Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tipproponi protezzjoni tal-privattivi unitarji sabiex tagħti spinta lir-riċerka u l-innovazzjoni

Commission Européenne - IP/11/470   13/04/2011

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/11/470

Brussell, it-13 ta’ April 2011

Il-Kummissjoni tipproponi protezzjoni tal-privattivi unitarji sabiex tagħti spinta lir-riċerka u l-innovazzjoni

Bħala parti mill-Att dwar is-Suq Uniku ppreżentat illum (ara IP/11/469), il-Kummissjoni Ewropea llum ppreżentat pakkett ta' żewġ proposti leġiżlattivi, fl-ambitu tal-kooperazzjoni msaħħa, li se jippermetti lil kwalunkwe kumpanija jew individwu jipproteġu l-invenzjonijiet tagħhom permezz ta' privattiva Ewropea unika li tkun valida f'25 Stat Membru. Dan se jnaqqas b'mod radikali sa 80 % tal-ispiża tat-traduzzjoni u spejjeż relatati għall-ksib tal-protezzjoni ta' privattiva fl-UE. Ir-regolamenti proposti jistipulaw it-termini u l-kundizzjonijiet biex tinkiseb il-protezzjoni tal-privattiva unitarja, l-effetti legali tagħha u l-arranġamenti ta' traduzzjoni applikabbli. L-abbozzi tar-regolamenti issa se jgħaddu għand il-Kunsill u l-Parlament Ewropew għall-kundiserazzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni tittama li Spanja u l-Italja, li s'issa għadhom mhumiex qegħdin jipparteċipaw, li jissieħbu f’din il-kooperazzjoni msaħħa.

"L-iskop tal-protezzjoni tal-privattiva unitarja huwa li l-innovazzjoni tkun irħas u aktar faċli għall-imprizi u l-inventuri madwar l-Ewropa kollha", qal il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, Michel Barnier. "Din se tfisser tnaqqis f'termini ta' spejjeż u burokrazija żejda, u se tipprovdi inċentiv għall-innovazzjoni Ewropea. Hija se tkun aċċessibbli għall-kumpaniji kollha madwar l-UE, irrispettivament minn fejn jinsabu. Inkompli nittama li, biż-żmien, l-Istati Membri kollha se jagħżlu li jipparteċipaw f'din il-kooperazzjoni msaħħa. Hija konvinzjoni b'saħħitha tiegħi li ma jista' jkun hemm l-ebda tkabbir ekonomiku sostenibbli mingħajr innovazzjoni. Fl-istess waqt, ma jista’ jkun hemm l-ebda innovazzjoni mingħajr protezzjoni effiċjenti tal-proprjetà intelettwali".

Is-sitwazzjoni attwali tal-privattivi fl-Ewropa

Is-sistema attwali tal-privattivi fl-Ewropa, b'mod partikolari fil-fażi wara li tiġi mogħtija privattiva, hija għalja u kumplessa ħafna. Dan huwa rikonoxxut b'mod wiesa' bħala ostaklu għall-innovazzjoni fl-Ewropa. L-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (EPO) – korp tal-Organizzazzjoni Ewropea Intergovernattiva tal-Privattivi li fih 38 pajjiż (l-UE-27 + 11-il pajjiż Ewropew ieħor) – jeżamina l-applikazzjonijiet għall-privattivi u huwa responsabbli għall-għoti ta' privattivi Ewropej jekk jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet rilevanti. Madankollu, sabiex il-privattiva mogħtija tkun effettiva fi Stat Membru, l-inventur ikollu jitlob validazzjoni tagħha f'kull pajjiż individwali fejn ikun jixtieq jibbenefika mill-protezzjoni tal-privattiva. Il-proċess jinvolvi spejjeż konsiderevoli ta' traduzzjoni u dawk amministrattivi li jilħqu, bejn wieħed u ieħor, it-EUR 32 000 meta xi ħadd jipprova jibbenefika mill-protezzjoni tal-privattiva fl-UE 27, li EUR 23 000 minnhom ikopru l-ispejjeż tat-traduzzjoni waħedhom. B'kollox, il-ksib tal-protezzjoni ta' privattiva f'27 Stat Membru, inklużi l-ispejjeż proċedurali, illum jista' jlaħħaq EUR 36 000. B'kuntrast ma' dan, privattiva fl-Istati Uniti tiswa medja ta’ EUR 1850.

Minbarra dan, iż-żamma tal-privattiva teħtieġ pagament ta' spejjeż ta' tiġdid annwali għal kull pajjiż rispettiv u t-trasferiment ta' privattiva jew ftehim ta' għoti ta' liċenzja sabiex tintuża invenzjoni koperta minn privattiva jridu jiġu rreġistrati bl-istess mod.

