Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tirrevedi l-Kodiċi ta' Kondotta tagħha għall-Kummissarji

European Commission - IP/11/498   20/04/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/11/498

Brussell, l-20 ta' April 2011

Il-Kummissjoni tirrevedi l-Kodiċi ta' Kondotta tagħha għall-Kummissarji

Illum, waqt il-laqgħa tagħha ta' kull ġimgħa, il-Kummissjoni ddeċidiet li tirrevedi l-Kodiċi tal-Kondotta tagħha għall-Kummissarji. Il-bidliet li saru jirrinfurzaw il-qafas etiku billi jsaħħu u jiċċaraw diversi mid-dispożizzjonijiet ta' qabel.

Fil-Linji Gwida Politiċi tal-Kummissjoni li Jmiss li ħareġ f'Settembru 2009, il-President Barroso ħabbar il-ħsieb tiegħu li jirrevedi l-Kodiċi tal-Kondotta għall-Kummissarji, u qal li jittama li dan isir "dokument ta' referenza li jservi ta' ispirazzjoni għal istituzzjonijiet oħrajn tal-UE".

Il-Kodiċi tal-Kondotta li hemm bħalissa huwa diġà wieħed mill-iżjed kodiċijiet rigorużi li jiġu applikati fir-rigward ta' persuni f'karigi pubbliċi. Ir-reviżjoni l-ġdida tal-Kodiċi tal-Kondotta timxi fuq diversi studji li saru dan l-aħħar, mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Parlament Ewropew, u mill-OECD (Post-Public Employment – Good Practices for Preventing Conflict of Interest, 2010). Dawn l-istudji pprovdew aktar rakkomandazzjonijiet utli sabiex jissuktaw jittejbu l-kompletezza u l-effettività tal-Kodiċi tal-Kondotta tal-Kummissjoni, u huma riflessi fil-bidliet li ġejjin:

  • Regoli aktar ċari dwar l-attivitajiet politiċi, inkluża l-parteċipazzjoni tal-Kummissarji f'kampanji elettorali;

  • Regoli aktar qawwijin dwar l-attivitajiet wara li Kummissarju jħalli l-Kulleġġ, inklużi kriterji ta' gwida għall-valutazzjoni tal-Kumitat tal-Etika Ad hoc, u l-estensjoni tal-obbligu tan-notifika ta' attivitajiet li wieħed jagħmel wara li jkun ħalla l-kariga minn 12-il xahar għal 18;

  • Reviżjoni ta' kull sena tad-dikjarazzjonijiet tal-interessi;

  • L-introduzzjoni ta' proċedura ċara biex jiġi indirizzat kwalunkwe riskju li jista' jkun hemm ta' kunflitt ta' interess matul il-mandat;

  • Regoli aktar ċari dwar ir-rigali u l-ospitalità;

  • L-esklużjoni tal-konjugi, tas-sħab u tal-membri diretti tal-familja mill-Kabinetti tal-membri tal-Kummissjoni;

  • Rinfurzar tal-mandat tal-Kumitat ta' Etika Ad hoc.

Il-Kodiċi tal-Kondotta għall-Kummissarji jirrispetta bis-sħiħ l-Artikolu 17 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 245 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Huwa jagħti dimensjoni operattiva lill-obbligi tal-indipendenza u tal-integrità li huma imposti fuq il-membri tal-Kummissjoni, li huma ddefiniti b'mod ġenerali f'dawn id-dispożizzjonijiet.

Skont il-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew ġie mistieden jikkummenta dwar il-bidliet proposti. Il-Kodiċi tal-Kondotta li ġie adottat illum jagħti kas tal-fehmiet espressi mill-Parlament Ewropew.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website