Navigation path

Left navigation

Additional tools

Qafas ta' governanza korporattiva għall-kumpaniji Ewropej: X’hemm bżonn li jittejjeb?

European Commission - IP/11/404   05/04/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/11/404

Strasburgu, il-5 ta' April 2011

Qafas ta' governanza korporattiva għall-kumpaniji Ewropej: X’hemm bżonn li jittejjeb?

Waħda mit-tagħlimiet tal-kriżi finanzjarja hi li l-governanza korporattiva, li s'issa kienet ibbażata fuq awtoregolamentazzjoni, ma kinitx effettiva kif kellha tkun. Huwa importanti li l-kumpaniji jitmexxew aħjar. Jekk il-kumpaniji jitmexxew aħjar, mhux biss tista' tiġi evitata kriżi fil-futur iżda dawn ikunu aktar kompetittivi. Il-Kummissjoni Ewropea llum nediet konsultazzjoni pubblika li qed tindirizza l-mezzi li bihom il-governanza korporattiva tal-kumpaniji Ewropej tista' tittejjeb. Tradizzjonalment, il-governanza korporattiva hija definita bħala s-sistema li biha l-kumpaniji huma mmaniġġjati u kkontrollati. Il-konsultazzjoni tkopri għadd ta' kwistjonijiet bħal kif jistgħu' jittejbu d-diversità u l-funzjonijiet tal-bord tad-diretturi u l-monitoraġġ u l-infurzar tal-kodiċi eżistenti tal-governanza korporattiva u kif jista' jittejjeb l-involviment tal-azzjonisti. L-iskadenza għas-sottomissjoni tal-kontribuzzjonijiet b'rispons għall-konsultazzjoni hija t-22 ta' Lulju 2011.

Il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, is-Sur Michel Barnier, qal: "Fis-sitwazzjoni ekonomika attwali neħtieġu aktar minn qatt qabel li niżguraw li l-kumpaniji jkunu amministrati b'mod tajjeb u li dawn ikunu affidabbli u sostenibbli. Ħafna ppjanar fuq perjodu qasir kellu konsegwenzi diżastrużi. Għalhekk illum nedejna dibatittu dwar l-effikaċja tal-qafas eżistenti tal-governanza korporattiva. Fuq kollox jeħtieġ li jkollna bordijiet ta' kumpaniji li jkunu aktar effikaċi u li l-azzjonisti jassumu bis-sħiħ ir-responsabbiltajiet tagħhom kollha."

Xi tkopri l-konsultazzjoni pubblika?

It-tagħlimiet mill-kriżi eventwalment ser iwasslu għal superviżjoni aħjar tal-istituzzjonijiet finanzjarja, għal banek aktar b'saħħithom u għal sistemi effettivi ta' riżoluzzjoni għall-istituzzjonijiet li jaqgħu inadempjenti. Bħala parti mir-reviżjoni fit-tul taż-żmien tal-qafas għall-governanza korporattiva tal-kumpaniji b'mod ġenerali, din il-konsultazzjoni pubblika ser tiffoka fuq kif jiffunzjonaw il-kumpaniji u mhux l-istituzzjonijiet finanzjarji biss. Hemm għadd ta' konklużjonijiet li jindikaw li għad hemm lok għal titjib fl-oqsma differenti tal-governanza korporattiva1 bħad-diversità fil-bordijiet, l-involviment tal-azzjonisti u l-kwalità tad-dikjarazzjonijiet tal-governanza korporattiva.

Għaldastant, il-Green paper għandha l-għan li tniedi dibattitu ġenerali dwar għadd ta' kwistjonijiet bħall-:

  • 1. Bord tad-Diretturi: Il-kwistjonijiet indirizzati jirreferu għall-funzjonijiet effikaċi tagħhom u jiżguraw li jkunu magħmula minn grupp imħallat ta' persuni, pereżempju billi jkun hemm aktar diversità ta' sessi, varjetà ta' sfondi professjonali u ħiliet kif ukoll ikunu magħmula minn nazzjonalitajiet differenti. Il-funzjonijiet tal-bordijiet, l-aktar fejn jirrigwardaw il-ħin li jimpenjaw ruħhom fih id-diretturi qegħdin ukoll taħt skrutinju kif qegħdin ukoll il-kwistjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskju u r-remunerazzjoni tad-diretturi.

