Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

In-Neues Museum ta' Berlin jirbaħ il-Premju tal-UE tal-Arkitettura Kontemporanja tal-2011/il-Premju Mies van der Rohe

Commission Européenne - IP/11/453   11/04/2011

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/11/453

Brussell, il-11 ta’ April 2011

In-Neues Museum ta' Berlin jirbaħ il-Premju tal-UE tal-Arkitettura Kontemporanja tal-2011/il-Premju Mies van der Rohe

Brussell, il-11 ta' April – Il-Kummissjoni Ewropea llum ħabbret li n-Neues Museum ta' Berlin huwa r-rebbieħ tal-Premju tal-UE għall-Arkitettura Kontemporanja/il-Premju Mies van der Rohe. Il-bini hu rikostruzzjoni li tgħaqqad l-antik mal-ġdid, mill-arkitett tar-Renju Unit Sir David Chipperfield. Il-premju "Nota Speċjali dwar Arkitett Emerġenti" rebħuh Ramon Bosch u Bet Capdeferro għall-Collage House f'Girona, Spanja. Iċ-ċerimonja tal-premjijiet se ssir fl-20 ta' Ġunju f'Mies van der Rohe Pavilion f'Barċellona.

Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ, qalet: "L-awguri tiegħi lir–rebbieħa tagħna li ħolqu żewġ binjiet eċċezzjonali. In-Neues Museum jgħaqqad il-passat u l-preżent flimkien f'taħlita impressjonanti tal-arkitettura kontemporanja, ir-restawr u l-arti. Il-Collage House f'Ġirona hija rinnovazzjoni rimarkabbli oħra li tgħaqqad il-materjali antiki u l-ġodda fi sħuħija armonjuża.

In-Neues Museum oriġinali, imfassal minn Friedrich August Stüler, inbena f'nofs is-Seklu 19. Il-bini sofra ħsarat kbar fit-Tieni Gwerra Dinjija u r-rikostruzzjoni bdiet fl-2003 bl-għan li s-sit ikun restawrat għall-glorja ta' qabel. David Chipperfield, li ħadem fuq il-proġett mal-arkitett sieħbu Brittanniku Julian Harrap, adotta approċċ dinamiku fir-restawr tiegħu. Minflok ma pprova jaħbi d-differenza bejn l-elementi l-antiki u l-elementi l-ġodda, il-passat u l-preżent intgħaqqdu b'mod sabiħ biex tinħoloq binja b'ħafna saffi li ma tintesiex.

David Chipperfield, il-Prinċipal ta' David Chipperfield Architects, qal: "Ir-rikostruzzjoni tan-Neues Museum hija xhieda tal-proċess kollaborattiv fil-klima esiġenti tal-opinjoni pubblika. Ir-riżultat huwa evidenza mhux biss tal-isforzi tat-tim professjonali iżda tal-impenn tal-klijent u l-awtoritajiet tal-belt li jimpenjaw ruħhom f'dan il-proċess rigoruż u artikolat."

Mohsen Mostafavi, il-president tal-ġurija, qal: "Il-bini mill-ġdid tan-Neues Museum huwa kisba straordinarja. Rarament ikun hemm arkitett u klijent li jirnexxilhom jidħlu għal biċċa xogħol ta' tali importanza u kumplessità storiċi; speċjalment wieħed li jinvolvi kemm il-preservazzjoni u l-bini l-ġdid. Il-proġett iqajjem u jindirizza ħafna kwistjonijiet estetiċi, etiċi u tekniċi. Din hija wirja eżemplari ta' x'tista' kollaborazjzjoni tikseb fil-kuntest tal-prattika arkitettonika kontempornja Ewropea."

Lluís Hortet, id-Direttur tal-Fondazzjoni Mies van der Rohe Foundation, qal: "Id-deċiżjoni tal-ġurija kienet sfida straordinarja minħabba l-kwalità għolja tal-proġetti finalisti kollha. In-Neues Museum minn David Chipperfield huwa stqarrija importanti ta' kif intervent arkitettoniku kontemporanju jikkontribwixxi għall-użu mill-ġdid tal-patrimonju tagħna bit-titjib tal-kwalitajiet funzjonali u l-introduzzjoni ta' elementi arkitettoniċi straordinarji għal skopijiet mużewloġiċi."

