Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/11/486

Brussell, id-19 ta’ April 2011

Aġenda Diġitali: Il-Kummissjoni tenfasizza l-impenn biex tiġi żgurata l-applikazzjoni fil-prattika tal-prinċipji għal internet miftuħ

Il-ħtieġa li jiġi żgurat li ċ-ċittadini u n-negozji jkollhom aċċess faċli għal internet miftuħ u newtrali ġiet enfasizzata mill-Kummissjoni Ewropea f'rapport adottat illum. Il-Kummissjoni ser iżżomm taħt għajnejha r-regoli l-ġodda tat-telekomunikazzjonijiet tal-UE dwar it-trasparenza, il-kwalità tas-servizz u l-possibbiltà ta' tibdil tal-operatur, li mistennija jidħlu fis-seħħ fil-25 ta' Mejju 2011, u tara' li dawn jiġu applikati b'mod li jiżgura li dawn il-prinċipji ta' internet miftuħ u newtrali u li jiġu rispetatti fil-prattika. Pereżempju, il-Kummissjoni ser toqgħod b'seba għajnejn fir-rigward tal-eżistenza ta' restrizzjonijiet ġeneralizzati ta' servizzi u applikazzjonijiet skont il-liġi u tara' li l-konnessjonijiet broadband taċ-ċittadini u tan-negozji jkunu tal-istess veloċità skont kif ikunu indikati fir-reklamar tal-Fornituri tas-Servizzi tal-Internet. Il-Kummissjoni talbet lill-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) biex iwettaq eżerċizzju ta' tiftix metikoluż dwar kwistjonijiet li huma kruċjali għall-iżgurar ta' internet miftuħ u newtrali, inklużi l-ostakoli għat-tibdil tal-operatur, l-imblukkar u l-kontroll tat-traffiku tal-internet (eżempju s-servizzi tal-internet bil-vuċi 'voice over'), it-trasparenza u l-kwalità ta' servizz. Sal-aħħar tas-sena, il-Kummissjoni ser tippublika l-evidenza mill-investigazzjoni tal-BEREC, inkluż kwalunkwe każijiet ta' imblukkar jew trażżin ta' ċerti tipi ta' traffiku. Jekk is-sejbiet tal-BEREC u rispons ieħor jindikaw problemi li jispikkaw il-Kummissjoni ser tivvaluta l-ħtieġa għal miżuri aktar stretti.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Aġenda Diġitali, Neelie Kroes qalet: "Jiena determinata li niżgura li ċ-ċittadini u n-negozji fl-UE jkunu jistgħu jgawdu mill-benefiċċji ta' internet miftuħ u newtrali, mingħajr restrizzjonijiet moħbija u fil-veloċitajiet imwiegħda mill-fornituri tas-servizz tagħhom. Jien għandi fidi soda fil-prinċipji ta' kompetizzjoni, li jinsabu fil-qalba tar-regoli ġodda tat-telekomunikazzjonijiet tal-UE dwar it-trasparenza, il-kwalità tas-servizz u l-possibbiltà ta' tibdil tal-operaturi. Fix-xhur li ġejjin, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri, jien ser inkun qed inwettaq monitoraġġ mill-qrib fir-rigward tar-regoli l-ġodda tal-UE biex naċċerta li huma jiżguraw internet miftuħ. Sal-aħħar tal-2011, ser nippubblika r-riżultati, fosthom kwalunkwe każijiet ta' imblukkar jew trażżin fil-fluss ta' ċerti tipi ta' traffiku. Jekk ma nkunx sodisfatta, mhux se noqgħod lura milli nimplimenta miżuri aktar stretti li jistgħu jieħdu l-forma ta' miżuri ta' gwida jew anki ta' miżuri leġiżlattivi ġenerali biex jinkisbu l-kompetizzjoni u l-għażla li l-konsumaturi jixirqilhom. Jekk dan ma jkunx biżżejjed, jiena lesta li nipprojbixxi l-imblukkar ta' servizzi jew applikazzjonijiet legali."

