Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/11/474

Brussell, l-14 ta’ April 2011

L-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT): Il-Kummissjoni tikkonsulta fuq l-istrateġija tal-futur

Brussell, l-14 ta' April – Il-Kummissjoni Ewropea llum varat konsultazzjoni pubblika fuq l-istrateġija tal-futur tal-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) wara s-suċċess tal-fażi inizjali tagħha. Il-konsultazzjoni se ssostni "aġenda ta' innovazzjoni strateġika" għall-EIT li l-Kummissjoni hi lesta li tipproponi sa tmiem din is-sena. L-aġenda se tfassal il-prijoritajiet ewlenin tal-Istitut sal-2020, li se jiffukaw fuq il-missjoni u l-għanijiet, il-finanzjament u t-temi tal-futur tiegħu. Il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ, Androulla Vassiliou, li hi responsabbli għall-EIT, se tħabbar il-konsultazzjoni f'konferenza f'Budapest.

"Bl-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija, qed inkunu pijunieri b'kollaborazzjoni ġdida bejn l-edukazzjoni għolja, ir-riċerka u n-negozju. Il-Kummissjoni ħerqana li tisma' l-opinjonijiet tal-imsieħba tagħna qabel ma tiffinalizza l-proposta tagħna dwar l-istrateġija tal-futur. L-idea hija li nibnu fuq il-lezzjonijiet li tgħallimna mill-ewwel fażi tal-Istitut u li nippreparaw it-triq għall-espansjoni tal-EIT. L-Istitut għandu l-potenzjal li jsir mutur qawwi tal-innovazzjoni u l-intraprenditorija fl-Ewropa," iddikjarat il-Kummissarju Vassiliou.

L-EIT għandu kwartieri amministrattivi (f'Budapest) iżda jopera minn 16-il sit imxerrdin fl-Ewropa, minn Barċellona sa Stokkolma, permezz ta' partenarjati transkonfinali pubbliċi privati magħrufa bħala "komunitajiet ta' għarfien u innovazzjoni" jew KICs fil-qosor. Il-KICs jiġbru flimkien istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, ċentri tar-riċerka u negozji eċċellenti. Sal-lum inħolqu tliet KICs li jiffokaw fuq l-enerġija sostenibbli (InnoEnergy KIC), il-bidla fil-klima (Climate KIC) u s-soċjetà tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (EIT ICTLabs).

Il-konsultazzjoni tikkumplimenta d-dibattitu wiesa' dwar il-futur tal-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-UE (ara l-Green Paper tal-Kummissjoni "Il-Bidla ta’ Sfidi f’Opportunitajiet: Lejn Qafas Strateġiku Komuni għall-Finanzjament tar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-UE", id-9 ta' Frar 2011).

Il-passi li jmiss

Il-konsultazzjoni hija miftuħa għall-kummenti mill-14 ta' April. Id-data tal-iskadenza għar-rispons mill-partijiet interessati hija t-30 ta' Ġunju. Abbażi tar-riżultati ta' dan il-proċess, kif ukoll ta' evalwazzjoni indipendenti u ta' proposta tal-EIT innifsu, il-Kummissjoni se tippreżenta l-aġenda ta' innovazzjoni strateġika sa Diċembru 2011.

Sfond

L-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) huwa organu awtonomu tal-UE li jistimula l-innovazzjoni prinċipali fid-dinja, permezz tat-tnedija tal-kunċett tal-komunitajiet tal-għarfien u l-innovazzjoni. L-EIT irċieva EUR 309 miljun mill-baġit tal-UE għall-perjodu 2007-2013. Ftit ilu l-kapijiet eżekuttivi tal-KICs iffirmaw ftehimiet ta' partenarjati ta' seba' snin mal-EIT. Il-ftehimiet jinkludu għotja inizjali ta' mhux aktar minn EUR 10 miljuni għal kull KIC. Din se titla' għal medja ta' EUR 20 miljun għal kull KIC fis-sena ta' wara. Issa l-KICs jistgħu jibdew ivaraw il-programmi edukattivi ta' Masters u PhDs bit-tikketta tal-EIT, il-proġetti ta' riċerka u jgħinu fit-twaqqif ta' negozji ġodda. Fit-tliet snin li ġejjin l-InnoEnergy KIC waħdu qed jippjana li jeduka u jħarreġ kważi 2,000 student u professjonista li diġà qegħdin fil-karriera tagħhom u li jvara 20 kumpanija.

Ħoloq

Il-websajt tal-EIT:


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website