Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tenfasizza l-impenn tagħha li tgħin lill-pajjiżi l-anqas żviluppati tad-dinja biex ma jibqgħux fil-faqar

European Commission - IP/11/546   06/05/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/11/546

Brussell, is-6 ta’ Mejju 2011

Il-Kummissjoni tenfasizza l-impenn tagħha li tgħin lill-pajjiżi l-anqas żviluppati tad-dinja biex ma jibqgħux fil-faqar

Mid-9 sal-11 ta’ Mejju, José Manuel Barroso, il-President tal-Kummissjoni Ewropea u Andris Piebalgs, il-Kummissarju għall-Iżvilupp se jattendu konferenza f’Istanbul fejn se jerġgħu jenfasizzaw ir-rwol ewlieni tal-Kummissjoni Ewropea fl-għajnuna lill-pajjiżi l-anqas żviluppati tad-dinja (LDCs) biex ma jibqgħux fil-faqar. Bħala l-akbar donatur lill-pajjiżi l-anqas żviluppati, bi EUR 15-il biljun f’għajnuna fl-2010, l-UE se tħeġġeġ lis-sħab l-oħra biex jagħmlu wegħda ekwivalenti għall-wegħda tagħha li tipprovdi bejn 0.15% u 0.20% mill-Introjtu Nazzjonali Gross tagħha lil dawn il-pajjiżi. Se tappella wkoll għal sħubija globali mġedda tal-pajjiżi l-anqas żviluppati ma' kemm l-ekonomiji żviluppati kif ukoll dawk emerġenti, biex jaħdmu flimkien mas-soċjetà ċivili u mas-settur privat biex jiżguraw approċċ konġunt lejn l-assistenza lill-pajjiżi l-anqas żviluppati biex jilħqu l-miri tagħhom ta' żvilupp.

Il-President tal-Kummissjoni, José Manuel Barroso, qal: “Id-dinja trid tingħaqad f’Istanbul biex tħaffef l-iżvilupp u telimina l-faqar fl-aktar membri foqra tal-komunità globali. L-Unjoni Ewropea se tibqa' minn ta' quddiem f'dan l-isforz kritiku. Bħala l-aktar donatur ġeneruż fid-dinja, aħna nipprovdu aktar min-nofs l-għajnuna globali lis-sħab tagħna u ttriplikajna l-assistenza tagħna lill-pajjiżi l-anqas żviluppati għal EUR 15-il biljun fis-sena. Din is-solidarjetà Ewropea tanġibbli hija kemm kwistjoni ta' ġustizzja iżda wkoll neċessità strateġika: huwa biss permezz ta’ sħubija globali mġedda li nistgħu nindirizzaw l-isfidi tal-lum, mill-instabbiltà politika għas-sigurtà alimentari u t-tibdil fil-klima u noffru prospettiva ta’ ħajja aħjar lil miljuni ta’ nies.”

Il-Kummissarju għall-iżvilupp, Andris Piebalgs, żied: "Il-pajjiżi l-anqas żviluppati għandhom quddiemhom sfidi diffiċli u l-UE se tibqa’ fuq quddiem fl-għajnuna biex ikunu jistgħu jsaħħu r-reżistenza tagħhom għall-kriżijiet. Se nagħmlu ħidma qawwija biex nindirizzaw il-kawżi li hemm fl-għeruq tal-faqar, li ħafna drabi jwasslu għar-radikalizzazzjoni u d-disperazzjoni tan-nies. Dan huwa wkoll ta' importanza ewlenija fil-ħolqien ta' ambjent li jiffavorixxi l-iżvilupp sostenibbli u biex ikun jista' jintuża l-potenzjal tal-aktar pajjiżi foqra fid-dinja. Għandi fiduċja li l-atturi internazzjonali kollha jwettqu dmirjiethom u jissodisfaw l-aspettattivi.”

Ir-raba’ Konferenza dwar il-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati, li se tinżamm bejn id-9 u t-13 ta' Mejju f'Istanbul, se tipprovdi opportunità importanti għad-donaturi biex jiltaqgħu u jagħtu spinta ġdida lill-appoġġ għal dawn il-pajjiżi. Filwaqt li bosta minnhom għamlu progress fl-iżvilupp tagħhom, dak il-progess ma kienx uniformi u bosta minnhom għadhom lura milli jilħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju. Huwa għal din ir-raġuni li, f’Novembru 2008, l-UE ħadet l-impenn li tipprovdi bejn 0.15% u 0.20% mill-Prodott Nazzjonali Gross (PNG) tagħha lill-pajjiżi l-anqas żviluppati. Diġà għamlet progress sinifikanti fil-kisba ta' din il-mira - bħalissa 0.13% mill-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) tal-UE jintuża bħala għajnuna lill-pajjiżi l-anqas żviluppati. Iżda, sabiex tgħin aktar pajjiżi biex javvanzaw lil hinn mill-istatus tagħhom bħala pajjiżi l-anqas żviluppati, jeħtieġ li donaturi oħrajn jagħmlu l-istess. Barra minn dan, l-ekonomiji emerġenti bħall-Brażil, iċ-Ċina u l-Indja għandhom ukoll jagħtu sehem ġust mill-assistenza lill-pajjiżi l-anqas żviluppati.

