Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

12-il stadju ta' kostruzzjoni lejn is-Suq Uniku tal-2012: flimkien għal tkabbir ġdid

Commission Européenne - IP/11/469   13/04/2011

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/11/469

Brussell, 13 ta’ April 2011

12-il stadju ta' kostruzzjoni lejn is-Suq Uniku tal-2012: flimkien għal tkabbir ġdid

Is-Suq Uniku jibqa' l-qofol u l-mutur ekonomiku prinċipali tal-Unjoni Ewropea. Għadu jservi wkoll bħala l-aqwa għodda li għandna biex nirreaġixxu għall-kriżi ekonomika ta' bħalissa. Il-potenzjal tiegħu għat-tkabbir għadu mhux qed jiġi sfruttat għal kollox, minkejja l-progress li sar minn meta nħoloq fl-1992. Għalhekk, is-Suq Uniku għandu jagħmel pass 'il quddiem biex jitwittu l-pedamenti għal tkabbir ġdid li jkun iktar ekoloġiku u inklussiv. L-Att dwar is-Suq Uniku, li ġie adottat illum mill-Kummissjoni Ewropea, għandu l-għan li jiftaħ tnax-il stadju ta' kostruzzjoni 'biex jerġa' jkun varat mill-ġdid is-suq uniku għall-2012. Dawn it-tnax-il strument ta' tkabbir, ta' kompetittività u ta' progress soċjali jvarjaw minn mobilità tal-ħaddiema, għal finanzjamenti tal-SMEs, għall-protezzjoni tal-konsumatur u dan permezz ta' kontenut diġitali, tassazzjoni u n-netwerks trans-Ewropej. Il-mira tagħhom hi li tiġi ffaċilitata l-ħajja tal-atturi kollha tas-suq uniku: l-impriżi, iċ-ċittadini, il-konsumaturi u l-ħaddiema (ara IP/10/1390).

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jose Manuel Barroso, iddikjara: "Is-Suq Uniku dejjem kien il-mutur tal-iżvilupp ekonomiku tagħna u tal-prosperità tagħna. Iktar minn qatt qabel, għadu jservi bħala l-aqwa għodda tagħna biex negħlbu l-krizi. It-12-il stadju ta' kostruzzjoni li qed jiġu varati llum jagħtu lok sabiex jingħataw mill-ġdid spinta deċiżiva lis-servizzi tal-impriżi, tal-ħaddiema u tal-konsumaturi. L-għan tagħna hu li jkollna Suq Uniku iktar b'saħħtu għall-2012!"

Michel Barnier, il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi ddikjara li: "Il-proposta tal-lum iġġib magħha reazzjoni koerenti għan-nuqqasijiet li hemm fis-suq intern u taspira li jkun hemm mudell ta' tkabbir sostenibbli u inklussiv. Il-Kummissjoni titlob lill-atturi kollha kkonċernati, l-ewwel nett lill-Istati Membri u lill-Parlament Ewropew biex ifasslu dan il-pjan ta' azzjoni għalihom, billi jadottaw malajr kemm jista' jkun it-tnax-il azzjoni ewlenija minn issa sal-2012, sabiex l-inizjattivi tal-atturi tas-suq uniku jingħataw iktar opportunitajiet li kollha jibbenefikaw b'mod sħiħ mill-opportunitajiet offruti".

Liema huma t-12-il strument?

Skont il-kontribuzzjonijiet li nġabru matul l-erba' xhur li matulhom sar dibattitu pubbliku (iktar minn 850), kif ukoll pariri u konklużjonijiet li ħadu l-Istituzzjonijiet Ewropej, il-Kummissjoni identifikat 12-il strument biex tħeġġeġ it-tkabbir u t-tisħiħ tal-fiduċja taċ-ċittadini. Kull strument hu akkumpanjat minn inizjattiva ewlenija u li l-Kummissjoni għandha timpenja ruħha li fix-xhur li ġejjin tagħmel proposti dwarha bil-ħsieb li jkun hemm qbil finali mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill qabel tmiem l-2012. Kull strument fih ukoll proposti oħra, tal-istess importanza, u li għandhom jibbenefikaw minn momentum li jinħoloq mill-inizjattiva ewlenija, biex isir progress – xi drabi b'mod parallel, u xi drabi b'pass mhux daqstant mgħaġġel.

1. L-aċċess għall-finanzjament lill-SMEs

Dan hu strument kruċjali għal iktar minn 20 miljun impriża żgħira u ta' daqs medju (SMEs) Ewropej, li minħabba nuqqas ta' finanzjament, ħafna drabi jsibuha diffiċli li jimpjegaw ħaddiema ġodda, iniedu prodotti ġodda jew isaħħu l-infrastrutturi tagħhom. Għalhekk, hemm bżonn li jinħoloq statut komuni ta' fondi ta' kapital tar-riskju li jagħti lok għal fondi stabbiliti fi Stat Membru biex isir investiment fi Stat Membru ieħor, u b'hekk l-SMEs innovattivi jingħataw fondi flimkien ma' għarfien espert neċessarju u dan bi prezz attraenti.

