Navigation path

Left navigation

Additional tools

It-tfal fl-UE se jibbenefikaw minn ħlasijiet ta' manteniment aktar mgħaġġla minn barra l-pajjiż

European Commission - IP/11/441   06/04/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/11/441

Brussell, is-6 ta’ April 2011

It-tfal fl-UE se jibbenefikaw minn ħlasijiet ta' manteniment aktar mgħaġġla minn barra l-pajjiż

It-tbatija li jġibu d-divorzju u s-separazzjoni spiss issir agħar minħabba pressjoni finanzjarja u emozzjonali meta wieħed mill-ġenituri jkun jgħix barra l-pajjiż u jirrifjuta li jipprovdi għajnuna finanzjarja. Skont l-istimi hawn madwar 16-il miljun koppja internazzjonali fl-UE u 30 miljun ċittadin tal-UE li jgħixu f'pajjiżi li m'humiex tal-UE, u għalhekk il-kwistjoni tal-manteniment ta' tfal minn pajjiżi oħra se ssir aktar importanti. Eżempju, koppja jkunu jgħixu fi Franza u jiddivorzjaw u l-missier imur jgħix l-Istati Uniti. Imma t-tfal se jibqgħu jirċievu l-ħlasijiet tal-manteniment li tkun ordnatlu jħallas qorti Franċiża? Skont Konvenzjoni ġdida ffirmata mill-UE llum, l-awtoritajiet Amerikani jikkooperaw ma' dawk Ewropej biex jiżguraw li l-missier jissodisfa l-obbligi tiegħu u li t-tfal xorta jiksbu l-manteniment. Il-Konvenzjoni tal-Aja dwar il-Manteniment tistabbilixxi sistema dinjija sabiex jiġi rkuprat il-manteniment tat-tfal u ħlasijiet oħra ta' manteniment tal-familja. Hija toħloq qafas legali komuni bejn pajjiżi tal-UE u pajjiżi mhux tal-UE, sabiex l-awtoritajiet jikkooperaw fl-infurzar ta' talbiet ta' manteniment u hekk min għandu jħallas ma jistax aktar jevita li jagħmel dan billi jħalli l-UE. Hija tipprovdi wkoll għajnuna legali bla ħlas f'każijiet internazzjonali ta' manteniment tat-tfal. Il-Konvenzjoni tikkumplimenta r-regoli tal-UE nnifisha dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar ta' deċiżjonijiet ta' manteniment, li se japplikaw mit-18 ta' Ġunju 2011 'il quddiem.

"Meta jinfirdu l-familji, spiss ikunu t-tfal li jbatu l-aktar," qalet Viviane Reding, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea u Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja. "L-UE diġà għandha regoli robusti biex tiżgura li t-tfal jirċievu appoġġ finanzjarju jekk wieħed mill-ġenituri jitlaqhom u jmur jgħix fi Stat Membru ieħor tal-UE. L-iffirmar mill-UE ta' din il-Konvenzjoni internazzjonali se jiżgura li t-tfal jirċievu l-istess protezzjoni jekk il-ġenitur imur f'pajjiż barra mill-UE. L-interessi tat-tfal għandhom jiġu l-ewwel u l-ġenituri m'għandhomx jitħallew jevitaw ir-responsabbiltajiet tagħhom billi jħallu l-UE. Inħeġġeġ lis-sħab internazzjonali tagħna biex jingħaqdu magħna u jirratifikaw malajr din il-Konvenzjoni."

Il-Konvenzjoni l-ġdida se toħloq qafas legali komuni bejn il-pajjiżi tal-UE u l-pajjiżi li m'humiex fl-UE li jirratifikawha, biex jiġi faċilitat l-irkupru internazzjonali ta' talbiet ta' manteniment tal-familja. Peress li l-maġġoranza l-kbira tat-talbiet għal manteniment jinvolvu t-tfal, il-Konvenzjoni hija qabelxejn miżura biex tipproteġi lit-tfal. Hija toħloq sistema dinjija ta' kooperazzjoni bejn awtoritajiet nazzjonali, tipprovdi għajnuna legali bla ħlas f'każijiet ta' manteniment tat-tfal, u tissimplifika l-proċeduri għall-għarfien u l-infurzar ta' deċiżjonijiet tal-qrati dwar il-manteniment.

