukoll dawk mibjugħa fuq is-suq domestiku u lil swieq barra mill-UE. Fl-istess ħin l-UE se tiggarantixxi aċċess bla xkiel għas-suq tagħha lill-prodotti kollha tal-injam li jiġu mil-Liberja. Dawn is-sistemi aktar stretti ta' kontroll se jippermettu wkoll li l-Liberja twaqqaf id-deforestazzjoni illegali u d-degradazzjoni ambjentali li jikkontribwixxu għat-tibdil fil-klima.

Sfond

Madwar id-dinja kollha, bejn 20% u 40% tal-produzzjoni industrijali tal-injam, b’valur stmat ta’ $10 biljun fis-sena, ġejjin minn sorsi illegali, u sa 20% minnhom jispiċċaw fl-UE.

It-tqaċċit illegali tas-siġar kien mifrux ħafna matul il-gwerra ċivili twila fil-Liberja fis-snin 90, u d-dħul mill-injam kien jintuża biex jiġi ffinanzjat il-kunflitt. Il-Bank Dinji jistma li l-korruzzjoni marbuta ma' din l-industrija setgħet swiet lil-Liberja saħansitra sa nofs il-baġit kollu tal-pajjiż, peress li hu stmat li nħarbu pagamenti ta' madwar $200 miljun.

Dan wassal lill-Kunsill tas-Sigurtà tal-NU biex fl-2003 jimponi sanzjonijiet fuq l-esportazzjoni kollha tal-injam mil-Liberja.

Minn dakinhar 'l hawn, il-Liberja għamlet sforzi sinifikanti biex tirriforma s-settur. Dawn kienu jinkludu riforma komprensiva tal-liġi, l-iżvilupp ta' sistema nazzjonali ta' traċċabbiltà għall-produzzjoni tal-injam, u pagament ta’ introjti u riforma istituzzjonali. Il-Liberja kienet l-ewwel pajjiż li inkluda l-introjti mill-injam taħt l-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi (Extractive Industries Transparency Initiative, EITI) u kienet l-ewwel pajjiż Afrikan li kiseb konformità mal-EITI fl-2008. Bħala għarfien tal-progress li sar, fl-2006 n-NU neħħiet is-sanzjonijiet, u b'hekk fetħet it-triq biex il-Liberja terġa’ tibni s-settur tal-forestrija tagħha. Is-sħubija fil-FVS mal-UE għandu l-għan li jsaħħaħ dawn l-isforzi: li tissaħħaħ il-governanza u l-infurzar tal-liġi u, permezz ta’ sistema ta’ liċenzjar, li tingħata l-assikurazzjoni li l-injam tagħha jkun ġie prodott legalment.

L-esportazzjoni tal-injam darba kien jammonta għal aktar minn 20% tal-Prodott Domestiku Gross (PDG) tal-Liberja, u l-pajjiżi tal-UE kienu destinazzjoni ewlenija għall-injam mil-Liberja, li kien jammonta għal aktar minn nofs l-esportazzjoni fl-2003.

Il-FVS dwar l-Infurzar tal-Liġi tal-Forestrija, il-Governanza u l-Kummerċ jipprovdi mod li bih il-Liberja tista' simultanjament tindirizza t-tqaċċit illegali tas-siġar, ittejjeb il-ġestjoni u ssaħħaħ l-opportunitajiet fis-suq għall-prodotti tagħha tal-injam. Din ix-xejra hija riflessa f'leġiżlazzjoni ġdida fl-UE u fl-Istati Uniti li tipprojbixxi l-bejgħ ta' njam maħsud b'mod illegali, u ta' prodotti magħmulin minn injam illegali. Swieq oħra tal-konsumaturi mistennija jsegwu dawn il-passi, u jagħmlu mill-verifika tal-legalità parti importanti mill-kummerċjalizzazzjoni globali tal-prodotti tal-injam.

In-negozjati tal-ftehim bejn il-Liberja u l-UE bdew fl-2009 u kienu bbażati fuq impenn attiv ta’ rappreżentanti mis-soċjetà ċivili, mill-komunità u mis-settur privat. Diġà ġiet stabbilita sistema nazzjonali ta’ traċċabbiltà tal-injam, u din se tkompli tiġi żviluppata biex tiżamm konformi ma’ rekwiżiti aktar komprensivi.

Għal aktar tagħrif:

MEMO/11/278

Għal aktar tagħrif dwar l-inizjattiva dwar l-Infurzar tal-Liġi tal-Foresta, il-Governanza u l-Kummerċ:

Il-websajt tad-DĠ għall-Iżvilupp u għall-Kooperazzjoni – EuropeAid:

http://ec.europa.eu/europeaid/what/development-policies/intervention-areas/environment/forestry_intro_en.htm

Il-websajt tad-DĠ għall-Ambjent:

http://ec.europa.eu/environment/forests/flegt.htm

Ara wkoll MEMO/10/474

Il-websajt tal-Kummissarju Piebalgs


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website