  • 2. Kif għandu jittejjeb l-involviment tal-azzjonisti fi kwistjonijiet tal-governanza korporattiva u jiġi inkoraġġit biex aktar azzjonisti jieħdu interess f'redditi sostenibbli u l-prestazzjoni fuq terminu twil ta' żmien, iżda wkoll kif għandha tittejjeb il-protezzjoni tal-azzjonisti minoritarji. Il-Green paper qed tipprova tifhem jekk hemmx il-ħtieġa għall-identifikazzjoni tal-azzjonisti, pereżempju għal mekkaniżmu li jippermetti lill-emittenti biex jaraw min huma l-azzjonisti, u biex ikun hemm qafas imtejjeb għall-kooperazzjoni tal-azzjonisti.

  • 3. Kif għandhom jittejbu l-monitoraġġ u l-infurzar tal-kodiċi nazzjonali eżistenti tal-governanza korporattiva2 sabiex l-investituri u l-pubbliku jkunu pprovduti b'informazzjoni utli. Il-kumpaniji li ma jikkonformawx mar-rakkomandazzjonijiet nazzjonali tal-governanza korporattiva għandhom jispjegaw għaliex ma mxewx ma' dawk ir-rakkomandazzjonijiet. Ħafna drabi, dan ma jseħħx. Il-Green Paper qed tistaqsi jekk għandux ikun hemm regoli aktar dettaljati dwar dawn l-ispjegazzjonijiet u jekk il-korpi nazzjonali ta' monitoraġġ għandhomx ikunu aktar involuti fid-dikjarazzjonijiet korporattivi tal-kumpaniji.

X'inhuma l-passi li jmiss?

Il-konsultazzjoni ser tibqa' miftuħa sat-22 ta' Lulju 2011. Il-Kummissjoni ser teżamina t-tweġibiet kollha bir-reqqa u fil-ħarifa ser tippubblika rendikont ta' rispons li tagħti sommarju tar-riżultati tal-konsultazzjoni. Fuq din il-bażi ser tittieħed deċiżjoni dwar jekk hemmx il-ħtieġa ta' proposti leġiżlattivi. Madanakollu, il-proposti ser jitressqu biss wara li ssir valutazzjoni dettaljata fuq l-impatt.

Informazzjoni dwar il-kuntest:

Attwalment, fuq livell tal-UE jeżisti korp ta' prinċipji u regoli dwar il-governanza korporattiva. Dan jikkonsisti f'għadd ta' rakkomandazzjonijiet dwar l-indipendenza tad-Diretturi mhux eżekuttivi, il-kumitati tal-bordijiet, u dwar ir-rimunerazzjoni. Barra minn hekk, il-korp jiġbor fih l-obbligi għall-kumpaniji elenkati li għandhom joħorġu dikjarazzjoni dwar il-governanza korporattiva. Id-Direttivi fuq l-akkwiżizzjonijiet (id-Direttiva 2004/25/KE), it-traparenza tal-kumpaniji elenkati (id-Direttiva 2004/109/KE), id-drittijiet tal-azzjonisti (id-Direttiva 2007/36/KE), id-Direttiva dwar l-abbuż tas-suq (2003/6/KEC) u d-Direttiva dwar l-awditjar (2006/43/KE) ifasslu x-xenarju tal-governanza korporattiva fl-UE.

Għal aktar informazzjoni ara MEMO/11/218

http://ec.europa.eu/internal_market/company/modern/corporate-governance-framework_en.htm

Il-Green Paper tinsab fis-sit elettroniku:

http://ec.europa.eu/internal_market/consultations/2011/corporate-governance-framework_en.htm

1 :

Ara pereżempju l-istudju dwar il-Monitoraġġ u l-Prattiċi ta' Infurzar fil-Governanza Korporattiva fl-Istati Membri, li jinsab http://ec.europa.eu/internal_market/company/ecgforum/studies_en.htm, jew Paul Woolley, ‘Why are financial markets so inefficient and exploitative — and a suggested remedy' (Għaliex is-swieq finanzjarji huma daqshekk ineffiċjenti u esplojtattivi — u r-rimedju suġġerit), fil-ktieb The Future of Finance: The LSE Report, 2010, jew id-Dikjarazzjoni tal-Forum Ewropew dwar il-Governanza Korporattiva tat-23 ta' Marzu 2009, jew Heidrick & Struggles, Corporate Governance Report 2009 — Boards in turbulent times.

2 :

Kodiċi ta' governanza korporattiva tippreżenta rakkomandazzjonijiet essenzjali għall-ġestjoni u s-superviżjoni tal-kumpaniji elenkati u jkun fih standards għal governanza tajba u resposabbli. Lista sħiħa tal-kodiċi eżistenzi tal-governanza korporattiva tinsab fis-sit elettroniku: http://www.ecgi.org/codes/all_codes.php


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website