Ma hemm l-ebda definizzjoni stabbilita tan-'newtralità tan-netwerk' iżda, skont il-liġi tal-UE mill-25 ta' Mejju 2011 'il quddiem, se jkun rekwiżit legali li l-awtoritajiet regolatorji tat-telekomunikazzjoniet tal-Istati Membri jippromwovu l-possibbiltà tal-utenti tal-internet "li jkollhom aċċess u jiddistribwixxu informazzjoni jew jużaw l-applikazzjonijiet u s-servizzi li jagħżlu huma" (l-Artikolu 8(§4)g tad-Direttiva Qafas 2002/21/KE dwar it-telekomunikazzjonijiet, kif emenda mid-Direttiva 2009/140/KE).

Regoli oħra li huma direttament rilevanti għan-newtralità tan-netwerk li jidħlu fis-seħħ fil-25 ta' Mejju bħala parti tar-regoli l-ġodda tat-telekomunikazzjonijiet tal-UE jinkludu rekwiżiti li jikkonċernaw:

  • it-trasparenza (eżempju kwalunkwe restrizzjoni li tillimita l-aċċess għal servizzi jew applikazzjonijiet, veloċitajiet ta' konnessjoni)

  • il-kwalità tas-servizz (ir-regolaturi jistgħu jistipulaw livelli minimi ta' kwalità) u

  • il-possibbiltà ta' tibdil tal-operatur (fi żmien ġurnata ta' xogħol).

It-trasparenza ta' servizz

Il-konsumaturi huma intitolati li jagħmlu għażliet infurmati dwar il-fornitur tas-servizz tal-internet tagħhom abbażi ta informazzjoni xierqa dwar ir-restrizzjonijiet possibbli fuq l-aċċess għal servizzi partikolari, il-veloċitajiet ta' konnessjoni attwali u l-limiti possibbli fuq il-veloċitajiet tal-internet. Ser ikun hemm obbligu għall-fornituri tat-telekomunikazzjonijiet skont ir--regoli l-ġodda tat-telekomunikazzjonijiet tal-UE applikabbli mill-25 ta' Mejju 2011 li l-konsumaturi jkunu infurmati – qabel jiffirmaw kuntratt – dwar in-natura preċiża tas-servizz li qed jabbonaw fih inklużi t-tekniki tal-ġestjoni tat-traffiku u l-impatt tagħhom fuq il-kwalità tas-servizz, kif ukoll dwar kwalunkwe limitazzjoni oħra (bħal limiti fuq il-firxa tal-frekwenza (bandwidth caps) jew il-veloċità tal-konnessjoni disponibbli). Il-BEREC irraporta li l-parti l-kbira tar-regolaturi nazzjonali tal-Istati Membri waslulhom ilmenti dwar diskrepanzi bejn il-veloċitajiet ta' twassil għal konnessjoni tal-internet irreklamati u dawk attwali.

L-imblukkar u t-trażżin tat-traffiku tal-internet skont il-liġi

L-imblukkar jista' jieħu l-forma kemm ta' diffikultà ta' aċċess kif ukoll ta' restrizzjoni ta' ċerti servizzi jew websajts fuq l-internet. Pereżempju, xi wħud mill-operaturi tal-internet jimblukkaw, permezz tal-mowbajl, is-servizzi tal-protokoll tal-internet bil-vuċi (voice over internet protocol (VoIP) services). It-trażżin fil-fluss tat-traffiku jintuża biex issir ġestjoni tat-traffiku tal-Internet u tiġi minimizzata l-konġestjoni, jista' jintuża biex inaqqas ir-ritmu ta' ċerti tipi ta' traffiku u b'hekk jaffettwa l-kwalità tal-kontenut, bħall-istreaming ta' filmati fornut lill-konsumaturi minn kompetitur. Ir-rapport tal-lum juri li kien hemm xi każijiet ta' trattament mhux indaqs tad-dejta minn ċerti operaturi. Għalkemm f'bosta każijiet dawn ġew solvuti b'mod volontarju, ta' spiss wara l-intervent mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istati Membri (ARNs), tkun meħtieġa informazzjoni aktar preċiża biex issir distinzjoni bejn il-każijiet ta' imblukkar kuntrattwali jew "de facto" u dawk li jipprovdu l-aċċess għal ċerti servizzi bil-kundizzjoni ta' ħlas addizzjonali, u skont kemm (b'mod iżolat jew ġeneralizzat) jiġu imblukkati l-prattiki individwati.

