Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/11/465

Brussell, it-12 ta' April 2011

Is-Sajd: Il-kampanja "tolleranza zero" tal-UE kontra s-sajd illegali ser tiħrax.

Ser isir ferm aktar diffiċli għas-sajjieda biex ma jinqabdux meta jistadu illegalment, hekk kif is-sistema l-ġdida tal-UE għall-kontroll tas-sajd issa saret operattiva bis-sħiħ. Bl-adozzjoni ta' regoli dettaljati dwar kif għandhom isiru l-kontrolli tul il-katina tas-suq "mix-xibka sal-platt", l-UE issa għandha l-mezzi biex titlaq il-passat warajha u tistabbilixxi kultura vera ta' ħarsien tar-regoli biex twaqqaf is-sajd żejjed u tgħin biex is-sajd isir sostenibbli tassew. Is-sistema l-ġdida tiżgura t-traċċabbiltà tul il-katina kollha minn meta tinqabad il-ħuta sa meta tasal għand il-konsumatur. L-awtoritajiet tal-Istati Membri jistgħu jindunaw li l-affarijiet ma sarux sew fi kwalunkwe punt tal-katina tas-suq u jittraċċawhom lura sal-ħati. L-ispezzjonijiet ser jitwettqu bl-istess mod fl-Ewropra kollha. Id-dejta tinġabar u tiġi kkontroverifikata elettronikament. U meta jasal fil-ħwienet, il-konsumaturi ser ikunu jafu li dak huwa prodott li ġej minn sajd legali. Meta xi ħadd jikser il-liġi, ser jaffaċja sanzjonijiet iebsa ndaqs kullimkien u irrespettivament min-nazzjonalità tiegħu. U min jinqabad jistad illegalment ripetitutament, bis-saħħa tas-sistema l-ġdida bil-punti jispiċċa biex titteħdilu l-liċenzja.

"Jekk ma nkunux nistgħu ninfurzaw ir-regoli tagħna stess inkunu qed nheddu l-kredibbiltà tal-politika komuni tas-sajd, irrispettivament minn kemm din tista' tkun tajba. Issa għandna sistema komprensiva ta' kontroll u infurzar u nistenna li minn issa 'l quddiem il-konformità mar-regoli tas-sajd tal-UE titjieb. Ma nistgħux nibqgħu nħallu, lanqas minorità żgħira ta' sajjieda li jinjuraw ir-regoli u jeħilsuha qiesu xejn mhu xejn. Apparti li huwa inġust, dan huwa wkoll ta' theddida għall-konservazzjoni; iħarbat is-suq b'kompetizzjoni inġusta; jippenalizza lis-sajjieda li jimxu skont il-liġi u jkisser iċ-ċirku tal-ħarsien tar-regoli; u fuq kollox jeqred l-istokkijiet tal-ħut", qalet il-Kummissarju għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, Maria Damanaki.

L-adozzjoni tar-regoli ta' implimentazzjoni kienet meħtieġa sabiex ir-Regolament tal-2010 dwar il-Kontroll isir applikabbli kollu. Ir-regoli l-ġodda:

  • Jippermettu kontroll "mix-xibka sal-platt" billi jiġu koperti l-istadji kollha tal-katina tal-forniment; is-sistema tat-traċċibbiltà tippermetti lill-ispetturi jiskopru l-qerq fi kwalunkwe punt tal-katina.

  • Jipprovdu mekkaniżmi konkreti biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għas-sajjieda, operaturi oħra u l-Istati Membri. Armonizzaw is-sanzjonijiet, li flimkien ma' sistema ġdida ta' punti, jiżguraw li ksur serju jwassal għal konsegwenzi simili fl-Istati Membri kollha.

  • Jissimplifikaw ħafna, peress li r-regoli applikabbli kollha fil-qasam tal-kontroll tas-sajd fl-UE, li qabel kienu mxerrda ma' ħafna strumenti different, issa jinsabu miġbura kollha f'test wieħed.

  • Jiġġeneralizzaw l-użu ta' teknoloġiji ġodda, li minn naħa jnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi għall-operaturi u l-awtoritajiet u min-naħa l-oħra jagħmluha ħafna aktar faċli li tiġi vverifikata d-dejta u b'hekk iżidu l-effiċjenza.

Ir-Regolament il-ġdid jiddeskrivi wkoll il-mekkaniżmi li jistgħu jintużaw mill-Kummissjoni sabiex tiżgura l-konformità mill-Istati Membri: aktar setgħat marbuta mal-verifika, l-ispezzjonijiet u l-awditjar indipendenti, l-inkjesti amministrattivi, is-sospensjoni jew l-irtirar ta' fondi mill-UE u t-tnaqqis tal-kwoti u l-isforz tas-sajd kull meta s-sistema tal-kontroll ta' Stat Membru tidher li mhijiex effettiva.

Sabiex tiffaċilita l-implimentazzjoni, il-Kummissjoni tagħti għajnuna finanzjarja lill-Istati Membri billi tikkofinanzja ċerti tipi ta' proġetti, speċjalment dawk li jiffukaw fuq teknoloġiji ġodda.

Sfond

Ir-regoli tas-sajd u s-sistemi tal-kontroll jiġu miftiehma fil-livell tal-UE, iżda implimentati u mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali u l-ispetturi tal-Istati Membri tal-UE.

Ir-Regolament tal-implimentazzjoni li għadu kif ġie adottat jagħlaq ir-riforma estensiva tal-Politika tal-UE tal-Kontroll tas-Sajd li bdiet fl-2008. Is-sistema l-ġdida hija bbażata fuq tliet pilastri: Regolament kontra s-sajd illegali, li ser jiżgura li l-prodotti tas-sajd kollha nnegozjati lejn u mill-UE jkunu f'konformità sħiħa mal-miżuri rilevanti kollha tal-konservazzjoni u l-immaniġjar; Regolament dwar l-awtorizzazzjonijiet għas-sajd, li jipprovdi qafas li minnu jistgħu jiġu liċenzjati operaturi mill-UE biex jistadu lil hinn mill-ilmijiet tal-UE u biex operaturi barranin ikunu jistgħu jistadu fl-ilmijiet tal-UE; u r-Regolament dwar il-Kontroll prinċipali nnifsu, li joħloq qafas legali ġdid għal kollox għall-kontroll u l-infurzar tal-Politika Komuni tas-Sajd.

Għal aktar informazzjoni

Memo/11/234

http://ec.europa.eu/fisheries/cfp/control/index_mt.htm

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/damanaki/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website