2. Il-mobilità tal-ħaddiema fis-suq uniku

Fl-2009, 5.8 miljun Ewropew kienu jaħdmu f'xi Stat Membru ieħor, li jammonta għal 2.5 % tal-popolazzjoni attiva tal-Unjoni. Żieda fir-rata tal-mobilità fis-settur tal-ħaddiema kwalifikati tippermetti li l-ekonomija Ewropea tkun iktar kompetittiva. Il-fatt li diversi pożizzjonijiet ta' xogħol għal persunal bi kwalifiki għoljin għadhom ma ntlewx jagħmel din iż-żieda ferm aktar urġenti. Biex jiġu eliminati l-ostakli ġuridiċi li għadhom jimpedixxu lill-Ewropej milli jaħdmu fejn jixtiequ, nixtiequ nimmodernizzaw ir-regoli ta' rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, b'tali mod li nissimplifikaw il-proċeduri, nerġgħu neżaminaw il-qasam tal-professjonijiet regolamentati u nsaħħu l-fiduċja u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, speċjalment permezz ta' tessera professjonali Ewropea.

3. Id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali

Il-proprjetà intellettwali hija importanti daqs il-materja prima jew il-bażi industrijali: bejn 44 % u 75 % tar-riżorsi tal-impriżi Ewropej huma marbutin magħha. Dan huwa ta' vantaġġ komparattiv qawwi tal-Unjoni. Huwa għalhekk kruċjali għall-kompetittività Ewropea li tiġi stabbilita protezzjoni unitarja tal-privattivi għall-invenzjonijiet, fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, bil-għan li jingħataw l-ewwel titli unitarji fl-2013. Illum stess qed inressqu dawn il-proposti għal dan il-għan (ara IP/11/470 u MEMO/11/240 tat-13 ta' April).

4. Il-konsumaturi, l-atturi tas-suq uniku

Biex tissaħħaħ il-fiduċja tal-konsumaturi fis-suq uniku, hemm bżonn li jiġu garantiti d-drittijiet tagħhom. Dan għandu jsir b'mod partikolari billi jiġu żviluppati sistemi alternattivi biex jiġu riżolti l-kunflitti u billi jiġu implimentati mezzi diversi ta' rikors mhux ġudizzjarji. Għalhekk, il-konsumaturi għandu jkollhom soluzzjoni iktar faċli, rapida u ekonomika għad-dispożizzjoni tagħhom. Din hija essenzjali għall-kummerċ onlajn u għall-fiduċja li, iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar qiegħda titrawwem f'dan il-kummerċ fost il-konsumaturi tal-kummerċ elettroniku transfruntier u li tħalli qligħ ekonomiku li jammonta għal EUR 2.5 miljun.

5. Is-servizzi: tisħiħ tal-istandardizzazzjoni

Is-servizzi huma l-mutur tal-ħolqien tal-impjiegi fl-Ewropa: filwaqt li t-tkabbir tal-UE kellu medja ta' 2.1 % kull sena bejn l-1998 u l-2008, is-settur tas-servizzi kiber b'medja ta' 2.8 % fis-sena. L-impjieg fis-settur kiber bi 2 % fis-sena, meta mqabbel mat-tkabbir ta' 1 % għall-ekonomija nazzjonali b'mod kumplessiv. Sabiex jissaħħaħ dan il-vantaġġ, il-Kummissjoni tipproponi li ssir reviżjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-sistema Ewropea tal-istandarizzazzjoni biex tkun estiża għas-servizzi u trendi l-proċeduri ta' standarizzazzjoni iktar effikaċi, effiċjenti u inklussivi.

6. Netwerks Ewropej iktar b'saħħithom

In-netwerks tat-trasport, l-enerġija u l-komunikazzjoni elettronika jikkostitwixxu s-sinsla tas-suq uniku. Fil-fatt, l-infrastrutturi effiċjenti jiffavorixxu ċirkolazzjoni ħielsa, veloċi u b'kost raġonevoli tal-persuni, tan-negozji, tas-sorsi differenti tal-enerġija u tar-riżultati. Il-Kummissjoni se tadotta l-leġiżlazzjonijiet dwar l-infrastrutturi tal-enerġija u t-trasport sabiex jiġu identifikati l-proġetti strateġiċi ta' interess Ewropew. .

7. Is-suq uniku diġitali

Li tissaħħaħ il-fiduċja fit-tranżazzjonijiet elettroniċi hi kondizzjoni sine qua non tal-iżvilupp ta' suq intern diġitali li jistgħu jibbenefikaw minnha ċ-ċittadini, l-impriżi u l-amministrazzjonijiet. L-Ewropa teħtieġ leġiżlazzjoni li tassigura r-rikonoxxenza reċiproka tal-identifikazzjoni u l-awtentikazzjoni elettroniċi fit-territorju tagħha u reviżjoni tad-direttiva dwar il-firma elettronika, sabiex ikun hemm lok għal interazzjoni b'mezzi elettroniċi li tkun sikura u mingħajr xkiel.

