Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

IP/11/526

Brussell, it-3 ta’ Mejju 2011

Il-bijodiversità: il-Kummissjoni tħabbar strateġija ġdida għall-waqfien fi żmien għaxar snin tat-telf tal-bijodiversità

Illum il-Kummissjoni ppreżentat strateġija ġdida biex tipproteġi u ttejjeb il-qagħda tal-bijodiversità tal-Ewropa tul id-deċennju li jmiss. L-istrateġija tinkludi fiha sitt miri li jindirizzaw il-kawżi prinċipali tat-telf tal-bijodiversità, u li għandhom l-għan li jnaqqsu l-fatturi prinċipali ta’ pressjoni fuq is-servizzi tan-natura u tal-ekosistema fl-UE billi jistabbilixxu miri tal-bijodiversità fil-politiki settorjali ewlenin. Huma jindirizzatw ukoll l-aspetti globali tat-telf tal-bijodiversità, u dan jiżgura li l-UE tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra t-telf tal-bijodiversità madwar id-dinja. L-istrateġija hija f’konformità mal-impenji li ttieħdu mill-UE f’Nagoya, il-Ġappun, is-sena l-oħra.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: "Aħna nagħmlu sehem mill-bijodiversità, iżda fl-istess ħin niddependu fuqha għall-ikel tagħna, għall-ilma frisk u l-arja nadifa, u għal klima stabbli. Il-bijodiversità tikkostitwixxi l-kapital naturali tagħna li qed nonfquh malajr wisq – u lkoll nafu x’jiġri meta nissellfu u ma nkunux nistgħu nħallsu lura. Aħna lkoll irridu nkunu konxji minn din il-qagħda serja u li fil-passat ma rnexxilnix nindirizzaw din il-problema. Wasal iż-żmien li nsaħħu l-isforzi tagħna b’mod konsiderevoli. Inħossni fiduċjuż li dan l-approċċ multisettorjali se jqiegħdna fit-triq it-tajba biex sal-2020 inwaqqfu t-telf tal-bijodiversità. "

Protezzjoni aħjar għal dinja taħt pressjoni

Fl-Ewropa, il-bijodiversità tinsab fi kriżi; l-estinzjoni tal-ispeċijiet qed iseħħ b’rata li qatt ma kienet. Bosta mill-ekosistemi tant iddegradaw li ma jistgħux iwasslu aktar il-varjetà sħiħa tas-servizzi li niddependu fuqhom – mill-arja u ilma nodfa sad-dakkir tal-uċuħ tar-raba' u l-protezzjoni mill-għargħar. Din id-degradazzjoni tirrappreżenta telf ekonomiku u soċjali enormi għall-UE. Id-dakkir mill-insetti, pereżempju, li qed jonqos bil-qawwa fl-Ewropa, għandu valur ekonomiku stmat ta’ EUR 15 biljun fis-sena fl-UE. Il-qagħda hija daqstant inkwetanti fil-livell globali.

L-istrateġija adottata llum tiddeskrivi sitt miri prijoritarji u azzjonijiet ta’ akkumpanjament sabiex jitnaqqas bil-kbir it-theddid għall-bijodiversità. L-azzjonijiet jinkludu:

  • L-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-protezzjoni tan-natura u netwerk tar-riżervi naturali, biex ikun żgurat titjib kbir fil-qagħda tal-konservazzjoni tal-ħabitats u tal-ispeċijiet.

  • It-titjib u r-restawr tal-ekosistemi u tas-servizzi tal-ekosistemi kull fejn dan huwa possibbli, notevolment billi jiżdied l-użu tal-infrastruttura ekoloġika

  • L-iżgurar tas-sostenibbiltà tal-attivitajiet tal-agrikoltura u tal-forestrija

  • Is-salvagwardja u l-protezzjoni tal-istokkijiet tal-ħut tal-UE

  • Il-kontroll tal-ispeċijiet invażivi, kawża tat-telf tal-bijodiversità fl-UE li kull ma jmur aktar qed tikber

  • It-tisħiħ tal-kontribut tal-UE għall-azzjoni globali miftiehma biex it-telf tal-bijodiversità jiġi evitat.

