Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni twiegħed EUR 110 miljun biex jintemm ix-xogħol ta' sigurtà fuq is-sit ta' Chernobyl

European Commission - IP/11/485   18/04/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/11/485

Brussell, it-18 ta’ April 2011

Il-Kummissjoni twiegħed EUR 110 miljun biex jintemm ix-xogħol ta' sigurtà fuq is-sit ta' Chernobyl

It-Tlieta 19 ta’ April, 25 sena wara l-inċident traġiku ta’ Chernobyl, il-Kummissarju tal-UE Andris Piebalgs se jħabbar il-wegħda tal-Kummissjoni Ewropea ta’ madwar EUR 110 miljun f’konferenza ta’ livell għoli fi Kiev sabiex jiġi żgurat li s-sit ta' Chernobyl ikun stabbli u ambjentalment sigur. S’issa l-Kummissjoni impenjat sehem kbir ħafna - madwar EUR 470 miljun - għal proġetti relatati ma’ Chernobyl, l-iktar għas-sigurtà nukleari, iżda wkoll għal programmi ta’ għajnuna għall-popolazzjoni lokali u biex jingħata aċċess għal kura tas-saħħa għal familji affettwati. Madankollu huma meħtieġa EUR 740 miljun oħra mill-komunità internazzjonali sabiex jintemmu l-proġetti ewlenin fuq is-sit sal-2015.

Il-President tal-Kummissjoni José Manuel Barroso, li se jipparteċipa fis-Summit dwar is-Sigurtà Nukleari fi Kiev qal: “Is-sigurtà nukleari hija kwistjoni globali li tirrekjedi rispons globali. Il-wegħda tagħna, li jirrifletti r-rwol ewlieni tal-Kummissjoni Ewropea fis-sigurtà nukleari, se jkun kruċjali biex is-sit ta' Chernobyl jerġa' jkun sigur. Nittamaw li l-imsieħba ewlenin tagħna jżidu l-kontribuzzjonijiet tagħhom sabiex jintemmu x-xogħlijiet tal-kenn sal-2015. Fis-Summit dwar is-Sigurtà Nukleari se nagħmel enfażi wkoll għall-progress lejn l-ogħla standards globali possibbli għall-impjanti nukleari."

Il-Kummissarju għall-Iżvilupp Andris Piebalgs, li se jirrappreżenta lill-Kummissjoni fil-Konferenza tad-Donaturi, qal: “L-inċident reċenti ta’ Fukushima fil-Ġappun juri li s-sigurtà nukleari tibqa’ kwistjoni kritika. L-UE se tkompli taħdem bis-sod fl-aħjar interessi taċ-ċittadini tagħha, billi tagħmel is-siti nukleari siguri u tipprevjeni l-inċidenti. Il-wegħda tal-lum hija pass kbir 'il quddiem fl-għajnuna biex jintlaħaq in-nuqqas ta' finanzjament, u tibgħat sinjal ċar li l-Kummissjoni hija impenjata biex tagħmel kull ma tista' biex tiżgura li Chernobyl isir sigur, kemm għan-nies lokali kif ukoll għall-ambjent."

Il-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni fl-avvenimenti fi Kiev

Fid-19 ta’ April, il-President Barroso se jiftaħ is-Summit dwar is-Sigurtà Nukleari ta' Kiev li se jsaħħaħ il-kooperazzjoni globali u l-ħiliet għall-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tal-inċidenti nukleari. Il-Kummissarju Piebalgs se jattendi l-konferenza tad-donaturi ta’ Chernobyl biex jgħin fil-ġbir ta’ fondi li għadhom meħtieġa sabiex is-sit ta’ Chernobyl ikun kompletament sigur sal-2015.

Fl-20 ta’ April, il-Kummissarju Piebalgs se jattendi konferenza ta’ profil għoli “Ħamsa u Għoxrin Sena wara d-Diżastru ta’ Chernobyl. Sigurtà għall-Futur”. L-avveniment, li huwa organizzat mill-Gvern tal-Ukraina, se jsir fi Kiev mill-20 sat-22 ta’ April - mistennija jattendu fost oħrajn is-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki Moon, u Yukiya Amano, Direttur Ġenerali tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika.

Għal xiex se tintuża l-wegħda l-ġdida?

Il-wegħda l-ġdida se tintuża l-iktar biex jintemm il-Konfinament Ġdid Sigur - struttura ġiganti f’forma ta’ arkata li se tkopri l-unità Nru 4 ta' Chernobyl li fiha d-danni, biex tiżolaha u biex id-dekostruzzjoni tagħha tkun tista’ ssir fil-futur. L-iskala tal-istruttura hija bla preċedenza u, ladarba tinbena, l-arkata se tkun twila biżżejjed biex tgħatti kważi żewġ grounds tal-futball u għolja biżżejjed biex fiha tidħol l-Istatwa tal-Libertà. Il-wegħda se tgħin ukoll biex jintemm il-bini tal-Faċilità għall-Ħżin tal-Fjuwil Użat, li, ladarba tinbena, se taħżen il-fjuwil mill-unitajiet li baqgħu jintużaw wara l-inċident, li hija meħtieġa għad-dekummissjonar tal-impjant.

