Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-UE miexja lejn “soċjetà tar-riċiklaġġ”, iżda għad hemm lok għal iktar progress

European Commission - IP/11/46   19/01/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/11/46

Brussell, id-19 ta’ Jannar 2011

L-UE miexja lejn “soċjetà tar-riċiklaġġ”, iżda għad hemm lok għal iktar progress

Il-Kummissjoni Ewropea llum ippubblikat rapport dwar kif sejrin l-Istati Membri fil-prevenzjoni tal-iskart u fir-riċiklaġġ tiegħu. Dan ir-rapport juri li l-Istati Membri għamlu progress tajjeb ħafna, iżda li għad fadal ħafna x’isir biex nilħqu l-għan fit-tul li nsiru “soċjetà tar-riċiklaġġ”, jiġifieri soċjetà li mhux biss tevita milli tipproduċi l-iskart, iżda li tużah ukoll bħala riżorsa.

Il-Kummissarju għall-Ambjent Janez Potočnik qal: “It-telefown ċellulari l-qadim tiegħi fih id-deheb, il-platinu, il-palladju u r-ram. Dawn huma kollha riżorsi li minnhom għandna ftit wisq fl-Ewropa. Tunnellata ta’ dawn is-settijiet tat-telefown ikun fiha madwar 280 gramma deheb, 140 gramma platinu u palladju u 140 libbra ram. Dan mhux skart li għandna nordmuh taħt l-art jew naħarquh, imma riżorsa li għandna nirrispettaw. Aħna tabilħaqq irridu nagħmlu l-Ewropa “ekonomija li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti”, hekk kif ktibna li se nagħmlu fl-Istrateġija tal-Ewropa għall-2020. Din il-ħaġa m’għandhiex x’taqsam biss mat-tnaqqis tal-impatti ambjentali negattivi u mat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, iżda se toħloq ukoll l-impjiegi. Biha, fis-settur tar-riċiklaġġ tal-iskart biss, jistgħu jinħolqu sa nofs miljun impjieg.”

Iktar tkabbir u inqas skart

Ir-rapport juri li f’ħafna mill-Istati Membri l-ħolqien tal-iskart b’mod ġenerali qed jiżdied (jew, l-iktar l-iktar, qed jilħaq livell stabbli), iżda li dan qed jiġri b’rata inqas mgħaġġla minn dik tat-tkabbir ekonomiku. Matul l-aħħar għaxar snin, il-ġenerazzjoni tal-iskart muniċipali laħaq livell stabbli ta’ madwar 524 kilogramm fis-sena għal kull persuna, minkejja li, fl-istess perjodu, il-konsum tal-familji żdied b’madwar 16 %. Għaldaqstant nistgħu nagħmlu iktar affarijiet biex innaqqsu l-ġenerazzjoni assoluta tal-iskart. Pereżempju, il-familji tal-UE jarmu 25 % tal-ikel li jixtru. Nistgħu nevitaw li narmu madwar 60 % minn dan l-iskart, u b’hekk kull familja tiffranka madwar EUR 500 fis-sena1.

Riżultati b’kuntrast bejniethom u ammont sinifikanti ta’ progress li jista’ jsir

Hemm differenzi kbar bejn l-Istati Membri. Ir-rati ta’ riċiklaġġ ivarjaw minn rati ta’ perċentwali żgħar sa rati ta’ 70 %. F’ċerti Stati Membri l-miżbliet prattikament m’għadhomx jintużaw, filwaqt li f’oħrajn iktar minn 90 % tal-iskart għadu jintradam taħt l-art. Dan juri li għad hemm ammont sinifikanti ta’ progress li jista’ jsir, li jmur lil hinn mill-miri minimi attwali tal-UE għall-ġbir tal-iskart u r-riċiklaġġ tiegħu.

Għandna ninkuraġġixxu l-introduzzjoni ta’ kombinazzjoni ta’ strumenti ekonomiċi u legali użati mill-Istati Membri li għandhom l-aħjar prestazzjoni, fosthom il-projbizzjoni tal-miżbliet u l-applikazzjoni tal-kunċett tar-responsabbiltà tal-produttur għal iktar flussi ta’ skart madwar l-UE kollha. Hemm bżonn ta’ iktar konsistenza bejn id-disinn tal-prodotti u l-politiki tal-iskart sabiex ir-riċiklaġġ ikompli jiżdied. Minħabba li jeħtieġ li s-soċjetà kollha tieħu sehem fl-isforz sabiex jintlaħqu l-miri ambizzjużi tal-prevenzjoni tal-iskart u tar-riċiklaġġ tiegħu, ir-rapport jenfasizza l-isforzi kontinwi li għandhom isiru sabiex tittejjeb il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati u sabiex jitkabbar l-għarfien fost il-pubbliku.

