Navigation path

Left navigation

Additional tools

Aġenda Diġitali: Il-Kummissjoni u l-industrija Ewropea jingħaqdu sabiex jibnu l-Internet tal-Futur

European Commission - IP/11/525   03/05/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/11/525

Brussell, it-3 ta’ Mejju 2011

Aġenda Diġitali: Il-Kummissjoni u l-industrija Ewropea jingħaqdu sabiex jibnu l-Internet tal-Futur

Illum il-Viċi President tal-Kummissjoni Neelie Kroes varat l-ewwel fażi tas-sħubija bejn il-pubbliku u l-privat dwar l-Internet tal-Futur (FI-PPP) ta’ EUR 600 miljun. Is-sħubija se tappoġġa l-innovazzjoni fl-Ewropa u tgħin lin-negozji u l-gvernijiet jiżviluppaw soluzzjonijiet tal-internet li jkunu kapaċi jimmaniġġjaw iż-żieda esponenzjali fid-dejta onlajn. S’issa aħna familjari mal-Internet ibbażat fuq konnessjoni bejn kompjuters u dik bejn in-nies iżda l-Internet issa qed isir mobbli u permezz tiegħu se jkunu konnessi firxa sħiħa ta' magni u oġġetti. L-Internet attwali sempliċement mhux kapaċi li jimmaniġġja dawn il-flussi ta’ dejta tal-futur u lanqas li jipprovdi l-preċiżjoni, ir-reżiljenza u s-sikurezza mixtieqa. Is-sħubija se tesplora tmien oqsma fejn din ir-rivoluzzjoni fid-dejta tista’ tixpruna l-innovazzjoni u l-impjiegi fl-industriji tal-mowbajl, tas-softwer u tas-servizzi. Mill-Kummissjoni Ewropea hemm disponibbli EUR 300 miljun f'finanzjament fuq medda ta’ 5 snin, flimkien ma' impenn finanzjarju ndaqs lejn din is-sħubija mill-organizzazzjonijiet tar-riċerka, mis-settur pubbliku u mill-industrija tal-Ewropa. Il-proġetti varati llum, se jirċievu finanzjament ta’ EUR 90 miljun mill-UE (b’finanzjament indaqs minn sħab oħra fil-proġett). It-tisħiħ u l-iffukar tal-isforzi tal-UE fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni huma element ewlieni tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (ara IP/10/581, MEMO/10/199 u MEMO/10/200)

Neelie Kroes, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Aġenda Diġitali, qalet li “L-ekonomija tal-internet se tikber b’ 5.8 % tal-PDG, jew bi kważi EUR 800 biljun sal-2014. Iżda aħna ninsabu biss fil-bidu tal-era tal-internet. L-Ewropa għandha timmobilizza t-talent kollu tagħha sabiex tibqa’ fuq quddiem f’dan is-settur, mhux biss biex biex tiżgura l-kompetittività futura tagħha u tisfrutta l-potenzjal ta’ kreattività, innovazzjoni u intraprendenza tal-Ewropa iżda wkoll biex tħares il-valuri Ewropej tal-privatezza, it-trasparenza u d-diversità. Għalhekk irridu nużaw il-finanzi pubbliċi b’mod intelliġenti sabiex inżidu l-investiment mill-industrija - jekk ma nkunux aħna l-ewwel li ninvestu u ninnovaw, se jkunu l-kompetituri globali tagħna li jagħmlu dan.”

It-traffiku tad-dejta fuq l-internet qiegħed jikber b'60 % kull sena. Aħna diġà niddependu fuq l-Internet għal bosta servizzi essenzjali. Servizzi ġodda fil-oqsma tal-mobbiltà, l-iffrankar fl-użu tal-enerġija, il-kura tas-saħħa u l-governanza se jixprunaw l-iżvilupp ta' applikazzjonijiet ġodda li s’ issa qatt ma għaddew minn moħħna.

Sabiex naħtfu din l-opportunità u niżguraw l-kompetittività futura tal-Ewropa, il-Kummissjoni Ewropea ħadet impenn lejn l-FI-PPP li se tindirizza għadd ta’ sfidi ewlenin li attwalment irażżnu l-iżvilupp tal-Internet fl-Ewropa.

Illum, 152 organizzazzjoni pijuniera impenjaw ruħhom li jużaw din is-sħubija biex jibnu l-Internet futur tal-Ewropa. Kumpaniji privati, organizzazzjonijiet tar-riċerka u s-settur pubbliku impenjaw ruħhom li jipprovdu l-istess ammont ta’ EUR 90 miljun imwiegħed bħala finanzjament tal-UE għall-ewwel fażi tal-programm. Din hija l-ewwel parti tat-total ta’ EUR 300 miljun bħala kontribuzzjoni mill-UE lill-PPP ta’ 5 snin. L-inizjattiva hija msejsa fuq riċerka u ħidma eżistenti ffinanzjati mill-UE li jisru flimkien ma’ sħab fuq livell nazzjonali u reġjonali sabiex jiġu żviluppati teknoloġiji, servizzi u mudelli kummerċjali ġodda għall-Internet tal-futur.