Nota lill-edituri

L-arkitettura ġġib kontribut sinifikanti lill-ekonomija tal-UE. Is-settur jirrappreżenta parti importanti mill-industrija kulturali u kreattivi li jipprovdu impjiegi ta' kwalità għal 8.5 miljun ruħ fl-UE u jikkontribwixxi 4.5 % lill-PDG tal-Ewropa. Il-programm Kultura tal-UE – b'baġit totali ta' EUR 400 miljun għall-2007- 2013 – isostni proġetti ta' kooperazzjoni fil-qasam tal-arkitettura u l-patrimonju kulturali.

Varat fl-1987, il-Premju tal-Unjoni Ewropea għall-Arkitettura Kontemporanja/il-Premju/Mies van der Rohe huwa l-premju l-aktar prestiġjuż tal-arkitettura Ewropea. Dan jiġi ppreżentat kull sentejn u r-rebbieħ jirċievi EUR 60,000. In-"Nota Speċjali dwar Arkitett Emerġenti jirċievi EUR 20,000.

Ir-rebbieħa ntgħażlu minn 343 biċċa xogħol sottomessi fi 33 pajjiż Ewropea. Sitt xogħlijiet kienu elenkati għall-premju prinċipali. Il-finalisti l-oħra kienu: Bronks Youth Theatre (Brussell, il-Belġju, mfassal minn Martine De Maeseneer, Dirk Van den Brande); MAXXI: Museum of XXI Century Arts (Ruma, l-Italja, minn Zaha Hadid, Patrick Schumacher, Gianluca Racana); Concert House Danish Radio (Kopenħagen, id-Danimarka, minn Jean Nouvel); Acropolis Museum (Ateni, il-Greċja, minn Bernard Tschumi) u Rehabilitation Centre Groot Klimmendaal (Arnhem, il-Pajjiżi l-Baxxi, minn Koen van Velsen).

Il-membri tal-ġurija li għażlu l-finalisti għall-2011 huma: Mohsen Mostafavi, il-President tal-Ġurija/id-Dekan, Graduate School of Design, Harvard University, Cambridge, l-Istati Uniti tal-Amerika; Ole Bouman, id-Direttur, Nederlands Architectuurinstituut, Rotterdam; Yvonne Farrell, Grafton Architects, Dublin; Annette Gigon, Gigon/Guyer, Zürich; Anne Lacaton, Lacaton & Vassal Architectes, Pariġi; Tarald Lundevall, Architect, SNØHETTA, Oslo; Pei Zhu, Beijing, iċ-Ċina, u Lluís Hortet, is-Segretarju tal-Ġurija/id-Direttur ta' Fundació Mies van der Rohe.

Il-lista sħiħa tat-343 xogħlijiet, nominati mill-pajjiż, tista' tinkiseb billi tikklikkja hawn taħt:

Austria, Belgium, Bulgaria, Croatia, Cyprus, Czech Republic, Denmark, Estonia, Finland, France, Germany, Greece, Hungary, Iceland, Ireland, Italy, Latvia, Lithuania, Luxembourg, Malta, Montenegro, Norway, Poland, Portugal, Romania, Serbia, Slovak Republic, Slovenia, Spain, Sweden, The Netherlands, Turkey u United Kingdom.

Il-Fondazzjoni Mies van der Rohe

Il-Fondazzjoni van der Rohe Foundation (Fundació Mies van der Rohe) twaqqfet fl-1983 mis-Sindku ta' Barċellona bl-iskop inizjali li jinbena mill-ġdid il-Padiljun Ġermaniż, imfassal minn Ludwig Mies van der Rohe (1886-1969) għall-Wirja Internazzjonali ta' Barċellona tal-1929. Barra li tippreżerva u tiġġestixxi l-Padiljun, il-Fondazzjoni tiffoka wkoll fuq: il-promozzjoni tad-dibattitu dwar l-arkitettura kontemporanja u l-urbaniżmu; il-bini ta' arkivju dokumentarju dwar Ludwig Mies van der Rohe kif ukoll dwar l-arkitettura moderna u kontemporanja; u l-organizzazzjoni ta' premjijiet, korsijiet, lectures, wirjiet, pubblikazzjonijiet u studji relatati.

Biex tkun taf aktar:

http://ec.europa.eu/culture

http://www.miesarch.com


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site