Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-mandat ta’ arrest Ewropew huwa strument fil-ġlieda kontra l-kriminalità transkonfinali, iżda l-Istati Membri tal-UE jistgħu jtejbu l-mod kif jintuża, jgħid rapport tal-Kummissjoni

Commission Européenne - IP/11/454   11/04/2011

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/11/454

Brussell, 11 ta’ April 2011

Il-mandat ta’ arrest Ewropew huwa strument fil-ġlieda kontra l-kriminalità transkonfinali, iżda l-Istati Membri tal-UE jistgħu jtejbu l-mod kif jintuża, jgħid rapport tal-Kummissjoni

L-Ewropej għandhom id-dritt jivvjaġġaw liberament fi ħdan l-UE biex jaħdmu, jistudjaw, jew biex imorru vaganza. Iżda l-fatt li l-fruntieri jkunu miftuħa ma jfissirx li kriminali għandhom jitħallew jaħarbu mill-ġustizzja sempliċement billi jivvjaġġaw lejn Stat Membru ieħor. Il-mandat ta’ arrest Ewropew - li ilu jopera sa mill-2004 – jipprovdi strument effiċjenti biex persuni suspettati li wettqu xi reat jiġu estraditi minn pajjiż tal-UE għall-ieħor b’mod li l-kriminali ma jkunu jistgħu jsibu kenn imkien fl-Ewropa. Pereżempju, għexieren ta’ persuni suspettati li kienu qed iwettqu kuntrabandu ta' drogi, oħrajn li kienu qatlu u oħrajn li kienu wettqu offiżi sesswali kontra tfal inġiebu lura lejn ir-Renju Unit minn Spanja bis-saħħa tas-sistema. Filwaqt li kien hemm ħafna suċċessi, f'rapport ippubblikat illum il-Kummissjoni Ewropea esprimiet l-idea li l-Istati Membri tal-UE jistgħu jtejbu l-operat tas-sistema – li hi bbażata fuq fiduċja reċiproka bejn is-sistemi nazzjonali tal-ġustizzja. L-Istati Membri għandhom f’kull każ jużaw il-mandat ta’ arrest Ewropew bl-attenzjoni dovuta lejn id-drittijiet fundamentali u lejn kemm tkun kbira l-ħtieġa reali ta’ estradizzjoni.

"Il-mandat ta' arrest Ewropew huwa strument importanti biex jinqabdu l-kriminali, iżda l-Istati Membri għandhom jaraw li dan jintuża kif suppost,”, qalet il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju għall-Ġustizzja tal-UE. "Il-gvernijiet nazzjonali jeħtieġ li jibnu l-fiduċja bejn is-sistemi ġudizzjarji tagħhom sabiex il-mandat ta' arrest Ewropew ikun jista' jaħdem b'mod saħansitra aktar effiċjenti. Fid-dawl tal-funzjoni importanti tagħhom fejn jidħlu d-drittijiet fundamentali, il-mandati ta’ arrest Ewropej m’għandhomx jinħarġu b’mod mekkaniku, jew awtomatiku, għal reati li ma jkunux serji ħafna, bħal pereżempju jekk xi ħadd jisraq rota.”

Ir-rapport tal-Kummissjoni jevalwa kif l-Istati Membri implimentaw il-mandat ta' arrest Ewropew sa mill-2007 u jagħti rendikont ta' kif tħaddem sa issa. L-Istati Membri ħarġu 54,689 mandat ta' arrest Ewropew bejn l-2005 u l-2009 u dan wassal biex 11,630 suspettat ingħataw f'idejn l-Istat Membru li talabhom. Matul l-istess perjodu, il-mandat ta’ arrest kellu effett viżibbli fl-aċċelerazzjoni tat-trasferiment bejn pajjiżi tal-UE ta' dawk suspettati li wettqu xi reat. L-estradizzjoni qabel il-mandat ta' arrest kienet tieħu medja ta' sena, iżda issa dan il-perjodu tnaqqas għal 16-il jum meta l-persuna suspettata taqbel li ċċedi, jew 48 jum jekk le. Il-mandat ta' arrest Ewropew għalhekk sar għodda kruċjali fil-ġlieda kontra l-kriminalità u aspett importanti tas-sigurtà interna fl-UE.

Fost dawk ċeduti, bis-saħħa tal-mandat ta’ arrest Ewropew, kien hemm persuna li nqabdet fl-Italja wara li ppruvat tisplodi bomba f’Londra, persuna Ġermaniża suspettata bil-qtil ta’ diversi persuni li nqabdet fi Spanja, persuna Maltija suspettata bi traffikar ta’ droga li ġiet estradita mir-Renju Unit, kif ukoll grupp ta’ ħallelin armati mfittxija mill-Italja, li l-membri tiegħu ġew arrestati f’sitt pajjiżi differenti tal-UE, u reċenti ħafna nqerdet f’ħames pajjiżi operazzjoni internazzjonali kbira ħafna ta’ xbieki ta’ serq ta’ merkanzija fuq it-toroq ewlenin.

