Chemin de navigation
Left navigation
Additional tools
IP/11/484 Brussell, it-18 ta’ April 2011 Il-Kummissjoni tevalwa d-Direttiva dwar iż-Żamma tad-dejta tat-telekomunikazzjonijiet Illum il-Kummissjoni Ewropea adottat rapport ta' evalwazzjoni dwar id-Direttiva dwar iż-Żamma tad-Dejta li jissottolinea t-tagħlimiet miksuba minn mindu din ġiet adottata fl-2006. Id-Direttiva stabbilixxiet iż-żamma tad-dejta bħala tweġiba għal sfidi urġenti tas-sigurtà, wara l-attakki terroristiċi maġġuri li saru f'Madrid fl-2004 u f'Londra fl-2005. Ir-rapport jikkonkludi li ż-żamma tad-dejta dwar it-telekomunikazzjonijiet għandha rwol importanti fil-protezzjoni tal-pubbliku mid-dannu kkawżat minn reati kriminali serji. Hija tipprovdi evidenza kruċjali biex jiġu solvuti każijiet kriminali u biex jiġi żgurat li ssir ġustizzja. Madanakollu, it-traspożizzjoni tad-Direttiva saret b'mod mhux uniformi u l-bqija tad-differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri ħolqu diffikultajiet għall-fornituri tas-servizz tat-telekomunikazzjoni. Barra minn hekk, id-Direttiva fiha nnifisha ma tiggarantix li d-dejta tiġi maħżuna, tinkiseb u tiġi użata f'konformità sħiħa mad-dritt tal-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta personali, u dan wassal biex xi qrati annullaw il-leġiżlazzjoni li tittrasponi d-Direttiva f'xi Stati Membri. Issa, il-Kummissjoni se tirrevedi r-regoli attwali dwar iż-żamma tad-dejta, b'konsultazzjoni mal-pulizija u l-ġudikatura, l-industrija u l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-dejta, u s-soċjetà ċivili, bil-għan li tipproponi qafas legali aħjar. "L-evalwazzjoni tagħna turi l-importanza tal-ħażna tad-dejta tat-telekomunikazzjoni għas-sistemi tal-ġustizzja kriminali u għall-infurzar tal-liġi. Tali dejta tintuża bħala evidenza mhux biss biex jiġu kkundannati dawk li jwettqu reati kriminali serji u atti terroristiċi, imma wkoll biex jitneħħa kull suspett dwar dawk li jkunu innoċenti. Iż-żamma tad-dejta kienet kruċjali pereżempju fis-suċċess tal-Operazzjoni Salvataġġ li għenet biex ġew żvelati l-identitajiet ta' 670 membru suspettati li kienu jiffurmaw parti minn netwerk internazzjonali ta' pedofili u biex jiġu protetti it-tfal mill-abbuż fl-Istati Membri fejn id-Direttiva ġiet trasposta. Madanakollu, ir-rapport ta' valutazzjoni jidentifika wkoll nuqqasijiet serji. Neħtieġu strateġija komuni aktar proporzjonata dwar din il-kwistjoni madwar l-UE. Għalhekk, bi ħsiebni nirrevedi d-Direttiva biex jiġi ċċarat min għandu jkollu aċċess għad-dejta kif ukoll l-iskop u l-proċeduri biex ikun hemm aċċess għaliha. Dan qalitu Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni. Ir-rapport ta' valutazzjoni janalizza kif l-Istati Membri trasponew id-Direttiva u jevalwa l-użu tad-dejta li tinżamm u l-impatt fuq l-operaturi u l-konsumaturi. Is-sejbiet ewlenin huma:
Sfond Id-dejta tat-telekomunikazzjonijiet li tinżamm mill-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet tiġi użata mill-pulizija u mill-prosekuturi fl-investigazzjoni, l-iskoperta u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali serji u ta' atti terroristiċi. L-UE, permezz ta' għadd ta' direttivi fl-aħħar 10 snin - 15-il sena, fittxet li tirregola l-obbligu għall-fornituri tas-servizz tat-telekomunikazzjoni li jżommu d-dejta għal perjodu ta' żmien speċifiku. Id-Direttiva dwar iż-Żamma tad-Dejta (id-Direttiva 2006/24/KE) tobbliga lill-Istati Membri li jiżguraw li dawn l-operaturi jżommu l-kategoriji tad-dejta (għall-identifikazzjoni tal-identità u għad-dettalji ta' telefonati li jsiru u ta' emails li jintbagħtu, eskluż il-kontenut ta' dawk il-komunikazzjonijiet) għall-iskop tal-investigazzjoni, l-iskoperta u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali serji, kif definiti fil-liġi nazzjonali. Id-dejta trid tinżamm għal perjodu minimu ta' sitt xhur jew sa massimu ta' sentejn (li għandu jiġi deċiż mill-Istati Membri meta jittrasponu d-Direttiva fil-liġijiet nazzjonali). L-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fil-parti l-kbira tal-Istati Membri rrappurtaw lill-Kummissjoni li d-dejta li tinżamm għandha rwol ċentrali fil-protezzjoni tal-pubbliku mid-dannu permezz ta' investigazzjoni kriminali effettiva. Din id-dejta tipprovdi indizzji u evidenza siewja li rriżultaw f’kundanni għal atti kriminali u f’ħelsien mill-akkużi ta’ persuni suspettati li kienu innoċenti rigward delitti li, mingħajr żamma tad-dejta, setgħu ma jiġu solvuti qatt. L-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-dejta kkritikaw id-Direttiva minħabba li ma tipprovdix biżżejjed limitazzjoni għaż-żamma tad-dejta u lanqas salvagwardji għal kif tiġi maħżuna d-dejta, għal kif isir aċċess għaliha u għal kif tiġi użata. L-Artikolu 14 tad-Direttiva jobbliga lill-Kummissjoni li tipprovdi evalwazzjoni tal-applikazzjoni ta' dan l-istrument u tal-impatt tiegħu fuq l-operaturi ekonomiċi u fuq il-konsumaturi. Il-passi li jmiss Billi tkompli tibbaża fuq din l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni se tipprepara proposta biex temenda d-Direttiva. Fix-xhur li ġejjin, se tikkonsulta l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, lill-ġudikatura, lill-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-dejta, lill-industrija u lis-soċjetà ċivili dwar l-għażliet għal qafas legali fil-futur. Ir-riżultati tal-konsultazzjoni se jiġu inklużi f'valutazzjoni tal-impatt bħala l-bażi tal-proposta futura. Għal iktar informazzjoni Is-sit web ewlieni ta' Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni: http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/malmstrom/welcome/default_en.htm Is-sit web ewlieni tad-DĠ għall-Affarijiet Interni: |
Side Bar