Il-Kummissjoni għalhekk se tappella għal tisħiħ tas-sħubija globali biex tingħata għajnuna lill-pajjiżi l-anqas żviluppati. Jeħtieġ li l-pajjiżi żviluppati, l-ekonomiji emerġenti bħaċ-Ċina, il-Brażil, l-Indja u l-Afrika t’Isfel, is-sistema tan-NU u l-istess pajjiżi li huma l-anqas żviluppati jaħdmu flimkien u mal-banek reġjonali għall-iżvilupp, is-settur privat, il-fondazzjonijiet u s-soċjetà ċivili.

Il-konferenza se teżamina kif pajjiżi oħrajn jistgħu jimxu fuq il-passi tal-Kap Verde, il-Maldive u l-Botwana u javvanzaw għall-graduation status (meta jissodisfaw tnejn mit-tliet kriterji tal-pajjiżi l-anqas żviluppati jew meta l-ING per capita tagħhom ikun jeċċedi d-doppju tal-livell ta’ referenza). Billi s’issa hemm biss tliet pajjiżi li avvanzaw għall-graduation status, l-UE se tappella biex ikun hemm appoġġ aktar sistematiku għall-pajjiżi matul u wara l-proċess tal-gradwazzjoni. Mod wieħed kif dan jista’ jsir huwa permezz tal-estensjoni tal-privileġġi tal-fażi ta' tranżizzjoni, li diġà qed isir mill-UE. Pereżempju, fit-3 ta’ Diċembru 2010, l-UE ddeċidiet li testendi il-benefiċċji tal-kummerċ mingħajr dazju u mingħajr kwoti fi ħdan l-inizjattiva "Kollox ħlief l-Armi” (Everything but Arms EBA) għall-Maldive għal tliet snin oħrajn u b’hekk għenet biex jinfetħu s-swieq u jiżdied it-tkabbir.

Bosta mill-pajjiżi l-anqas żviluppati se jkunu fost il-pajjiżi li se jinlaqtu l-ewwel, u bl-aktar mod serju, mit-tibdil fil-klima, jew minħabba fejn jinsabu jew minħabba li ma għandhomx il-ħila biex jindirizzaw l-effetti tiegħu. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni se tuża wkoll il-konferenza biex tappella għal azzjoni biex tingħata għajnuna lil dawk il-pajjiżi biex jadattaw ruħhom aħjar għat-tibdil fil-klima u jkunu jistgħu jindirizzaw aħjar il-qtajja’ li jista' jkun hemm fil-ġejjieni. L-UE diġà tipprovdi appoġġ f’dan il-qasam permezz ta’ inizjattivi speċifiċi dwar it-tibdil fil-klima bħall-finanzjament rapidu, li ħadet impenn dwaru f’Kopenħagen fl-2010 (b’kollox EUR 2.4 biljun u EUR 7.2 biljun mill-2010 sal-2012) biex tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jadattaw ruħhom għat-tibdil fil-klima u jadottaw strateġiji b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju. Din il-konferenza hija opportunità biex ikun hemm diskussjoni mad-donaturi dwar x'jista' jsir aktar u x'inhu l-aħjar mod kif nistgħu nżidu l-finanzjament għat-tibdil fil-klima wara l-2012.

Sfond

Il-pajjiżi l-anqas żviluppati huma l-aktar pajjiżi foqra u dgħajfa fid-dinja, li jinżammu lura minn ekonomiji dgħajfa u kapaċità dgħajfa ta’ tkabbir. Il-pajjiżi l-anqas żviluppati jiġu evalwati fuq tliet kriterji: il-PDG per capita, id-diversità ekonomika u l-kwalità tal-ħajja. Bħala medja, 50% min-nies li jgħixu fil-pajjiżi l-anqas żviluppati għadhom jgħixu fuq anqas minn $1.25 kuljum u 78% minnhom fuq anqas minn $2 kuljum.

L-Unjoni Ewropea dejjem kienet minn ta’ quddiem fl-adozzjoni ta’ miżuri mill-komunità internazzjonali li jagħtu appoġġ lill-pajjiżi l-anqas żviluppati, b'mod speċjali f'oqsma bħall-kummerċ u l-għoti ta' aċċess għas-swieq. Permezz tal-inizjattiva tagħha “Kollox ħlief l-Armi”, perezempju, li twaqqfet speċifikament biex tgħin lill-pajjiżi l-anqas żviluppati, dawn il-pajjiżi ingħataw aċċess mingħajr dazju u mingħajr kwoti għas-suq tal-UE mill-1 ta’ Ottubru 2009 għal kollox ħlief għall-armi u l-munizzjoni. Dan għen biex ikollhom aċċess għal aktar swieq u, b’riżultat, aktar opportunitajiet ta’ tkabbir.

Għal aktar informazzjoni u għall-punti ewlenin tal-programm:

MEMO/11/277

Il-websajt uffiċjali tal-konferenza:

http://www.un.org/wcm/content/site/ldc/lang/en/home

Il-websajt tad-DĠ għall-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni – EuropeAid:

http://ec.europa.eu/europeaid/index_mt.htm

Il-websajt tal-Kummissarju Ewropew għall-Iżvilupp, Andris Piebalgs:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/piebalgs/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website