Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Stħarriġ isib li l-għarfien u l-ħiliet tal-konsumaturi huma baxxi b'mod inkwetanti.

Commission Européenne - IP/11/455   11/04/2011

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/11/455

Brussell, il-11 ta’ April 2011

Stħarriġ isib li l-għarfien u l-ħiliet tal-konsumaturi huma baxxi b'mod inkwetanti.

Skont studju tal-Eurobarometer li ġie ppubblikat illum, fl-okkażjoni tas-Summit Ewropew 2011 dwar il-Konsumaturi, inqas minn 50% tal-konsumaturi fl-UE li ġew mistħarrġa jħossuhom kunfidenti, infurmati tajjeb u mħarsa bħala konsumaturi. Il-konsumaturi infurmati jafu faċilment kif għandhom jidentifikaw l-aħjar offerti, jafu x'inhuma d-drittijiet tagħhom u minn fejn għandhom jgħaddu meta l-affarijiet ma jmorrux tajjeb. Il-konsumaturi vulnerabbli jsibuha diffiċli li jifhmu sew l-għażliet li jridu jagħmlu, ma jafux x'inhuma d-drittijiet tagħhom, iġarrbu iżjed problemi u ma jkollhomx ħeġġa li jieħdu r-riedni f'idejhom meta l-affarijiet imorru żmerċ. It-telf irrappurtat mill-konsumaturi ġie stabbilit li hu madwar 0,4% tal-PDG tal-UE, b'iktar minn 20% tal-konsumaturi fl-UE li kienu rrappurtaw xi problema fl-aħħar sena. Minkejja li l-maġġoranza tal-konsumaturi jressqu l-ilmenti tagħhom quddiem il-bejjiegħa, il-biċċa l-kbira minn dawk li ma jiġux issodisfatti ma jieħdu ebda azzjoni oħra. Numri kbar ta' konsumaturi jsibu l-problemi biex jagħmlu l-kalkoli ta' kuljum, biex jifhmu l-informazzjoni ewlenija u biex jindunaw bi prattiki illegali tal-bejgħ jew biex jagħrfu d-drittijiet tagħhom. Maġġoranza minn dawk li taw tweġiba ma kinux jafu li għandhom id-dritt li jirritornaw prodott mhux tajjeb, jew li jitolbu li dan jiġi msewwi jew sostitwit.

John Dalli, il-Kummissarju tal-UE responsabbli għas-Saħħa u l-Politika tal-Konsumatur qal: "Ir-riżultati inkwetanti juru li numru kbir ta' konsumaturi huwa potenzjalment vulnerabbli għall-frodi, għal skemi diżonesti (scams), għall-bejgħ bi pressjoni, u ma jafux li jistgħu jerġgħu jaħsbuha u jevitaw xirjiet żejda. Meta l-konsumaturi ma jafux jagħmlu l-għażliet it-tajbin u jevitaw il-ħsara, ma jbatux huma biss, iżda jbatu wkoll in-negozji innovattivi u onesti li jagħtu spinta lit-tkabbir". Bħala konklużjoni: "Dawn ir-riżultati jridu jitqiesu jekk irridu ngħinu lill-konsumaturi f'suq li kull ma jmur qed isir iżjed kumpless u minkejja l-abbundanza żejda ta' informazzjoni."

L-istħarriġ:

L-istħarriġ twettaq fl-2010 f'29 pajjiż (UE27, l-Islanda u n-Norveġja), fost 56,471 konsumatur, b'70 domanda dwar tliet aspetti ewlenin tal-jedd tax-xerrej: il-ħiliet li għandu jkollu konsumatur; l-għarfien li għandu jkollhom il-konsumaturi dwar id-drittijiet tagħhom; kemm jirnexxilhom jasserixxu rwieħhom il-konsumaturi. L-għan hu li jsiru magħrufin il-kapaċitajiet, l-għarfien u l-kunfidenza tal-konsumaturi biex jitfasslu u jiġu żviluppati b'mod aktar relevanti l-politiki adattati għall-imġiba vera, kemm f'livell tal-UE kif ukoll f'livell nazzjonali.

