Navigation path

Left navigation

Additional tools

Aġenda Diġitali: It-tfal qed jużaw in-netwerks soċjali minn età iżgħar; stħarriġ juri li bosta mhumiex konxji mir-riskji bażiċi li jeżistu fir-rigward tal-privatezza

European Commission - IP/11/479   18/04/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/11/479

Brussell, it-18 ta’ April 2011

Aġenda Diġitali: It-tfal qed jużaw in-netwerks soċjali minn età iżgħar; stħarriġ juri li bosta mhumiex konxji mir-riskji bażiċi li jeżistu fir-rigward tal-privatezza

Skont stħarriġ li sar fl-Ewropa kollha u li twettaq għall-Kummissjoni Ewropea, fl-UE, 77 % tal-adoloxxenti li għandhom bejn it-13 u s-16-il sena u 38 % ta' dawk li għandhom bejn id-9 u t-12-il sena għandhom profil fuq sit ta' netwerking soċjali. Madankollu, kwart tat-tfal li jużaw siti ta' netwerking soċjali bħal Facebook, Hyves, Tuenti, Nasza-Klasa SchuelerVZ, Hi5, Iwiw jew Myvip isostnu li l-profil tagħhom huwa "pubbliku" jiġifieri li kulħadd jista' jarah, u bosta jkollhom fuqu l-indirizz u/jew in-numru tat-telefown tagħhom. Iċ-ċifri jenfasizzaw l-importanza tar-reviżjoni tal-implimentazzjoni tal-Prinċipji ta' Netwerking Soċjali aktar Sikur għall-UE li se twettaq il-Kummissjoni Ewropea. Dan il-ftehim intlaħaq mill-Kummissjoni fl-2009 (IP/09/232) meta kumpaniji kbar tan-netwerking soċjali qablu li jimplimentaw miżuri li bihom jiżguraw is-sikurezza onlajn għall-persuni ta' taħt it-18-il sena. Is-sikurezza tat-tfal onlajn hija parti importanti mill-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (ara IP/10/581, MEMO/10/199 u MEMO/10/200).

Neelie Kroes, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Aġenda Diġitali qalet: "In-numru ta' tfal li qed jidħlu f'siti ta' netwerking soċjali qiegħed dejjem jikber iżda ħafna minnhom mhux qed jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jipproteġu lilhom infushom meta jkunu onlajn. Dawn it-tfal iqiegħdu lilhom infushom fil-periklu u f'qagħda vulnerabbli li jsiru vittmi ta' fastidju u abbużi minn nies b'intenzjonijiet ħżiena. Għaldaqstant il-kumpaniji kollha tan-netwerking soċjali għandhom immedjatament u b'mod awtomatiku jagħmlu l-profili tal-minorenni aċċessibbli biss għal-lista ta' kuntatti approvati minnhom u dawn il-profili ma għandhomx ikunu jistgħu jinlaħqu permezz tal-magni tat-tiftix. Barra minn hekk, dawk il-kumpaniji li għadhom ma ffirmawx għall-Prinċipji ta' Netwerking aktar Sikur tal-UE għandhom jagħmlu dan mingħajr dewmien biex jiżguraw is-sikurezza tat-tfal tagħna."

It-tfal huma utenti attivi tas-siti tan-netwerking soċjali

L-istħarriġ li sar fost 25,000 żagħżugħ u żagħżugħa f'25 pajjiż Ewropew, ippubblikat illum min-netwerk EUKidsOnline, juri li 38 % ta' tfal li għandhom bejn id-9 u 12-il sena qalu li għandhom profil fuq siti tan-netwerking soċjali, perċentwal li jvarja minn 70 % fil-Pajjiżi l-Baxxi sa 25 % fi Franza. In-netwerks soċjali huma saħansitra aktar popolari fost l-adoloxxenti, fil-fatt 77 % tal-adoloxxenti li għandhom bejn 13 u 16-il sena qalu li għandhom profil.

15 % ta' dawk li għandhom bejn 9 snin u 12-il sena jgħidu li għandhom aktar minn 100 kuntatt fil-profil tagħhom, liema perċentwal jilħaq is-47 % fl-Ungerija. Fost dawk li għandhom bejn 13 u 16-il sena, huwa iktar probabbli li t-tfal Belġjani, Daniżi, Griegi, Ungeriżi, Taljani, Olandiżi, Norveġiżi, Pollakki, Svediżi u Ingliżi jkollhom aktar minn 100 kuntatt milli kieku fil-każ tat-tfal minn pajjiżi oħra.

