Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tipproponi ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni lejn l-UE

Commission Européenne - IP/11/532   04/05/2011

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/11/532

Brussell, 4 ta’ Mejju 2010.

Il-Kummissjoni tipproponi ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni lejn l-UE

Illum, il-Kummissjoni ppreżentat inizjattivi għal approċċ iktar strutturat, komprensiv, u ta' reazzjoni rapida mill-UE għall-isfidi u l-opportunitajiet tal-migrazzjoni, mhux l-inqas fid-dawl tal-iżviluppi attwali fil-Mediterran. L-inizjattivi jkopru diversi aspetti tal-migrazzjoni, inkluż it-tisħiħ tal-kontroll tal-fruntieri u l-governanza ta' Schengen, it-tlestija tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil, migrazzjoni legali iktar iffukata, skambju tal-aħjar prattiki għal suċċess fl-integrazzjoni tal-migranti u approċċ strateġiku għal relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi dwar il-migrazzjoni. Dawn l-inizjattivi huma b'żieda mal-miżuri urġenti ta' perjodu qasir li diġà ħadet il-Kummissjoni biex tittratta mal-qagħda tal-migrazzjoni fil-Mediterran u pressjonijiet mill-migrazzjoni fuq Stati Membri li huma l-aktar milquta.

"Huwa ċar li l-UE taħtieġ politika komuni b'saħħitha dwar l-ażil u l-migrazzjoni. Dan sar iktar evidenti f'dawn l-aħħar xhur, fid-dawl tal-avvenimenti storiċi li qed iseħħu fl-Afrika ta' Fuq. L-UE teħtieġ tkun konsistenti mal-vokazzjoni tagħha li toffri post għal kenn lil dawk li għandhom bżonn tal-protezzjoni u fl-istess waqt turi solidarjetà kemm mal-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq li bħalissa qed jagħtu kenn lill-maġġoranza kbira tal-migranti mil-Libja, kif ukoll ma' dawk l-Istati Membri tagħna li qed jiffaċċaw l-ikbar influss ta' migranti li qed jaslu bil-baħar. Huwa ċar ukoll li l-UE għandha tibbenefika minn immigrazzjoni iffukata għax-xogħol li tgħin biex jiġi indirizzat in-nuqqas mistenni ta' ħaddiema f'diversi setturi, u tirrimedja n-nuqqas previst fil-popolazzjoni Ewropea fl-età tax-xogħol għas-snin li ġejjin. Iżda l-migrazzjoni trid fl-istess waqt tkun ġestita kif suppost – dan ifisser li jiġi żgurat il-kontroll effettiv fil-fruntieri u li jintbagħtu lura l-migranti irregolari. Dan ifisser ukoll li m'għandniex inħalluha biss għall-Istati Membri li jinsabu fil-fruntieri esterni tagħna biex jittrattaw sitwazzjonijiet ta' migrazzjoni straordinarji. U dan ifisser li nistabbilixxu sħubijiet ta' migrazzjoni u mobbiltà ma' pajjiżi li mhumiex fl-UE sabiex inkunu nistgħu naħdmu flimkien. Għandna nżommu f'moħħna dawn l-għanijiet fit-tul anke meta nkunu qed nittrattaw mal-ħtiġiet l-iktar urġenti li jirriżultaw mit-taqlib fl-Afrika ta' Fuq", qalet Cecilia Malmström, il-Kummissarju responsabbli għall-Affarijiet Interni.

Filwaqt li l-avvenimenti fin-Nofsinhar tal-Mediterran iġibu tama lil miljuni ta’ nies għal ħajja aħjar, dawn wasslu wkoll għall-ispustament ta' 'l fuq minn 650 000 persuna li kellhom jaħarbu mill-vjolenza fil-Libja. S’issa wasal numru żgħir ħafna ta' persuni li qed ifittxu l-ażil fl-Ewropa. Iżda, iktar minn 25 000 għażlu li jfittxu ħajja aħjar fl-UE. Xi Stati Membri huma iktar esposti direttament minn oħrajn għal wasliet massivi ta' migranti, iżda din is-sitwazzjoni ma tistax tiġi ttrattata fil-livell nazzjonali biss. Teħtieġ il-mobilizzazzjoni tal-Istati Membri kollha fil-livell tal-UE.

"L-avvenimenti riċenti taw ukoll lok għal tħassib dwar it-tħaddim tas-sistema ta’ Schengen. Il-moviment liberu tal-persuni bejn il-fruntieri Ewropej kien kisba maġġuri li m’għandhiex tingħeleb iżda li pjuttost għandha tiġi msaħħa. Din hija r-raġuni għala l-Kummissjoni diġà pproponiet mekkaniżmu ta’ valutazzjoni aħjar li jiżgura li l-fruntieri esterni jiġu kkontrollati b’mod effettiv. Sabiex tiġi mħarsa l-istabbiltà taż-żona ta’ Schengen jista’ wkoll ikun meħtieġ li tiġi prevista r-riintroduzzjoni temporanja ta’ kontrolli limitati tal-fruntieri interni taħt ċirkostanzi eċċezzjonali ħafna, bħal meta parti mill-fruntiera esterna tkun suġġetta għal pressjoni kbira mhux mistennija, innutat il-Kummissarju Cecilia Malmström.

