Navigation path

Left navigation

Additional tools

Aġenda Diġitali: Il-Kummissjoni tagħżel sitt proġetti ta' teknoloġiji futuri u emerġenti (FET) biex jikkompetu għall-finanzjament għar-riċerka

European Commission - IP/11/530   04/05/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/11/530

Brussell, l-4 ta’ Mejju, 2011

Aġenda Diġitali: Il-Kummissjoni tagħżel sitt proġetti ta' teknoloġiji futuri u emerġenti (FET) biex jikkompetu għall-finanzjament għar-riċerka

Illum, Il-Kummissjoni Ewropea ħabbret sitt proġetti ta' riċerka li ntgħażlu biex jikkompetu għall-ewwel żewġ postijiet fil-qasam tar-riċerka tat-teknoloġiji futuri u emerġenti (FET) waqt il-konferenza u l-wirja tal-FET11 li saret f'Budapest. Is-sitt kontestanti ser jirċievu madwar EUR 1.5 miljun kull wieħed għal sena biex jirfinaw il-proposta tagħhom, u wara ser jintgħażlu tnejn minnhom biss. L-għan ta' dawn l-inizjattivi ewlenin ser ikun biex jitwettqu avvanzi kbar fit-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) li jkollhom potenzjal li jipprovdu soluzzjonijiet għal uħud mill-akbar sfidi tas-soċjetà. Iż-żewġ inizjattivi magħżula għal finanzjament fit-tul ser idumu 10 snin, kull waħda jkollha baġit totali li jlaħħaq sa EUR 100 miljun fis-sena.

Neelie Kroes, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Aġenda Diġitali qalet: "Il-finalisti li tħabbru llum ser jiżirgħu ż-żrieragħ għall-innovazzjoni ta' għada. L-Ewropa tilqa' fi ħdanha wħud mir-riċerkaturi ewlenin tad-dinja fil-qasam affaxxinanti u mimli ispirazzjoni tat-tekoloġiji futuri u emerġenti. Billi ningħaqdu biex nindirizzaw sfidi enormi, il-finanzjament Ewropew, dak nazzjonli u reġjonali jistgħu jwasslu għal innovazzjonijiet li jittrattaw problemi bħal mard newrodeġenerattiv u t-tibdil fil-klima.

Il-finalisti (f'ordni alfabetika) huma:

  • FuturICT Knowledge Accelerator and Crisis-Relief System: l-ICT tista' tanalizza ammonti enormi ta' dejta u sitwazzjonijiet kumplessi sabiex tkun tista' tipprevedi aħjar id-diżastri naturali, jew timmaniġġa u tirreaġixxi għad-diżastri li jikkawża l-bniedem u li jaqsmu kemm il-fruntieri nazzjonali kif ukoll il-kontinenti.

  • Graphene Science and technology for ICT and beyond: Il-Grafen hija sustanza ġdida żviluppata permezz ta' manipulazzjoni fuq skala atomika jew molekulari li tista' tissostitwixxi s-silikon bħala l-materjal meraviljuż tas-seklu 21.

  • Guardian Angels for a Smarter Life: apparati ċkejkna mingħajr batteriji li jaġixxu bħal assistenti personali awtonomi u li jistgħu jissensaw, jikkalkulaw u jikkomunikaw b'mod potenzjali anke waqt li jkunu qed jivvjaġġaw fiċ-ċirkolazzjoni ta' demmek

  • The Human Brain Project: permezz tal-għarfien tal-mod li bih jaħdem il-moħħ uman, il-benefiċċji ġejjin mill-iżviluppi relatati mal-moħħ jew ispirati mill-moħħ jistgħu jiġu applikati fl-arkitettura tal-informatika, in-newroxjenza u l-mediċina.

  • IT Future of Medicine: it-teknoloġija diġitali għandha s-setgħa li twassal mediċina personalizzata, ibbażata fuq dejta molekulari, psikoloġika u anatomika li tinġabar minn pazjenti individwali u li tiġi proċessata abbażi tal-għarfien mediku integrat b'mod globali.

  • Robot Companions for Citizens: robots intelliġenti b'ġilda ratba għandhom perċezzoni żviluppata bil-kbir, ħiliet konjittivi u emozzjonali, u jistgħu jgħinu lill-persuni biex b’hekk biddlu radikalment il-mod kif il-bnedmin jinteraġixxu mal-magni.