Leġiżlazzjoni aħjar u implimentazzjoni tajba

L-iskart għadu jirrappreżenta madwar 20 % tal-każijiet kollha ta’ ksur tal-liġi marbutin mal-ambjent. Hekk kif urew l-avvenimenti li seħħew dan l-aħħar fl-Ungerija u fl-Italja, huwa importanti ħafna li jkun hemm implimentazzjoni sħiħa tal-liġijiet dwar l-iskart sabiex jitħarsu l-ambjent u saħħet il-bniedem.

Id-Direttiva l-ġdida ta’ qafas dwar l-iskart, li kellha tiġi trasposta fil-liġijiet nazzjonali sat-12 ta’ Diċembru 2010, għadha ma ddaħħlitx f’ħafna mill-pajjiżi tal-UE. L-Istati Membri kellhom perjodu tranżizzjonali ta’ sentejn sabiex idaħħlu l-miżuri meħtieġa biex ikunu konformi mad-Direttiva l-ġdida. Madankollu, s’issa ftit minnhom biss għarrfu lill-Kummissjoni li huma ttrasponew din il-leġiżlazzjoni. Il-Kummissjoni qed issegwi mill-qrib din il-qagħda u se tieħu azzjoni, jekk ikun meħtieġ, kontra dawk li jibqgħu ma jimplimentawx id-Direttiva.

Id-Direttiva l-ġdida timmodernizza u tissimplifika l-approċċ tagħna marbut mal-politika tal-iskart madwar il-kunċett tal-“ħsieb dwar iċ-ċiklu tal-ħajja”. Id-Direttiva ddaħħal ġerarkija tal-iskart li torbot legalment li tagħti l-ordni tal-prijorità għat-trattament tal-iskart. Fuq nett fil-lista nsibu l-prevenzjoni tal-iskart, u warajha hemm l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u l-ħidmiet ta’ rkupru l-oħrajn. Ir-rimi bħal dak fil-miżbliet huwa mogħti biss bħala l-aħħar għażla, meta wieħed ma jkollux għażla oħra. Id-Direttiva tobbliga lill-Istati Membri jimmodernizzaw il-pjanijiet tagħhom għall-ġestjoni tal-iskart u jistabbilixxu programmi għall-prevenzjoni tal-iskart sal-2013. Sal-2020, huma għandhom jibdew jirriċiklaw ukoll 50 % mill-iskart muniċipali tagħhom u 70 % mill-iskart tal-bini u tat-twaqqigħ tal-bini.

Il-passi li jmiss

Il-Kummissjoni se tkompli ssegwi l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-liġijiet dwar l-iskart fil-livell nazzjonali, fosthom tar-rekwiżiti tad-Direttiva l-ġdida ta’ qafas dwar l-iskart. Iżda hija se tfittex li tiżviluppa wkoll appoġġ għall-Istati Membri biex dawn ifasslu strateġiji u politiki adattati marbutin mal-bidu taċ-ċiklu tal-iskart. Sabiex tkompli ssaħħaħ il-politiki tagħha dwar l-iskart, fl-2012 il-Kummissjoni se tagħmel iktar proposti, u se tistabbilixxi wkoll il-passi konkreti li se tieħu sabiex nimxu iktar lejn soċjetà tal-UE li tkun soċjetà tar-riċiklaġġ li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti.

Aktar tagħrif:

Ir-rapport u l-anness tiegħu, li jinkludi r-riżultati ddettaljati tal-Istati Membri individwali, jinsabu fis-sit tal-internet li ġej: http://ec.europa.eu/environment/waste/strategy.htm

1 :

“Waste & Resources Action Programme (WRAP)UK study” (L-istudju tar-Renju Unit dwar il-programm ta’ azzjoni dwar l-iskart u r-riżorsi) ippubblikat f’Novembru tal-2009.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website