8. L-intraprenditorjat soċjali

Minbarra li jfittxu, b'mod leġittimu, il-qligħ finanzjarju, ċerti impriżi jagħżlu li bl-istess mod jilħqu l-għanijiet ta' interess ġenerali, ta' żvilupp soċjali, etiku jew ambjentali. Dan is-settur iwassal għal tkabbir u impjiegi. Sabiex dan ikun imħeġġeġ, jeħtieġ li nużaw b'mod sħiħ l-istrument formidabbli finanzjarju li hi l-industrija Ewropea tal-ġestjoni tal-ħaddiema. Nipproponu qafas Ewropew għall-fondi ta' investiment mutwalistiċi, biex ikun amplifikat l-effett tal-inizjattivi nazzjonali eżistenti, li jinfetħu opportunitajiet tas-suq uniku għal dawn il-fondi. .

9. It-tassazzjoni

Ir-Regolament dwar it-taxxai tal-UE ma għadux adattat għar-realtajiet tas-suq uniku tas-seklu 21, u lanqas għall-isfidi tal-iżvilupp sostenibbli. Ma jinkoraġġix biżżejjed il-prattiki l-iktar ekonomiċi fis-settur tal-enerġija jew dawk li jirrispettaw l-aktar l-ambjent. Għalhekk illum stess qed nipproponu li ssir reviżjoni tad-Direttiva dwar it-tassazzjoni tal-enerġija kif ukoll li jiġi żgurat trattament koerenti tad-diversi sorsi ta' enerġija biex jitqies aħjar il-kontenut enerġetiku tal-prodotti kif ukoll tal-emissjonijiet tas-CO2 tagħhom (ara IP/11/468 u MEMO/11/238).

10. Iktar koeżjoni soċjali fis-suq uniku

Sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni soċjali fl-Ewropa, il-Kummissjoni se tagħmel proposta leġiżlattiva mmirata lejn it-tisħiħ tal-applikazzjoni tad-Direttiva dwar "l-Istazzjonar tal-Ħaddiema", biex ikun previst u sanzjonat kull abbuż jew deterrent tar-regoli. Din se tipproponi wkoll li jkun hemm kjarifika tal-eżerċizzju tad-drittijiet soċjali fundamentali bħala parti mill-eżerċizzji tal-libertajiet fundamentali ekonomiċi.

11. L-ambjent standardizzat tal-impriżi

L-impriżi għadhom ta' spiss iħarsu lejn is-suq uniku bħala lok ta' burokrazija u saħansitra ta' nuqqas ta' opportunitajiet. Jeħtieġ li wieħed jissimplifikalhom il-ħajja, billi jitnaqqsu l-burokraziji normattivi u amministrattivi. Sabiex jirnexxilha tagħmel dan, il-Kummissjoni se tipproponi simplifikazzjoni tad-Direttivi dwar in-normi tal-Kontabbiltà fir-rigward tal-obbligi ta' informazzjoni finanzjarja u biex tnaqqas il-piżijiet amministrattivi, b'mod partikolari dawk li jġarrbu l-SMEs.

12. Is-swieq pubbliċi

L-awtoritajiet pubbliċi jonfqu madwar 18 % tal-PDG tal-UE f'beni, servizzi u xogħol. Din in-nefqa pubblika hija strument essenzjali għat-tkabbir. Il-leġiżlazzjonijiet Ewropej u nazzjonali fetħu appalti pubbliċi b'konkorrenza leali li jwasslu għal offerti ta' kwalità aħjar bi prezz aħjar għaċ-ċittadini. Il-Kummissjoni tipproponi li timmodernizza dan il-qafas leġiżlattiv sabiex tfassal politika bbilanċjata, li ssostni d-domanda għall-beni u s-servizzi li jirrispettaw l-ambjent, li huma soċjalment responsabbli u innovattivi u biex toffri proċedura iktar sempliċi u flessibbli għall-amministrazzjoni ġuridika, u li tassigura aċċess iktar faċli għall-SMEs.

X'inhuma l-passi li jmiss?

Fi tmiem l-2012, Il-Kummissjoni ser tagħti rapport ta' progress dwar dan il-pjan ta' azzjoni u se tippreżenta l-programm tagħha għall-pass li jmiss. Ir-riflessjonijiet se jingħataw spinta 'l quddiem permezz ta' studju ekonomiku kbir li r-riżultati tiegħu għandhom jippermettu l-identifikazzjoni ta' pożizzjonijiet li għad għandhom potenzjal tat-tkabbir mhux sfruttat u, fejn meħtieġ, l-individwalizzazzjoni ta' strumenti ġodda għat-tkabbir.

Għal iktar tagħrif:

MEMO/11/239

Homepage tas-sit ta' Michel Barnier:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/barnier/index_en.htm

L-Att dwar is-Suq Uniku:

http://ec.europa.eu/internal_market/smact/index_mt.htm


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site