Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissarju Piebalgs jagħmel sejħa biex l-UE tkompli tagħti direzzjoni dwar l-għajnuna għall-iżvilupp uffiċjali hekk kif iċ-ċifri l-ġodda juru li nefqet rekord ta' €53.8 biljuni fl-2010

European Commission - IP/11/410   06/04/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/11/410

Brussell, 6 ta’ April 2011

Il-Kummissarju Piebalgs jagħmel sejħa biex l-UE tkompli tagħti direzzjoni dwar l-għajnuna għall-iżvilupp uffiċjali hekk kif iċ-ċifri l-ġodda juru li nefqet rekord ta' €53.8 biljuni fl-2010

Illum il-Kummissarju għall-Iżvilupp Andris Piebalgs preżenta ċ-ċifri preliminari għall-2010 dwar l-infiq fuq l-għajnuna għall-iżvilupp uffiċjali mill-UE u s-27 Stat Membru tagħha. L-għajnuna żdiedet b'madwar €4.5 biljuni mill-2009, u laħqet total ta' €53.8 biljuni li jikkonfermaw il-pożizzjoni tal-UE bħala l-akbar donatur u l-aktar donatur ġeneruż tal-għajnuna għall-iżvilupp uffiċjali, li tipprovdi aktar min-nofs tal-għajnuna globali uffiċjali. Għalkemm l-UE ma laħqitx il-mira tagħha għall-2010, xorta għamlet progress pożittiv minkejja t-tnaqqis fir-ritmu tal-ekonomija. Tlieta mill-akbar ħames donaturi minn madwar id-dinja huma membri tal-UE u erbgħa minnhom diġà laħqu l-mira ta' 0.7%. B'kollox, l-għajnuna tal-UE tirrappreżenta 0.43% tad-Dħul Nazzjonali Gross tal-UE. Għad hemm bżonn ta' sforz kollettiv sostanzjali sabiex jinkiseb l-għan ta' 0.7% sal-2015, li l-Istati Membri diġà kkommettew ruħhom għalihom.

"Fl-2010, l-UE għadha d-donatur ewlieni dinji b'marġni kbir. Jekk irridu nilħqu l-miri ambizzjużi tagħna sal-2015 u nibqgħu kredibbli, jeħtieġ li nżiduhom. Dan huwa sforz kollettiv u neħtieġu li l-atturi kollha jikkontribwixxu s-sehem ġust tagħhom. L-għajnuna hija investiment għaqli fil-futur. Il-promozzjoni tat-tkabbir inklusiv u l-iżvilupp sostenibbli fil-pajjiżi sieħba huma fl-interess reċiproku tagħna" qal Andris Piebalgs, il-Kummissarju għall-Iżvilupp. "Imma l-għajnuna effiċjenti ma tirrigwardax biss il-flus. Irridu ntejbu wkoll it-twassil u l-kwalità tal-għajnuna li nipprovdu. Aktar tard din is-sena, se nressaq proposti fuq il-mejda rigward iffokar aktar ċar fil-futur għall-politika għall-iżvilupp, kooperazzjoni aħjar u aktar impatt fil-prattika."

Fl-2009, il-limiti baġitarji kellhom impatt kbir fuq l-għajnuna u ħafna donaturi, inkluż għadd ta' Stati Membri tal-UE, naqqsu l-infiq tagħhom fuq l-għajnuna għall-iżvilupp uffiċjali (ODA), li rriżultaw f'total ta' €49 biljun jew 0.42% tad-Dħul Nazzjonali Gross (DNG) għall-Unjoni fl-2009. Fl-2010, 17-il Stat Membru żiedu l-volumi tal-għajnuna mill-ġdid, u għalhekk reġġgħu lura x-xejra tas-sena preċedenti. Bħala termini ta' sehem tal-DNG u f'termini totali, fl-2010 kien hemm l-ogħla ammont ta' ODA li qatt nefqet l-Ewropa: €53.8 biljun (0.43% tad-DNG). Minkejja dan, dan huwa anqas mill-impenji li għamlet l-UE, li kienet wiegħdet li tikseb 0.56% tad-DNG b'mod kollettiv għall-2010. F'termini assoluti, l-infiq tal-UE kien €14.5 biljuni anqas minn dan l-impenn. Għaxar Stati Membri nefqu anqas fuq l-ODA milli fl-2009.

Il-Kummissjoni tfaħħar dawk il-pajjiżi li komplew iżidu l-għajnuna tagħhom. Tlieta mill-akbar ħames donaturi minn madwar id-dinja huma membri tal-UE – Franza, il-Ġermanja u r-Renju Unit. L-Isvezja, l-Olanda, il-Lussemburgu u d-Danimarka diġà kisbu 0.7% u għadhom 'il fuq sew minn dan il-livell. B'kollox disa' Stati Membri qabżu l-miri minimi stabbiliti għall-Istati Membri tal-UE għall-2010: il-Lussemburgu, l-Isvezja, id-Danimarka, l-Olanda, il-Belġju, ir-Renju Unit, il-Finlandja, l-Irlanda u Ċipru.

Sfond:

Fl-2005, l-Istati Membri tal-UE wiegħdu li jżidu l-Għajnuna għall-Iżvilupp Uffiċjali (ODA) għal 0.7% tal-Dħul Nazzjonali Gross (DNG) sal-2015. Fl-2010, huma wiegħdu li flimkien jilħqu 0.56% tal-ODA/DNG. Il-mira tal-2010 kienet ibbażata fuq miri individwali ta' 0.51% tal-ODA/DNG għall-UE 15 u 0.17% tad-DNG għat-12-il Stat Membru li daħlu fl-UE fl-2004 u l-2007. Ebda donaturi oħra ma għamlu impenn sinifikanti biex iżidu l-għajnuna.

Id-dejta preżentata llum inkisbet minn żewġ sorsi: Għall-maġġoranza tal-Istati Membri tal-UE, l-informazzjoni hija provduta mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (l-OECD) li tiġbor id-dejta dwar l-għajnuna tal-membri tal-Kumitat għall-Għajnuna fl-Iżvilupp (id-DAC) kif ukoll ta' pajjiżi oħra li jirrappurtaw iċ-ċifri lilha. Għall-bqija tal-Istati Membri tal-UE, il-Kummissjoni ġabret l-informazzjoni fir-rapport annwali tagħha dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp. Ir-rapport "Intejbu l-Affidabbiltà tal-UE fil-Qasam tal-Finanzjament għall-Iżvilupp" se jiġi preżentat aktar tard f'April tal-2011.

Aktar tagħrif:

MEMO/11/221

Il-websajt tad-DĠ għall-Iżvilupp u għall-Kooperazzjoni – EuropeAid:

http://ec.europa.eu/europeaid/index_mt.htm

Il-websajt tal-Kummissarju Ewropew għall-Iżvilupp, Andris Piebalgs:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/piebalgs/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website