It-twettiq tal-impenji

L-istrateġija hija konformi ma' 2 impenji ewlenin li ttieħdu f’Marzu 2010 mill-mexxejja tal-UE – il-waqfien tat-telf tal-bijodiversità fl-UE sal-2020, u l-protezzjoni, il-valutazzjoni u r-restawr tal-bijodiversità tal-UE u tas-servizzi tal-ekosistema sal-2050. Hija konformi wkoll mal-impenji globali li ttieħdu f’Nagoya f’Ottubru 2010, fil-kuntest tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, meta l-mexxejja dinjin adottaw pakkett ta' miżuri mmirati biex fid-deċennju li jmiss jindirizzaw it-telf tal-bijodiversità madwar id-dinja kollha.

Bħala parti integrali mill-Istrateġija Ewropa 2020, l-istrateġija dwar il-bijodiversità għandha tikkontribwixxi għallgħanijiet tal-EU għall-effiċjenza fir-riżorsi, kif ukoll għall-miri tal-adattament u tat-tnaqqis tat-tibdil fil-klima billi ttejjeb ir-reżistenza tal-ekosistemi u tas-servizzi li jipprovdu.

Sfond

Il-patrimonju naturali tal-pjaneta – mill-ispeċijiet individwali sal-ekosistemi bħalma huma l-foresti, is-sikek tal-qroll, l-ilma ħelu u l-ħamrija – qed jonqos b'rata allarmanti. Kull sena, it-telf tal-bijodiversità qed jiswa l-biljuni lill-ekonomija globali, u dan jipperikola lill-ekonomiji, lill-prospetti tan-negozju u l-opportunitajiet għall-ġlieda kontra l-faqar.

Fl-UE l-bijodiversità tintilef l-aktar minħabba l-bdil fl-użu tal-art, it-tniġġis, l-isfruttament żejjed tar-riżorsi, il-firxa mhux ikkontrollata ta’ speċijiet mhux nattivi u t-tibdil fil-klima. Dawn il-pressjonijiet huma kollha jew kostanti jew qed jiżdiedu fl-intensità tagħhom. Minn fost il-ħabitats u l-ispeċijiet ivvalutati 17% biss jinsabu f’qagħda ta’ konservazzjoni favorevoli u l-biċċa l-kbira tal-ekosistemi ma jistgħux iwasslu aktar il-kwalità u l-kwantità ottimali tas-servizzi li fuqhom niddependu, bħad-dakkir tal-uċuħ tar-raba, l-arja u l-ilma nodfa, u l-kontroll tal-għargħar jew tal-erożjoni.

Ir-rati globali attwali tal-estinzjoni tal-ispeċijiet issa qed tlaħħaq 1 000 darba aktar mir-rata naturali, l-aktar minħabba l-attivitajiet tal-bniedem. Fl-UE, madwar 25 % tal-ispeċijiet tal-annimali tal-Ewropa, inklużi l-mammiferi, l-amfibji, ir-rettili, l-għasafar u l-friefet huma f’riskju ta’ estinzjoni, u 88 % tal-istokkijiet tal-ħut huma sfruttati ż-żejjed jew tnaqqsu b’mod sinifikanti.

Għal aktar tagħrif:

Għal aktar dettalji dwar il-kontenut tal-Komunikazzjoni, ara:

http://ec.europa.eu/environment/nature/biodiversity/policy/index_en.htm

Għal mistoqsijiet u tweġibiet dwar l-istrateġija l-ġdida, ara: MEMO/11/268

Ara wkoll il-kampanja tal-Kummissjoni dwar il-bijodiversità:

http://ec.europa.eu/environment/biodiversity/campaign/index_en.htm

Aktar informazzjoni dwar il-politika tal-UE dwar il-bijodiversità għal wara l-2010 tinsab fuq: http://ec.europa.eu/environment/nature/biodiversity/policy/index_en.htm


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site