Pjattaforma tas-servizz tal-Internet standardizzata u interoperabbli

Il-proġett FI-WARE se jirċievi EUR 41 miljun f'finanzjament mill-UE sabiex jiġi żviluppat sett ta’ għodda tal-pjattaforma ewlenin li fuqhom se jkunu msejsa servizzi innovattivi futuri tal-Internet bħall-privatezza, l-ipproċessar f'ħin reali u l-"cloud computing”. Dawn l-għodda se jkunu miftuħa għal kull min jixtieq jinnova. Sabiex jiskatta l-proċess ta’ innovazzjoni, se jitwettqu sett ta’ provi, fuq skala kbira, ta’ servizzi u applikazzjonijiet innovattivi bbażati fuq l-Internet f’ibliet bħal Stokkolma u Santander. Tmien proġetti ta’ prova (li kull wieħed se jirċievi finanzjament ta' madwar EUR 5 miljun fuq medda ta' sentejn) se jmexxu l-iżviluppi u jesploraw l-Internet futur fir-rigward ta’:

  • dejta ambjentali fid-dominju pubbliku (ENVIROFI)

  • katina ta’ valur tal-ikel aktar intelliġenti (SMARTAGRIFOOD)

  • kif ingawdu mill-benefiċċji ta’ ġestjoni tal-elettriku fuq livell komunitarju (FINSENY)

  • kif l-infrastruttura pubblika fiż-żoni urbani tista' ssir aktar intelliġenti u effiċjenti (OUTSMART) billi jiġu żviluppati ekosistemi tal-innovazzjoni f'Londra, Berlin, Aarhus, Santander u Trento li jindirizzaw rispettivament it-trasport u l-ambjent, il-ġestjoni tal-iskart, l-ilma u d-drenaġġ, il-kejl intelliġenti bil-miters u d-dawl tat-toroq kif ukoll l-ilma u l-ambjent.

  • midja f’netwerk, inkluż il-logħob (FI-CONTENT)

  • effiċjenza akbar fil-katini tal-valuri tal-loġistika internazzjonali (FINEST)

  • mobbiltà personali (INSTANT MOBILITY)

  • kif iż-żoni pubbliċi urbani jistgħu jkunu aktar sikuri (SAFECITY).

Sfond

Il-programm ta’ Sħubija bejn il-Pubbliku u l-Privat dwar l-Internet Futur jinvolvi 152 organizzazzjoni differenti. Qiegħdin jipparteċipaw organizzazzjonijiet minn 23 Stat Membru jew pajjiż assoċjat mas-Seba’ Programm Qafas tar-Riċerka tal-UE (FP7). Għad-dettalji ara www.fi-ppp.eu)

L-ewwel fażi tal-FI-PPP se ddum sentejn (2011-2012) u se tiżviluppa sett tal-għodda ta' servizzi ġeneriċi sabiex titħejja prova ta' skala kbira. It-tieni fażi (2013-14) se tikkonsisti fi provi, ta’ skala kbira, ta’ servizzi u applikazzjonijiet innovattivi u kumplessi tal-Internet f'firxa wiesgħa ta' dominji madwar l-Ewropa. It-tielet fażi (2014-2015) se tkun iddedikata għat-trasformazzjoni ta’ dawn il-provi f'ekosistemi diġitali fertili u għar-rabta tagħhom mal-politika dwar l-innovazzjoni reġjonali tagħhom.

Il-FI-PPP hija inizjattiva miftuħa. L-approċċ magħmul minn bosta fażijiet u sejħiet miftuħa għal FI-WARE jiżguraw parteċipazzjoni wiesgħa u miftuħa. Il-ħidma tal-FI-PPP se tkun miftuħa għal oħrajn sabiex dawn jinnovaw fejn meħtieġ.

B’mod konġunt mal-industrija, il-Kummissjoni Ewropea stabbilixxiet sensiela ta’ PPPs oħra relatati mal-innovazzjoni u r-riċerka, b’mod partikolari, l-Inizjattiva tal-Karozza Ekoloġika, il-Fabbriki tal-Futur u l-Bini Effiċjenti fl-Enerġija (ara IP/09/1116).

Sit elettroniku tal-Aġenda Diġitali:

http://ec.europa.eu/information_society/digital-agenda/index_en.htm

Sit elettroniku ta’ Neelie Kroes:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/kroes/

Segwi lil Neelie Kroes fuq Twitter:

http://twitter.com/neeliekroeseu


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website