Bosta tfal għandhom profili pubbliċi li kulħadd jista' jarahom

Kwart tat-tfal preżenti fuq is-siti tan-netwerking soċjali jgħidu li l-profil tagħhom huwa miftuħ għall-pubbliku. Tifel/Tifla minn kull ħamsa li għandhom profil pubbliku jgħidu li f'dan il-profil jidher l-indirizz u/jew in-numru tat-telefown. Fi 15-il pajjiż, minn 25, huwa aktar probabbli li dawk li għandhom bejn 9 snin u t-12-il sena jkollhom profil pubbliku milli dawk li għandhom bejn it-13 u s-16-il sena.

Huma biss 56 % ta' dawk li għandhom bejn il-11 u t-12-il sena li jgħidu li jafu kif ibiddlu l-konfigurazzjonijiet ta' privatezza fil-profil tagħhom tan-netwerk soċjali. Dawk li huma ftit akbar għandhom ħiliet aħjar peress illi 78 % li għandhom bejn il-15 u s-16-il sena jgħidu li jafu kif ibiddlu l-konfigurazzjonijiet ta' privatezza.

X'qed tagħmel il-Kummissjoni?

Il-Kummissjoni qed timmonitorja l-implimentazzjoni tal-Prinċipji ta' Netwerking Soċjali aktar Sikur għall-UE, il-ftehim awtoregolatorju ffirmat mill-kumpaniji tan-netwerking soċjali li permezz tiegħu qed jimpenjaw rwieħhom li jimplimentaw serje ta' miżuri dwar is-servizzi tagħhom sabiex b'hekk jiżguraw is-sikurezza tal-minorenni.

Fi żmien qasir il-Kummissjoni se tippubblika l-ewwel grupp ta' riżultati li joħorġu mill-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Prinċipji ta' Netwerking Soċjali aktar Sikur għall-UE mill-firmatarji li ġejjin: Arto, Bebo, Facebook, Giovani, Hyves, IRC Galleria, MySpace, Nasza-Klasa, Netlog, One.lt, Rate, SchuelerVZ, Tuenti u Zap (ara IP/09/232, IP/10/144).

Ir-rapport ippubblikat illum juri wkoll li xi siti ta' netwerking soċjali li huma popolari fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa ma ffirmawx il-ftehim.

L-età dejjem iżgħar tat-tfal li jużaw l-internet u s-servizzi tan-netwerking soċjali flimkien mal-fatt li aktar tfal qed ikollhom aċċess għall-internet permezz tal-apparat mobbli, wasslu biex il-Kummissjoni tvara reviżjoni tal-ftehim awtoregolatorju tal-industrija li hemm bħalissa f'dan il-qasam. Il-kumpaniji tan-netwerking soċjali, il-manifatturi tal-apparat mobbli u l-konsols tal-logħob, il-fornituri tas-servizz tal-Internet, l-applikazzjonijiet tat-telefonija mobbli u l-fornituri tal-kontenut, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, ir-riċerkaturi u l-organizzazzjonijiet tat-tfal se jiġu mistiedna jissieħbu mal-pjattaforma kollaborattiva. Dan id-djalogu se jkompli jibni fuq il-kisbiet tal-Prinċipji ta' Netwerking Soċjali iżjed Sikur għall-UE (ara l-Anness u IP/09/232, IP/10/144) u l-Qafas Ewropew dwar l-Użu Aktar Sikur tal-Mowbajls minn Żgħażagħ Minuri u Tfal (ara IP/07/139, IP/09/596, IP/10/704).

Għal aktar tagħrif:

Programm iktar Sikur għall-Internet:

http://ec.europa.eu/information_society/activities/sip/index_en.htm

Pariri konkreti għall-ġenituri dwar kif iħarsu s-sikurezza ta' uliedhom onlajn

http://ec.europa.eu/information_society/activities/sip/projects/centres/practices/index_en.htm

Il-websajt tal-Aġenda Diġitali:

http://ec.europa.eu/information_society/digital-agenda/index_en.htm

Il-websajt ta' Neelie Kroes:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/kroes/

Segwi lil Neelie Kroes fuq Twitter:

http://twitter.com/neeliekroeseu

Anness

Grafika 1: L-użu tas-servizzi tan-netwerking soċjali mit-tfal skont il-pajjiż u l-età

  • % 9 - 12-il sena

  • % 13 - 16-il sena

QC313: Int għandek jew le profil TIEGĦEK STESS fuq sit tan-netwerking soċjali li qed tuża bħalissa?

Bażi: It-tfal kollha li jużaw l-internet.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website