Is-sejbiet ewlenin:

Ir-riżultati juru li l-għarfien u l-ħiliet tal-konsumaturi huma neqsin b'mod inkwetanti. Iżda hemm potenzjal kbir li l-konsumaturi jingħataw il-fiduċja fil-jedd tagħhom u b'hekk jitjieb il-benessri tal-konsumaturi u jitnaqqas it-telf tagħhom. L-internet u l-midja għandhom rwol ewlieni fl-għoti tal-kunfidenza fil-jedd tal-konsumaturi minħabba li 'l fuq minn 38% tal-konsumaturi jużaw l-internet biex jipparagunaw prodott ma' ieħor, u minħabba l-abbiltà tal-midja li tilħaq liċ-ċittaddini b'mod dirett.

It-telf tal-konsumatur u r-rimedji

Iżjed minn wieħed minn kull ħames Ewropej li ġew intervistati kienu ltaqgħu ma' xi problema li dwarha kellhom għalfejn jilmentaw. It-telf tal-konsumaturi huwa stmat għal madwar 0,4% tal-PDG. Nies ta' ftit edukazzjoni formali, u nies kbar fl-età jsibuha aktar diffiċli biex jitolbu rimedju minkejja li għandhom probabbiltà daqs kulħadd li jsibu xi problema. L-istħarriġ jikkonferma l-importanza li wieħed ikollu aċċess għar-rimedji sodisfaċenti. Ħafna minn dawn il-problemi kienu jiġu solvuti kieku kellna għażla akbar ta' mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim (ADR).

Il-ħiliet tal-konsumaturi

Inkwantu l-ħila fin-numri, il-konsumaturi jsibu diffikultà jagħmlu kalkoli sempliċi: 45% biss irnexxielhom jirrispondu tliet domandi marbutin mal-konsum b'mod korrett. Inkwantu ħiliet finanzjarji, tnejn minn kull għaxra min-nies li ġew intervistati ma' kinux jafu jagħrfu l-iżjed għażla irħisa waqt li kienu qed jixtru televixin bl-iskrin ċatt. Tmienja u ħamsin fil-mija biss setgħu jifhmu tikketta tal-ingredjenti u 18% ma kinux jafu jidentifikaw id-data ta' skadenza ta' prodott. Tnejn fil-mija biss mill-konsumaturi għarfu ħames lowgos komuni tal-informazzjoni pubblika. Tlieta u tletin fil-mija tal-konsumaturi kienu jaħsbu li l-marka CE kienet tfisser "magħmul fl-Ewropa", u 25% biss kienu jafu tajjeb li tfisser "konformi mal-leġiżlazzjoni tal-UE". Bosta ma kinux jafu isem ta' organizzazzjoni waħda għall-konsumaturi f'pajjiżhom.

L-għarfien tal-konsumaturi dwar id-drittijiet tagħhom

Il-maġġoranza tal-konsumaturi ma kinux jafu bid-drittijiet fondamentali tagħhom bħalma hu d-dritt li jieħdu prodott ħażin lura biex jissewwa, jew jinbidel, jew biex jingħataw flushom lura sa 18-il xahar wara li jkunu xtrawh; jew id-dritt li wieħed iħassar kuntratt ta' servizz finanzjarju sa 14-il ġurnata wara jekk ibiddlu l-idea jew isibu offerta aħjar, u lanqas ma kienu jafu dwar id-dritt li wieħed iħassar kuntratt ma' bejjiegħ bieb bieb.

Biex tittestja lilek innifsek, u biex tikseb aktar informazzjoni jew dokumenti

http://ec.europa.eu/consumers/consumer_empowerment/index_en.htm

Ara l-Eurobarometer 342

http://ec.europa.eu/public_opinion/index_en.htm

Għal aktar informazzjoni dwar l-attitudnijiet tal-konsumaturi, ara IP/11/280 fuq il-ħames Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur:

http://ec.europa.eu/consumers/strategy/facts_en.htm

http://www.european-consumer-summit.eu


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site