Navigation path

Left navigation

Additional tools

Stejjer kbar għandhom il-qawwa li jibdlu d-dinja – il-Kummissjoni tniedi l-Premju Lorenzo Natali għall-Ġurnaliżmu 2011

European Commission - IP/11/524   03/05/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/11/524

Brussell, it-3 ta' Mejju 2011

Stejjer kbar għandhom il-qawwa li jibdlu d-dinja – il-Kummissjoni tniedi l-Premju Lorenzo Natali għall-Ġurnaliżmu 2011

Illum, fil-Jum Internazzjonali tal-Libertà tal-Istampa, il-Kummissjoni qed tniedi l-Premju tal-Ġurnaliżmu Lorenzo Natali 2011. Il-Premju jingħata għall-eċċellenza fil-ġurnaliżmu miktub, tar-radju u tat-televiżjoni fuq it-tema tal-iżvilupp, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja.

Kuljum, eluf ta' ġurnalisti jqiegħdu ħajjithom fil-periklu sabiex jirrapurtaw fuq kunflitti u diżastri umanitarji jew sempliċiment biex jirrakkuntaw stejjer umani. F'bosta pajjiżi tad-dinja l-libertà tal-istampa għadha mhedda jew imċaħħda u jien se nkompli niddefendi dan id-dritt uman matul il-mandat tiegħi", qal il-Kummissarju Ewropew għall-Iżvilupp, Andris Piebalgs. Huwa żied: "Huwa għalhekk li jien kburi ħafna li qiegħed inniedi l-Premju Lorenzo Natali, li se jippremja lil xi wħud mill-aqwa ġurnalisti li jirrapurtaw fuq kwistjonijiet tal-iżvilupp u jikkontribwixxu għall-ġlieda tagħna kontra l-faqar."

Il-Premju jirrikonoxxi ġurnalisti eċċellenti, li xi wħud minnhom jieħdu riskji kbar sabiex jesponu l-inġustizzja u s-sofferenza. Il-Premju Lorenzo Natali twaqqaf fl-1992 mill-Kummissjoni Ewropea u jingħata b'tifkira ta' Lorenzo Natali, eks-Kummissarju Ewropew li ħadem sabiex isaħħaħ il-programmi tal-iżvilupp u l-għajnuna tal-Unjoni Ewropea. Il-Premju huwa fi sħab ma' Reporters Without Borders u huwa miftuħ għall-ġurnalisti tal-istampa, onlajn u tax-xandir ibbażati fl-Ewropa, l-Afrika u l-Lvant Nofsani u d-Dinja Għarbija, l-Amerika Latina u l-Karibew u wkoll fl-Asja u l-Paċifiku.

Ir-rebbieħa tal-istampa/onlajn se jirċievu premjijiet fi flus ta' €5 000 (l-ewwel premju), €2 500 (it-tieni premju) u €1 500 (it-tielet premju). Ir-rebbieħa fil-kategoriji tat-televiżjoni u r-radju se jingħataw €5 000 kull wieħed. Ir-rebbieħ tal-Premju Ewlieni se jirċievi €5 000 addizzjonali. Ir-rebbieħa se jitħabbru waqt ċerimonja tal-premjazzjoni f'Diċembru 2011.

Sabiex ikunu eliġibbli għall-kompetizzjoni, ix-xogħlijiet ġurnalistiċi jridu jkunu ġew ippubblikati jew imxandra matul il-perjodu bejn l-1 ta' Lulju 2010 u l-31 ta' Awwissu 2011. L-iskadenza sabiex jitressqu l-applikazzjonijiet hija l-31 ta' Awwissu 2011. Ix-xogħlijiet għandhom jiġu ppreżentati b'mod elettroniku f'dan is-sit: www.lorenzonataliprize.eu.

Ix-xogħlijiet se jiġu ġġudikati, minn ġurija indipendenti, dwar ir-relevanza tagħhom għal kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija jew tal-iżvilupp, kif ukoll dwar l-oriġinalità u l-kwalità tagħhom, u l-profondità tal-investigazzjoni li tkun saret u l-impatt politiku li seta' kellha.

Links utli:

Is-sit tal-internet tal-Premju Lorenzo Natali - www.lorenzonataliprize.eu

Il-paġna tal-Facebook tal-Premju Lorenzo Natali

http://www.facebook.com/pages/Lorenzo-Natali-Journalism-Prize/206524359368095

Il-kont tat-Twitter tal-Premju Lorenzo Natali - www.lorenzonataliprize.eu


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website