Is-sistema l-ġdida se tħaffef ukoll il-proċeduri, li bħalissa huma twal u kumplikati, biex tgħin issib debituri li jkunu qed jistaħbew. Fil-livell internazzjonali, il-Konvenzjoni twassal biex tiġi kompletata s-Sistema tal-Aja rigward il-liġi tal-familja li hija diġà fis-seħħ fir-rigward tal-ħtif tat-tfal, ir-responsabbiltà tal-ġenituri u l-adozzjoni internazzjonali.

Wara l-firma tal-lum tal-Konvenzjoni mill-Presidenza Ungeriża f'isem l-UE, jeħtieġ li l-Istati Membri jadottaw deċiżjoni sabiex l-UE tikkonkludi (jew tirratifika) l-Konvenzjoni formalment. Il-ftehim mill-ministri tal-ġustizzja huwa mistenni f'laqgħa tal-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni li se ssir fid-9 u l-10 ta' Ġunju 2011. L-istrument tar-ratifika mbagħad ikun jista' jiġi depożitat mill-UE wara l-perjodu ta' implimentazzjoni maħsub ta' 18-il xahar, u l-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ mill-2013 'il quddiem.

L-Istati Uniti, in-Norveġja u l-Ukraina diġà ffirmaw il-Konvenzjoni, filwaqt li huwa mistenni li serje ta' pajjiżi oħra li nnegozjaw il-Konvenzjoni (inklużi l-Ġappun, iċ-Ċina, ir-Russja, l-Awstralja, il-Kanada u l-Brażil) ukoll jagħmlu dan wara li tibda r-ratifika mill-UE u mill-Istati Uniti.

Sfond

Ma jeżistux statistiki internazzjonali dwar in-numru ta' każijiet ta' talbiet ta' manteniment li jkollhom bżonn jiġu rkuprati minn pajjiż ieħor. Madanakollu, skont l-istimi, hawn 16-il miljun koppja internazzjonali fl-UE, filwaqt li 30 miljun ċittadin tal-UE huma residenti f'pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea. Sadanittant, skont ir-rekords kien hemm 1.2 miljun persuna divorzjati fis-27 pajjiż tal-UE matul l-2007 (l-aktar ċifri riċenti disponibbli). Dawn iċ-ċifri jindikaw problema sinifikanti f'termini ta' ġestjoni u ta' infurzar ta' ħlasijiet ta' manteniment minn ġenituri assenti li jistgħu ma jkunux residenti fl-UE.

Il-Konvenzjoni tal-Aja dwar il-Manteniment, tal-2007, tikkumplimenta l-leġiżlazzjoni interna tal-UE dwar il-manteniment li ġiet adottata fit-18 ta' Diċembru 2008: Ir-Regolament (KE) Nru 4/2009 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment. Ir-Regolament u l-Protokoll dwar il-liġi applikabbli se japplikaw bejn l-Istati Membri tal-UE mit-18 ta' Ġunju 2011 'l quddiem.

Il-konklużjoni tal-Konvenzjoni mill-UE għandha tirfed ir-regoli eżistenti tal-UE dwar l-għarfien u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-manteniment u l-koperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet ċentrali, billi toħloq sett armonizzat ta' regoli fl-UE fir-rigward ta' pajjiżi terzi li se jsiru Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni.

Aktar informazzjoni

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tad-Direttorat Ġenerali tal-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/justice/news/intro/news_intro_en.htm

Il-paġna ewlenija ta' Viviane Reding, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea u Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website