L-UE irreaġixxiet malajr għal dawn l-isfidi, bl-għodod operazzjonali u finanzjarji għad-dispożizzjoni tagħha. Ġew immobilizzati fondi għall-immaniġġar tal-emerġenza umanitarja ġġenerata mid-dħul f'daqqa waħda ta' refuġjati u persuni spustati fil-pajjiżi ġirien tal-Libja. Flimkien mal-fondi li ġew ipprovduti fuq bażi bilaterali, dan is-sostenn għamilha possibbli li r-refuġjati u l-persuni spustati jingħataw kenn temporanju, li jiġu sodisfatti l-ħtiġiet bażiċi tagħhom u li ħafna minnhom jingħataw assistenza biex jirritornaw lejn il-pajjiżi tal-oriġini tagħhom. Il-FRONTEX vara Operazzjoni Konġunta (EPN Hermes Extension 2011), immirata biex tgħin lill-Italja tindirizza s-sitwazzjoni tal-migranti u r-refuġjati li qed jaslu fix-xtut Taljani. L-EUROPOL bagħat tim ta' esperti l-Italja, biex jgħinu lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi Taljani jidentifikaw lil dawk li huma possibbilment traffikanti tan-nies fost il-migranti irregolari li waslu fit-territorju Taljan. Dawk l-Istati Membri li huma l-iktar esposti għall-flussi dejjem jikbru ta' refuġjati u migranti irregolari ingħataw ukoll għajnuna finanzjarja.

Filwaqt li t-tweġiba tal-UE għall-qagħda ta' emerġenza kienet komprensiva, il-kriżi attwali ħarġet fil-beraħ il-fatt li għad hemm toroq oħra li permezz tagħhom l-UE tista' tindirizza aħjar tali sitwazzjonijiet u l-ġestjoni tal-migrazzjoni inġenerali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qed tipproponi sensiela ta' inizjattivi li jkopru dawn l-aspetti:

  • It-tlestija ta' Sistema Komuni Ewropea tal-Ażil sal-2012, skont il-valuri fundamentali u l-obbligi internazzjonali tal-Unjoni.

  • It-tisħiħ tal-kontroll tal-fruntieri u tal-governanza Schengen biex tiġi indirizzata l-immigrazzjoni irregolari, biex ikun żgurat li kull Stat Membru jikkontrolla b'mod effettiv il-parti tiegħu tal-fruntieri esterni tal-UE skont ir-regoli u l-ispirtu tal-liġi tal-UE, u sabiex tinbena fiduċja fl-effettività tas-sistema tal-UE tal-ġestjoni tal-migrazzjoni.

  • Migrazzjoni legali lejn l-UE iktar iffukata biex tiġi ffaċilitata l-immigrazzjoni ta' dawk il-persuni bil-ħiliet meħtieġa sabiex jgħinu lill-UE timla l-lakuni mistennija fil-ħaddiema u l-ħiliet u jagħtu kontribut għar-rimedju tat-tnaqqis mistenni fil-popolazzjoni fl-età tax-xogħol.

  • Kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fl-approċċi tal-Istati Membri għall-integrazzjoni tal-immigranti legali fl-UE, f'manjiera li tiżgura li l-benefiċċji ekonomiċi tal-immigrazzjoni jiġu massimizzati, u għalhekk tkun żgurata l-armonija soċjali fl-Unjoni.

  • Approċċ strateġiku għar-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi dwar kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni immirati biex jiffaċilitaw il-moviment tal-persuni permezz ta' possibbiltajiet għal migrazzjoni legali, flimkien ma' miżuri li ma jippermwettux il-migrazzjoni irregolari.

Il-passi li jmiss

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni se sservi ta' bażi għad-dibattitu fil-Kunsill straordinarju tal-ĠAI imsejjaħ għat-12 ta' Mejju, li se jkun segwit minn diskussjoni ffukata fuq il-migrazzjoni fil-Kunsill Ewropew tal-24 ta' Ġunju. Dan se jiġi segwit minn inizjattivi laterali fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin, l-aktar 'pakkett' dwar il-migrazzjoni li se jiġi ppreżentat lill-Kulleġġ għal adozzjoni fl-24 ta' Mejju.

Sfond

Mill-bidu tas-sena, kien hemm spostament qawwi ta' popolazzjonijiet minn diversi pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq, u b'mod partikolari mil-Libja. Skont l-aħħar estimi, iktar minn 650 000 persuna telqu mit-territorju Libjan sabiex jaħarbu mill-vjolenza hemmhekk. Dawn in-nies sabu ospitalità fil-pajjiżi ġirien, l-aktar fit-Tuneżija u fl-Eġittu, u, minn dak iż-żmien, ħafna rnexxielhom, jew ġew mgħejjuna, imorru lura fil-pajjiżi rispettivi tagħhom.

Iktar minn 25 000 migrant, l-aktar mit-Tuneżija u, f'livell inqas minn pajjiżi Afrikani oħra, ħarbu lejn l-UE, u waslu fix-xtut tal-Italja (il-maġġoranza fil-gżira Taljana ta' Lampedusa) u ta’ Malta, li t-tnejn li huma issa jinsabu taħt pressjoni migratorja qawwija. Barra mill-persuni spustati u l-migranti, għadd konsiderevoli ta' refuġjati ta' nazzjonalitajiet diversi, inklużi Somali, Eritrej u Sudaniżi, telqu mil-Libja u xi wħud minnhom ukoll waslu l-Italja u Malta. Dawn l-avvenimenti poġġew is-sistemi ta' protezzjoni u akkoljenza f'uħud mill-Istati Membri tal-UE taħt pressjoni dejjem tiżdied.

Għal iktar informazzjoni

MEMO/11/273

Għal iktar informazzjoni dwar ir-reazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għall-flussi migratorji mill-Afrika ta' Fuq: MEMO/11/226

Għal iktar informazzjoni dwar il-proposta tal-Kummissjoni biex temenda l-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen: IP/10/1493

Is-sit web ewlieni ta' Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/malmstrom/welcome/default_en.htm

Is-sit web ewlieni tad-DĠ għall-Affarijiet Interni:

http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/index_en.htm


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site