Biex ikunu innovattivi, il-kontestanti tal-inizjattivi ewlenin FET ser ikollhom jimirħu lil hinn mir-riċerka tradizzjonali tal-ICT u jagħmlu kuntatt mal-ispeċjalisti f'oqsma oħra bħax-xjenza tas-saħħa, dik materjali, in-newroxjenza u n-newrorobotika.

Il-possibiltà li dawn l-isfidi jiġu ttratati b'suċċess tista' ssir biss permezz ta' sforzi kombinati tal-aqwa xjentististi minn madwar l-Ewropa kollha. Il-biċċa l-kbira tal-proposti li tħabbru llum huma sostnuti minn ħafna kumpaniji u aġenziji li jiffinanzjaw ir-riċerka u minn mijiet ta' xjentisti.

Ser ikollhom bżonn ukoll ir-riżorsi kombinati tal-Programm Qafas tar-Riċerka tal-UE, programmi nazzjonali u reġjonali tar-riċerka u l-industrija. Biex wieħed iqabbel, inizjattiva aktar bikrija biex isir immappjar sħiħ tal-ġenoma umana involviet mijiet ta' xjentisti u swiet aktar minn USD 3 biljun (madwar EUR 2.1 biljun) fuq medda ta' 13-il sena Il-proġetti ewlenin FET bl-istess mod, qed jaffrontaw sfidi enormi, li ugwalment għandhom benefiċċji potenzjali impressjonanti.

Sfond

Kompetizzjoni tal-Inizjattivi Ewlenin: Fl-2010, il-Kummissjoni stiednet lix-xjentisti tal-Ewropa biex jidentifikaw l-isfidi u jipproponu proġetti. Mill-21 proġett li tressqu, bord ta' esperti għażel sitt inizjattivi li kellhom l-akbar potenzjal biex iwettqu avvanzi xjentifiċi, u li ser ikollhom l-akbar impatt fuq l-isfidi soċjali u industrijali tal-Ewropa.

Teknoloġiji Futuri u Emerġenti (FET): L-FET huwa l-inkubatur u l-gwida għal temi u idejat ġodda għar-riċerka fuq perjodu twil ta' żmien fit-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT). Il-programm huwa amministrat mid-Direttorat Ġenerali tas-Soċjetà tal-Informazzjoni u l-Midja tal-Kummissjoni. Il-missjoni tal-FETs hija li tmur lil hinn mill-fruntieri konvenzjonali tal-ICT u li tesplora oqsma mhux magħrufa, b’hekk tiddependi dejjem aktar fuq il-kollaborazzjoni mad-dixxiplini xjentifiċi differenti (bħal bijoloġija, il-kimika, in-nanoxjenza, in-newroxjenza u x-xjenza konjittiva, l-etnoloġija, ix-xjenza soċjali, l-ekonomija) l-arti u l-umanistika.

Il-programm ta' Teknoloġiji futuri u Emerġenti beda fl-1989. Tliet rebbieħa riċenti tal-Premju Nobel, Theodor Hänsch, Albert Fert u Peter Grünberg, kollha kienu involuti fi proġetti ta' riċerka ffinanzjati mill-FET.

L-FET huwa ffinanzjat taħt is-Seba' Programm Qafas tal-UE (FP7). Il-Kummissjoni Ewropea, qed iżżid il-baġit tal-FP7 għar-riċerka tal-FET b'20% fis-sena u li llum hu ta' EUR 100 miljun filwaqt li l-Istati Membri huma mistiedna biex huma wkoll jagħmlu l-istess u jiżidu l-baġit tagħhom bl-istess perċentwali. Il-Kummissjoni qed tiffinanzja r-riċerka tal-FET b'baġit totali ta' EUR 500 miljun għas-snin 2010-2013.

It-Teknoloġiji Futuri u Emerġenti mill-aktar avvanzati huma attwalment fiċ-ċentru tal-attenzjoni waqt l-FET 11 f'Budapest (www.fet11.eu). Din il-konferenza u l-wirja dwar riċerka fit-tul, b'viżjoni u b'riskju kbir fix-xjenza tal-informazzjoni u t-teknoloġija ser tiżra' idejat ġodda fid-dixxiplini li ser ifasslu mill-ġdid il-ġejjieni.

Għal iktar informazzjoni

MEMO/11/270

MEMO/11/271

http://www.fet11.eu/about/fet-flagships

Is-sit elettroniku tal-Aġenda Diġitali:

http://ec.europa.eu/information_society/digital-agenda/index_en.htm

Is-sit elettroniku ta' Neelie Kroes: http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/kroes/

Segwi lil Neelie Kroes fuq Twitter: http://twitter.com/neeliekroeseu


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website