Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

IP/11/477

Brussell, 15 ta' April 2011

Organiżmi Ġenetikament Modifikati (GMOs): Il-Kummissjoni tippubblika rapport fuq l-aspetti soċjoekonomiċi tal-kultivazzjoni fl-Ewropa tal-GMOs

Rapport tal-Kummissjoni Ewropea ppreżentat illum juri l-limitazzjonijiet kurrenti fl-eżami tal-implikazzjonijiet soċjoekonomiċi tal-kultivazzjoni tal-prodotti tar-raba' ġenetikament modifikati fl-Unjoni Ewropea. Ir-rapport għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill, ibbażżat fuq informazzjoni mogħtija prinċipalment mill-Istati Membri, juri b'mod speċifiku li l-informazzjoni eżistenti ħafna drabi hija statistikament limitata u li ta' spiss hija bbażata fuq ideat prestabbiliti dwar il-kultivazzjoni tal-GMOs. F'dan ir-rapport il-Kummissjoni tippreżenta ukoll analiżi tal-aspetti soċjoekonomiċi tal-kultivazzjoni tal-GMOs, kif irrapportata fil-letteratura xjentifika internazzjonali u fil-konklużjonijiet tal-proġetti ta' riċerka ffinanzjati mill-Programm ta’ Qafas Ewropew għar-Riċerka.

Il-Kummissarju għas-Saħħa u l-Politika tal-Konsumatur, John Dalli, qal: "Bil-pubblikazzjoni ta' dan ir-rapport, il-Kummissjoni qiegħda twettaq waħda mill-aħħar talbiet pendenti li għamel il-Kunsill tal-Ambjent f'Diċembru 2008. Id-dokument issawwar fuq dejta u informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri. Jiena nemmen b'mod sod li dan ir-rapport joħloq opportunità: Issa huwa f'idejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-partijiet interessati kollha, li jifhmu tajjeb is-sejbiet tar-rapport u jibdew diskussjoni oġġettiva dwar is-sehem potenzjali tal-fatturi soċjoekonomiċi fil-ġestjoni tal-kultivazzjoni tal-GMOs fl-Unjoni Ewropea."

Is-sejbiet ewlenin

Ta' min jistqarr li l-esperjenza tal-kultivazzjoni tal-GMOs fl-Ewropa hija limitata minħabba li l-Unjoni Ewropea tirrappreżenta biss frazzjoni żgħira mill-wiċċ tad-dinja ddedikat lill-prodotti tar-raba' ġenetikament modifikati. Għaldaqstant, mhijiex sorpriża li l-ammont ta' informazzjoni statistikament relevanti dwar l-impatti soċjoekonomiċi ex-post tal-kultivazzjoni tal-GMOs huwa pjuttost limitat.

Id-dejta ekonomika speċifika għall-paradimma Ewropew ikkonċernat studji fl-Istati Membri li għandhom esperjenza fil-kultivazzjoni ta' prodotti tar-raba' ġenetikament modifikati li huma tolleranti għall-erbiċida (HT) jew reżistenti għall-insetti (Bt). Dawn l-istudji juru li meta l-ħaxix ħażin jew il-pressjoni tal-insetti hija għolja, il-bdiewa li jikkultivaw prodotti tar-raba' ġenetikament modifikati li huma tolleranti għall-erbiċida jew reżistenti għall-insetti, jistgħu jgawdu minn qligħ ogħla.

F'dan ir-rapport, il-konsegwenzi soċjali u l-impatti ekonomiċi tal-kultivazzjoni tal-GMOs fuq partijiet oħra tal-katina alimentari, kienu suġġetti għal kummenti sinifikattivi. Ir-rapport jagħti ukoll ħarsa ġenerali tal-letteratura xjentifika internazzjonali eżistenti dwar id-dimensjoni ekonomika u soċjali tal-kultivazzjoni tal-GMOs sabiex jikkumplementa il-kontribut tal-Istati Membri.

Dan juri li l-analiżijiet ekonomiċi jagħtu stampa ċara tal-impatt ekonomiku fuq il-livell dinji tar-raba', b'mod partikolari l-prodotti tar-raba' HT u Bt. Madankollu, għal darb'oħra l-informazzjoni disponibbli fuq l-impatti u l-effetti soċjali matul il-katina alimentari hija pjuttost limitata, jekk mhux assenti.

Fl-aħħar nett, ir-rapport jagħti ħarsa ġenerali tas-sejbiet ta' proġetti ta' riċerka ffinanzjati mill-UE li jindirizzaw il-perspettivi soċjoekonomiċi tal-kultivazzjoni tal-GMOs (CO-EXTRA, SIGMEA, CONSUMERCHOICE).

Il-pass li jmiss

Dan ir-rapport huwa l-punt ta' tluq tal-Istati Membri, tal-Kummissjoni, tal-Parlament Ewropew u tal-partijiet interessati kollha sabiex jirriflettu fil-fond dwar dan is-suġġett sensittiv. Madankollu sabiex timxi 'l quddiem b'mod sensibbli, il-Kummissjoni hi tal-fehma li d-diskussjonijiet għandhom jiċċaqilqu minn perċezzjonijiet ippolarizzati dokumentati fir-rapport għal bażi iktar tanġibbli u oġġettiva.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tirrikkomanda li jkun definit grupp b'saħħtu ta' fatturi u indikaturi sabiex b'mod kostanti jinqabdu l-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-kultivazzjoni tal-GMOs fl-UE u matul il-katina alimentari.

Il-Kummissjoni tissuġġerixxi ukoll li tinbeda riflessjoni dwar l-użu potenzjali tal-fehim imtejjeb tad-dimensjoni soċjoekonomika fil-ġestjoni tal-kultivazzjoni tal-GMOs.

Sfond

Fl-4 ta' Diċembru 2008, il-Kunsill tal-Ambjent talab lill-Istati Membri sabiex jiġbru u jpartu informazzjoni utli dwar l-implikazzjonijiet soċjoekonomiċi tal-kultivazzjoni tal-GMOs matul il-katina alimentari. Huwa talab ukoll lill-Kummissjoni sabiex tipprepara rapport għal konsiderazzjoni xierqa u iktar diskussjoni, abbażi ta' din l-informazzjoni.

Il-Kummissjoni ħadet l-informazzjoni minn kwestjonarju li kien ikopri:

  • Impatti soċjoekonomiċi (ex-post) tal-esperjenza tal-kultivazzjoni tal-GMOs għal dawk l-Istati Membri, li llum għandhom jew kellhom fil-passat esperjenza fil-kultivazzjoni kummerċjali ta' pjanti ġenetikament modifikati (jiġifieri, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, Spanja, Franza, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja u l-Isvezja).

  • Impatti antiċipati (ex-ante) jekk pjanti ġenetikament modifikati, eżistenti jew ġodda, kellhom jiġu kkultivati fit-territorju tagħhom.

Il-kwestjonarju intbagħat ukoll lill-Istati Membri taż-Żona Ekonomika Ewropea (l-Islanda, in-Norveġja u l-Liechtenstein), u kien disponibbli għall-pubbliku. Ħamsa u għoxrin (25) Stat Membru, in-Norveġja u numru ta' partijiet interessati imlew il-kwestjonarju. Il-Kummissjoni laqgħet l-aħħar kontribut f'Jannar 2011.

Għal aktar tagħrif, jekk jogħġbok żur is-sit elettroniku:

http://ec.europa.eu/food/food/biotechnology/index_en.htm


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site