Filwaqt li tieħu nota tas-suċċess tal-mandat ta’ arrest Ewropew għax ipprovda mod effiċjenti ta’ kif persuni suspettati jiġu estraditi f’UE, il-Kummissjoni tagħraf ukoll li l-operat tagħha jista’ jittejjeb. Ir-rapport jenfasizza li l-effettività tal-mandat ta’ arrest Ewropew tista' tittellef bi tħassib dwar ir-rispett ta' drittijiet fundamentali fi Stati Membri u użu possibbilment żejjed f'każijiet li ma jkunux ta' serjetà kbira.

Il-Kummissjoni qed taħdem fuq dawn il-kwistjonijiet billi tgħin biex tiggarantixxi ġurijiet ġusti permezz ta’ standards minimi tal-UE għad-drittijiet ta’ persuni suspettati jew akkużati b'reat. L-UE diġà adottat leġiżlazzjoni dwar id-dritt ta’ interpretazzjoni u ta' traduzzjoni fi proċedimenti kriminali (IP/10/1305) u pproponiet regoli komuni bħala garanzija biex persuni suspettati jkunu infurmati bi drittijiethom (IP/10/1652). Qed jiġu ppjanati aktar miżuri biex jiġi żgurat l-aċċess għal avukat u d-dritt li s-suspettat jikkomunika ma’ membri tal-familja u ma' dawk li jħaddmuh. Kull waħda minn dawn il-miżuri se tapplika għal persuni suspettati li huma suġġett għal mandat ta’ arrest Ewropew, b’mod li jgħinu biex jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet fundamentali tagħhom.

Madankollu huma l-Istati Membri responsabbli li jagħmlu t-titjib ewlieni fil-mod kif ikun implimentat il-Mandat ta’ Arrest Ewropew. L-Istati Membri għandhom jaraw li s-sistema tal-mandat ta’ arrest ma tiġix imminata minn ħafna mandati ta' arrest għal reati li ma jkunux serji ħafna, bħal ma hu s-serqa ta' xi rota. Qabel joħorġu mandat ta' arrest, l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru għandhom iqisu kemm ikun serju r-reat, it-tul tas-sentenza u l-kosti u l-benefiċċji tal-infurzar ta' mandat ta' arrest. Il-prinċipju tal-proporzjonalità jeħtieġ li jkun rispettat bir-reqqa meta jiġi implimentat il-mandat.

Biex l-operat tas-sistema jittejjeb, il-Kummissjoni sejra għalhekk:

  • titlob mill-Istati Membri li jaraw li l-prattikanti ġudizzjarji, bħal ma huma l-prosekuturi, ma joħorġux mandat ta’ arrest għal offiżi żgħar minuri, f’konformità mal-linji ta' gwida manwal dwar il-mandat ta' arrest, inkluż pajjiżi fejn il-prosekejuzzjoni hija obbligatorja;

  • tressaq proposti qabel tmiem l-2011 biex jiżdied it-taħriġ għall-awtoritajiet polizjeski, l-awtoritajiet ġudizzjarji u għall-prattikanti legali dwar il-mandat ta’ arrest biex ikun hemm garanzija ta’ konsistenza u effettività fil-mod kif jiġi applikat u li jitqajjem għarfien dwar is-salvagwardji tal-UE għad-drittijiet proċedurali;

  • tħajjar lill-Istati Membri li jimplimentaw miżuri kumplimentari (erba' Deċiżjonijiet ta' Qafas) li jindirizzaw kwistjonijiet bħal ma huma t-trasferiment ta' sentenzi u ta' deċiżjonijiet fejn l-imputat ma jkunx preżenti;

  • tara li jitjieb il-mod kif tinġabar id-dejta statistika dwar il-mandat ta' arrest mill-Istati Membri sabiex is-sistema tkun tista' tiġi evalwata kif xieraq;

  • tkompli żżomm għajnejha b’attenzjoni fuq l-operat tal-mandat ta’ arrest u tikkunsidra kull opzjoni possibbli biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet, inkluż permezz ta’ miżuri ulterjuri biex jitjiebu d-drittijiet proċedurali.

L-Isfond

Dan hu t-tielet rapport tal-Kummissjoni mindu l-Mandat ta' Arrest Ewropew daħal fis-seħħ bħala s-sistema ta’ estradizzjoni bejn l-Istati Membri f’Jannar 2004.

Għal aktar tagħrif

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tad-Direttorat Ġenerali tal-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/justice/news/intro/news_intro_en.htm

Il-Paġna Ewenija tal-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju għall-Ġustizzja tal-UE:

http://ec.europa.eu/reding

ANNESS

Il-Mandati ta’ Arrest Ewropew fl-Istati Membri - Għadd ta’ Mandati ta’ Arrest Ewropew maħruġa (‘issued’) u l-għadd ta’ Mandati ta' Arrest Ewropew li waslu biex effettivament ġiet ċeduta l-persuna mfittxija (‘executed’) mis-sena 2005 sas-sena 2009


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site