Protezzjoni tal-privattiva unitarja

Bil-proposti ta' llum, l-ispejjeż tat-traduzzjoni u dawk relatati mal-protezzjoni ta' privattivi ser jonqsu b'mod drastiku. L-ispejjeż tat-traduzzjoni ta' privattiva Ewropea b'effett unitarju f'25 Stat Membru jista', fl-aħħar mill-aħħar, ikun inqas minn EUR 680 , u inqas minn EUR 2500 matul perjodu tranżitorju.

Il-Kummissjoni tipproponi li:

  • Id-detenturi ta' privattivi Ewropej jistgħu japplikaw għand l-EPO għall-protezzjoni unitarja għat-territorju tal-25 Stat Membru. Il-privattiva se tiżgura l-istess livell ta' protezzjoni għall-invenzjonijiet tagħhom fil-25 pajjiż.

  • L-applikazzjonijiet għall-privattivi jistgħu jiġu ppreżentati fi kwalunkwe lingwa, madankollu, abbażi tal-proċeduri attwali ta' ħidma, l-EPO se jkompli jeżamina u joħroġ l-applikazzjonijiet bl-Ingliż, bil-Franċiż jew bil-Ġermaniż (il-lingwi uffiċjali tal-EPO). Għall-applikanti li jgħixu fl-UE u li jippreżentaw l-applikazzjoni għal privattiva f'lingwa għajr it-tlieta uffiċjali tal-EPO, l-ispiża tat-traduzzjoni għal waħda mil-lingwi uffiċjali tal-EPO se tiġi kkumpensata. Fl-aħħar, id-dikjarazzjonijiet tal-privattiva, li jiddefinixxu l-ambitu tal-protezzjoni, għandhom jiġu tradotti għaż-żewġ lingwi uffiċjali l-oħra tal-EPO.

  • Għal perjodu tranżitorju ta' massimu ta' 12-il sena, il-privattivi Ewropej b'effett unitarju li ngħataw bil-Franċiż jew bil-Ġermaniż iridu jiġu tradotti għall-Ingliż. Dawk mogħtija bl-Ingliż iridu jiġu tradotti f'lingwa uffiċjali oħra tal-UE. Dawn it-traduzzjonijiet se jkunu meħtieġa sakemm magna tat-traduzzjoni ta' kwalità għolja tkun disponibbli sabiex tiżgura l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni tal-privattiva. Traduzzjonijiet addizzjonali matul il-perjodu tranżitorju se jgħinu direttament l-iżvilupp ta' magni tat-traduzzjoni ta' kwalità għolja.

Il-proposti ma jaffettwawx l-ispejjeż proċedurali li jwasslu għall-għoti ta' privattivi Ewropej (dawk li jissejħu spejjeż ta' qabel l-għotja)

Sfond

Il-proposta tal-Kummissjoni għal privattiva Ewropea unika ilha tiġi dikussa għal aktar minn għaxar snin iżda kien hemm nuqqas ta' progress fil-Kunsill minħabba r-regoli dwar il-lingwa. Il-Kummissjoni ppruvat tiżblokka din is-sitwazzjoni permezz tal-proposta tagħha li ħarġet fl-2010 dwar ir-rekwiżiti tal-lingwa tal-privattiva tal-UE (IP/10/870). Madankollu, peress li ma setax jintlaħaq qbil b'mod unanimu fil-Kunsill fir-rigward tas-sistema tat-traduzzjoni applikabbli, f'Diċembru 2010 l-Kummissjoni ppreżentat proposta li twitti t-triq għall-awtorizzazzjoni tal-kooperazzjoni msaħħa f'dan il-qasam (IP/10/1714). Fl-10 ta' Marzu 2011, wara l-kunsens mogħti mill-Parlament Ewropew fil-15 ta' Frar, il-Kunsill tal-Kompetittività adotta deċiżjoni li tawtorizza l-istabbiliment ta' protezzjoni għal privattivi unitarji fit-territorji tal-25 Stat Membru parteċipant.

Skont it-Trattat tal-UE u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE, il-kooperazzjoni msaħħa tippermetti disa' pajjiżi jew aktar biex jimxu 'l quddiem f'qasam partikolari bħala l-aħħar tentattiv jekk ma jkunx jista' jintlaħaq qbil fl-UE kollha f' perjodu ta' żmien raġonevoli. Stati Membri oħrajn tal-UE jistgħu jagħżlu li jingħaqdu fi kwalunkwe punt qabel jew wara t-tnedija tal-kooperazzjoni msaħħa.

Aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/internal_market/indprop/patent/index_en.htm

MEMO/11/240


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site