Il-ġestjoni tat-traffiku tal-internet

Il-parti l-kbira tal-utenti tal-internet jistgħu jaċċettaw li email iddum ftit sekondi biex tasal għand id-destinatarju maħsub, iżda dewmien simili f'taħdidiet 'chats' jew f'taħdidiet bil-vidjo 'video chats' onlajn itellef. Ir-rapport tal-lum juri b'mod ċar il-kunsens ġenerali li l-ġestjoni tat-traffiku huwa meħtieġ biex jiġi żgurat il-fluss kontinwu tat-traffiku tal-Internet, partikolarment f'ħinijiet meta jkun hemm konġestjoni tan-netwerks, u b'hekk ikun garantit servizz konsistenti ta' kwalità tajba. Hemm qbil b'mod ġenerali li l-operaturi għandu jkollhom permess li jiddeterminaw l-mudelli ta' negozju u l-ftehimiet kummerċjali tagħhom stess. Madankollu, ċerti partijiet huma interessati fil-potenzjal ta' ġestjoni tat-traffiku abbużiv, pereżempju bl-iskopijiet li jingħata trattament preferenzjali lil servizz fuq ieħor. Il-Kummissjoni u l-BEREC qed jimmonitorjaw is-sitwazzjoni.

It-tibdil ta' fornituri tas-servizzi tal-internet.

Ir-rapport tal-Kummissjoni kkonferma li kien kruċjali li jiġi żgurat li l-konsumaturi jkunu jistgħu jibdlu l-operaturi b'mod faċli. Ir-regoli tat-telekomunikazzjonijiet il-ġodda dwar il-portabbiltà tan-numru, li ser ikunu jirrikjedu li fi żmien ta' ġurnata xogħol, il-konsumaturi jkunu jistgħu jibdlu l-operaturi tagħhom u jżommu n-numri tagħhom, għandhom jgħinu f'dan ir-rigward. Ir-regoli l-ġodda jiżguraw ukoll li l-kundizzjonijiet għat-terminazzjoni tal-kuntratt ma jirrapreżentawx diżinċentiv għat-tibdil. Il-Kummissjoni u l-BEREC ser jeżaminaw kif ser jitwettaq it-tibdil fil-prattika.

Sfond

Ir-rapport tan-newtralità tan-netwerk isegwi impenn tal-Kummissjoni, fi żmien ta' adozzjoni tal-pakkett tar-riforma tat-telekomunikazzjoni tal-UE, li jirraporta lill-Parlament u lill-Kunsill u jirrifletti l-kummenti li saru matul konsultazzjoni pubblika (IP/10/860), li attirat 'il fuq minn 300 reazzjoni (IP/10/1482), u diskussjonijiet wiesgħin ma' partijiet interessati fosthom samit organizzat mal-Parlament Ewropew.

Il-Komunikazzjoni dwar in-newtralità tan-netwerk:

http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/doc/library/communications_reports/netneutrality/comm-19042011.pdf

Il-websajt tal-Aġenda Diġitali:

http://ec.europa.eu/information_society/digital-agenda/index_en.htm

Il-websajt ta' Neelie Kroes:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/kroes/

Segwi lil Neelie Kroes fuq Twitter:

http://twitter.com/neeliekroeseu


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website