Navigation path

Left navigation

Additional tools

Aġenda Diġitali: qbil dwar regoli tekniċi għall-użu ta' apparat broadband mingħajr fili 4G fuq frekwenzi tal-GSM

European Commission - IP/11/480   18/04/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/11/480

Brussell, it-18 ta’ April 2011

Aġenda Diġitali: qbil dwar regoli tekniċi għall-użu ta' apparat broadband mingħajr fili 4G fuq frekwenzi tal-GSM

L-Unjoni Ewropea għadha kif adottat regoli tekniċi dwar kif il-meded ta' frekwenza tar-radju tad-900 u tal-1800 MHz għandhom jinfetħu għall-apparat ta' komunikazzjoni avvanzat tar-raba' ġenerazzjoni (4G). Ir-regoli, li huma importanti sabiex jiġu evitati problemi ta' interferenza ma' apparat eżistenti tal-GSM u tat-3G, huma pass importanti 'il quddiem sabiex aktar ċittadini u negozji tal-UE jkollhom aċċess għall-broadband mingħajr fili. Għaldaqstant id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, li għandha tiġi implimentata mill-Istati Membri sal-aħħar tal-2011, se tgħin biex jintlaħqu l-miri tal-Aġenda Diġitali tal-Ewropa sabiex, sal-2013, kull ċittadin Ewropew jingħata aċċess għal broadband bażiku u sal-2020 għal dak tal-broadband veloċi u ultra veloċi (ara IP/10/581, MEMO/10/199 u MEMO/10/200).

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Aġenda Diġitali, Neelie Kroes qalet: "Din id-Deċiżjoni tiftaħ it-triq biex l-apparat mobbli 4G l-iktar modern jikseb aċċess għall-ispettru tar-radju li jkollu bżonn biex jopera, u b'hekk jingħata iktar stimulu lis-servizzi bi broadband ultra veloċi u titrawwem iktar il-kompetizzjoni."

Id-Deċiżjoni l-ġdida hija parti mill-isforzi li l-Kummisjoni qed tagħmel sabiex tiżgura li l-komunikazzjonijiet mingħajr fili jiksbu aċċess għall-ispettru tar-radju li jeħtieġu biex jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom. B'mod partikolari, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tistabbilixxi parametri tekniċi li jippermettu li fil-meded ta' frekwenza tad-900 u tal-1800 MHz ikun hemm koeżistenza tal-GSM (telefowns ċellulari 2G), tas-sistemi 3G li jżidu l-internet mobbli mas-servizzi regolari tat-telefowns (permezz tal-użu tas-Sistema Universali tat-Telekomunikazzjoni Mobbli (UMTS) u tat-teknoloġija mobbli 4G li tagħti broadband ta' veloċità għolja (permezz tal-użu tal-Evoluzzjoni fit-Tul (LTE – Long Term Evolution) u tas-sistemi tal-Worldwide Interoperability for Microwave Access (WiMAX) (Interoperabbiltà Dinjija għall-Aċċess bil-Majkrowejv ), li jippermettu l-ipproċessar u t-trażmissjoni ta' ammonti ikbar ta' informazzjoni). Din il-koeżistenza hija prevista fid-Direttiva GSM dwar l-użu tal-ispettru tar-radju meħtieġ għas-servizzi mobbli (IP/09/1192) li kienet riveduta.

Id-Deċiżjoni tistabbilixxi mekkaniżmu għall-adozzjoni ta' regoli tekniċi armonizzati bbażati fuq kontribuzzjonijiet mibgħuta minn esperti nazzjonali tal-frekwenza tar-radju. L-amministrazzjonijiet nazzjonali għandhom sal-31 ta' Diċembru 2011 sabiex jimplimentaw id-Deċiżjoni fir-regoli nazzjonali tagħhom biex b'hekk il-meded tal-GSM ikunu effettivament disponibbli għas-sistemi tal-LTE u tal-WiMAX. Abbażi tal-ewwel passi tal-Kummissjoni sabiex jinfetħu l-meded tad-900 MHz u tal-1800 MHz fl-2009 (IP/09/1545), l-Istati Membri diġà kellhom jeżaminaw il-kompetizzjoni bejn l-operaturi tat-telefowns ċellulari jindirizzaw kwalunkwe tgħawwiġ fil-kompetizzjoni, skont ir-regoli tat-telekomunikazzjonijiet tal-UE.

Fl-2009, saru studji tekniċi biex juru li huwa possibbli li l-LTE u l-WiMAX jeżistu flimkien ma' sistemi oħra li diġà jużaw l-istess wisa' tal-meded b'mod sikur. Dawn l-istudji ċċaraw ukoll il-kundizzjonijiet tekniċi li permezz tagħhom is-sistemi li jużaw il-meded tad-900 MHz u tal-1800 MHz se jkunu jistgħu jipproteġu mill-interferenzi, lis-sistemi li jkunu fil-meded ta' frekwenzi fil-qrib, bħal pereżempju l-GSM għall-ferroviji u dak tas-servizzi tal-ajrunawtika. L-Istati Membri huma obbligati li jagħtu protezzjoni xierqa lil dawk is-sistemi fil-meded ta' frekwenza li jkun hemm maġenbhom.

Ambitu

Id-Direttiva GSM tal-1987 irriżervat l-użu ta’ parti mill-medda tal-ispettru ta' 900 MHz għall-aċċess għal teknoloġiji GSM (Global System for Mobile) (Sistema Globali għal Mowbajl) bħal pereżempju t-telefowns ċellulari.

Id-Direttiva GSM ġiet aġġornata f'Settembru tal-2009 bid-Direttiva 2009/114/KE sabiex tippermetti teknoloġiji mingħajr fili li jużaw ukoll din il-medda tal-ispettru tar-radju, billi jibdew mit-teknoloġija 3G (UMTS) tal-broadband mobbli.

Fl-istess ħin, il-Kummissjoni ċċarat il-kundizzjonijiet tekniċi meħtieġa sabiex din l-azzjoni fid-Deċiżjoni 2009/766/KE tkun tista' tittieħed. Din id-deċiżjoni mhux biss tipproteġi l-GSM, iżda tobbliga wkoll lill-Istati Membri jagħtu protezzjoni xierqa lis-sistemi fil-meded tal-frekwenzi ta' maġenbhom.

Tagħrif dwar l-ispettru tar-radju tal-Kummissjoni huwa disponibbli fuq:

http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/radio_spectrum/index_en.htm

Il-websajt tal-Aġenda Diġitali:

http://ec.europa.eu/information_society/digital-agenda/index_en.htm

Il-websajt ta' Neelie Kroes:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/kroes/

Segwi lil Neelie Kroes fuq Twitter:

http://twitter.com/neeliekroeseu


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website