Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/11/462

Brussell, it-12 ta’ April 2011

L-UE tagħti merħba lis-Seminar Internazzjonali dwar ir-Reklutaġġ

Illum fi Brussell se jiltaqa' grupp ta' korpi regolatorji influwenti nazzjonali u internazzjonali biex jiddiskuti dwar il-futur tar-reklutaġġ fis-settur pubbliku. Is-seminar, li huwa organizzat mill-Viċi President tal-Kummissjoni għar-Relazzjonijiet Interistituzzjonali u l-Amministrazzjoni, Maroš Šefčovič, se jikkonċentra fuq l-identifikazzjoni u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattika biex fis-settur pubbliku jkun jista' jiġi ggarantit li l-persunal ikun ta' kwalità u li l-ispiża għal kull reklutaġġ tkun effettiva.

Is-seminar se jkun l-ewwel tentattiv biex jinġiebu flimkien, fuq bażi globali, għadd ta' rappreżentanti prinċipali mis-settur pubbliku kollu, kemm mil-livell nazzjonali kif ukoll minn dak internazzjonali. Huwa se jseħħ f'kuntest ta' inċertezza ekonomika u tal-isfidi li jirriżultaw minnha, magħġuna flimkien mal-kompetizzjoni li qed tikber minn setturi oħra tas-suq tax-xogħol.

Waqt diskors li għamel qabel l-avveniment, il-Viċi President Šefčovič qal lill-ġurnalisti: "Il-kwistjonijiet tal-persunal u tar-reklutaġġ qed isiru dejjem aktar importanti għall-organizzazzjonijiet tas-settur pubbliku mad-dinja kollha; jeħtieġ li, issa aktar minn qatt qabel, jiżguraw li f'dawn iż-żminijiet iebsa jiksbu riżultati tajbin għall-flus li jonfqu. Aħna nemmnu li għamilna avvanzi kbar fi żmien qasir sabiex intejbu l-proċeduri tal-għażla tal-persunal tal-UE, u qed nistenna bil-ħerqa li naqsmu ma' sħabna minn madwar id-dinja kollha l-għarfien u l-esperjenza li ksibna."

Il-grupp internazzjonali ta' rappreżentanti li se jieħdu sehem fis-seminar, se jinkludi lin-Nazzjonijiet Uniti, lill-Unjoni Afrikana, lill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku tal-Kanada, lill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni u lill-Kunsill tal-Ewropa - flimkien ma' diversi Stati Membri tal-UE. Barra minn dan, il-Kapijiet Eżekuttivi kemm tal-Assoċjazzjoni dinjija tal-Pubblikaturi ta' Testijiet ("Association of Test Publishers"), kif ukoll dawk tal-Assoċjazzjoni tar-Renju Unit għal Min Jimpjega l-Gradwati ("Association of Graduate Recruiters"), se jipprovdu l-opinjoni esperta tagħhom fir-rigward tal-għażla tal-persunal fis-settur pubbliku u tar-reklutaġġ tal-gradwati.

L-avveniment qed jiġi organizzat wara li l-metodi tal-għażla tal-persunal tal-UE ġew immodernizzati b'mod sinifikanti, permezz tal-valutazzjoni bbażata fuq il-ħiliet li ħadet post il-valutazzjoni bbażata fuq l-għarfien, u permezz tal-introduzzjoni taċ-ċiklu annwali li jrendi l-perjodi ta' applikazzjoni aktar prevedibbli għall-forza tax-xogħol tal-gradwati tal-lum.

Id-Direttur tal-EPSO, David Bearfield, li mexxa l-modernizzazzjoni tal-proċeduri tal-għażla tal-UE, laqa' dan l-avveniment b'mod pożittiv: "Ninsabu tassew kuntenti li matul dawn l-aħħar sitt xhur konna kapaċi naqsmu ma' diversi sħab internazzjonali l-esperjenza dwar il-proċess tagħna ta' modernizzazzjoni. L-avveniment tal-lum se jservi ta' opportunità eċċellenti għalina biex inkomplu naħdmu flimkien bil-għan li ntejbu r-reklutaġġ fis-settur pubbliku fuq livell internazzjonali - xi ħaġa li hija fl-interess ta' kulħadd."

L-istudenti u l-gradwati Ewropej bħalissa fadlilhom biss ftit jiem oħra biex japplikaw bħala parti mill-kampanja li l-UE qed tagħmel fl-2011 biex tirrekluta persunal fil-grad ta' AD. Din il-kampanja tiġi fi tmiemha f’nofsinhar CET (ħin ta’ Brussell) fl-14 ta’ April 2011.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website