Appoġġ tal-UE biex is-sit ta’ Chernobyl ikun iktar sigur

Fiż-żmien ta’ wara l-inċident ta’ Chernobyl, il-Kummissjoni Ewropea ħadmet biex ittejjeb is-sigurtà nukleari u biex tindirizza l-problemi ta’ wara d-diżastru. Sal-lum il-kisbiet ewlenin fil-ħidmiet tal-Kummissjoni (il-parti l-kbira permezz tal-Fond tal-Protezzjoni ta’ Chernobyl u l-fondi Internazzjonali tal-Kont għas-Sigurtà Nukleari) kienu l-istabilizzazzjoni tal-kenn eżistenti, l-implimentazzjoni tal-infrastruttura li tissodisfa r-regolamenti internazzjonali dwar is-saħħa u tipprovdi l-aħjar protezzjoni possibbli għall-ħaddiema fuq il-post u l-bini tal-faċilitajiet fid-dawl tad-dekummissjonar futur.

Minbarra l-kontribuzzjonijiet għall-fondi internazzjonali mmaniġġjati mill-BERŻ (il-Fond għall-Protezzjoni ta’ Chernobyl u l-Kont għas-Sigurtà Nukleari) il-Kummissjoni ffinanzjat proġetti għall-istudju, l-evalwazzjoni u l-mitigazzjoni tal-konsegwenzi tal-inċident. Ipprovdiet ukoll il-kontribut tagħha stess għal proġetti ta’ ġestjoni ta’ skart radjuattiv meħtieġa għar-ristawr tas-sit. B'mod kruċjali, l-azzjonijiet li diġà ġew implimentati ħolqu l-kundizzjonijiet li ppermettew li l-bidu tal-bini tal-Konfinament Ġdid Sigur ikun possibbli.

B'żieda mas-sigurizzazzjoni tal-ambjent, il-Kummissjoni wettqet proġetti soċjali f'oqsma bħall-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-ortikoltura sabiex tgħin lil dawk li jsofru mill-effetti tal-inċident biex jerġgħu jibnu l-ħajja tagħhom. Il-proġetti Tfal ta’ Chernobyl ġew imwaqqfa għall-ommijiet u t-tfal li kienu ġew kontaminati mill-katastrofi biex jagħtu aċċess għal kura tas-saħħa ta’ kwalità għat-trabi tat-twelid kollha li jitwieldu fiż-żona, kif ukoll aċċess f'kors ta' "ġenituri aħjar" għall-ġenituri. Il-proġett ipprovda wkoll tagħmir għall-isptarijiet (tagħmir għar-resuxxitazzjoni tat-trabi, tagħmir għall-ventilazzjoni, inkubatur għat-trabi, lampa tal-fototerapija), waqqaf korsijiet dwar in-nutrizzjoni għal familji vulernabbli fir-reġjun u installa playgrounds fil-beraħ għat-tfal iż-żgħar.

Il-Kummissjoni appoġġjat ukoll programm ta’ rijabilitazzjoni għall-iżvilupp tal-opportunitajiet ekonomiċi fis-settur tal-agrikoltura u waqqfet negozji privati, li kkontribwixxa għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda u pprovda taxxi għaż-żona. Pereżempju, 70 familja fir-reġjun ingħataw taħriġ fuq il-post dwar kif għandhom jikkoltivaw frott u frott tal-bosk u t-tagħmir kollu meħtieġ. Minn dakinhar, il-parteċipanti diġà kisbu xi suċċess - billi biegħu l-ewwel frott u tuffieħ tagħhom - li huwa ta’ għajnuna biex ir-reġjun jerġa' jingħata ħajja u biex oħrajn jitħajru jistabilixxu n-negozji tagħhom.

Aktar tagħrif:

MEMO/11/252

Għal aktar tagħrif dwar il-ħidma tal-Kummissjoni relatata ma’ Chernobyl :

http://ec.europa.eu/europeaid/what/energy/chernobyl_en.htm

Pakkett għall-istampa bid-dettalji tal-ħidmiet tal-Kummissjoni f'Chernobyl huwa disponibbli:

http://ec.europa.eu/europeaid/what/energy/documents/press-pack-chernobyl_en.pdf

Il-websajt tad-DĠ għall-Iżvilupp u għall-Kooperazzjoni – EuropeAid:

http://ec.europa.eu/europeaid/what/energy/chernobyl_en.htm

Il-websajt tal-Kummissarju Ewropew għall-Iżvilupp, Andris Piebalgs:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/piebalgs/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website