Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea tappella lill-Istati Membri biex jistabbilixxu strateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma

European Commission - IP/11/400   05/04/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/11/400

Strażburgu, il-5 ta’ April 2011

Il-Kummissjoni Ewropea tappella lill-Istati Membri biex jistabbilixxu strateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma

L-10-12-il miljun Roma fl-Ewropa għadhom jiffaċċjaw diskriminazzjoni, esklużjoni u ċaħda ta' jeddijiethom, filwaqt li l-gvernijiet qed jitilfu żieda fid-dħul u l-produttività għax it-talent potenzjali tagħhom jista' jintilef. Hu imperattiv li jkun hemm integrazzjoni ekonomika u soċjali aħjar – imma biex tkun effettiva hemm bżonn azzjoni mil-livelli kollha flimkien biex jiġu indirizzati l-bosta kawżi tal-esklużjoni. Għalhekk illum, il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi Qafas Ewropew għall-Istrateġiji tal-Integrazzjoni Nazzjonali tar-Roma. Dan il-Qafas tal-UE se jgħin biex jiggwida l-politiki nazzjonali tar-Roma u jimmobilizza l-fondi disponibbli fil-livell tal-UE biex iwieżen l-isforzi tal-inklużjoni. Il-Qafas jiffoka fuq erba' binarji: aċċess għall-edukazzjoni, l-impjiegi, il-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni. L-Istati Membri għandhom jiffissaw għanijiet ta' integrazzjoni nazzjonali individwali għar-Roma bi proporzjon għall-popolazzjoni fuq it-territorji tagħhom u skont il-punt tat-tluq tagħhom.

Il-Viċi President u l-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja Viviane Reding qalet li "Minkejja xi intenzjonijiet tajbin minn politiċi nazzjonali, ftit li xejn inbidel fil-ħajjiet tal-biċċa l-kbira tar-Roma matul l-aħħar ftit snin". "L-Istati Membri għandhom responsabbiltà konġunta li jtemmu l-esklużjoni tar-Roma - mill-iskejjel, l-impjiegi, il-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni. Din hi sfida serja. Din hi r-raġuni għax qed nistabbilixxu miri għall-integrazzjoni tar-Roma u għaliex issa rridu impenn ċar mill-pajjiżi, ir-reġjuni u l-ibliet kollha fl-Ewropa biex ipoġġuhom fil-prattika. Issa huwa ż-żmien li wieħed jimxi lil hinn mill-intenzjonijiet it-tajba u jieħu azzjonijiet konkreti. L-aktar importanti għalija hu li l-Istati Membri jgħinu biex jiżguraw li t-tfal Roma tal-inqas ilestu l-iskola primarja."

In-nies Roma fl-Ewropa jgħixu f'kundizzjonijiet soċjoekonomiċi konsiderevolment agħar mill-popolazzjoni ġenerli. Stħarriġ li sar f'sitt pajjiżi tal-UE1 sab li 42% tat-tfal Roma ilestu l-iskola primarja, meta mqabbla mal-97.5% tal-medja tal-UE. Għall-edukazzjoni sekondarja, l-attendenza tar-Roma hi stmata li hi 10% biss. Fis-suq tax-xogħol, huma jiffaċċjaw rati aktar baxxi fejn jidħlu l-impjiegi u rati ogħla ta' diskriminazzjoni. Fir-rigward tal-akkomodazzjoni, ta' spiss isofru minn nuqqasijiet ta' aċċess għal servizzi essenzjali bħall-ilma ġieri jew l-elettriku. Jiffaċċjaw ukoll nuqqas fis-servizzi tas-saħħa: ir-Roma jgħixu 10 snin anqas mill-medja Ewropea li hi 76 sena għall-irġiel u 82 sena għan-nisa.

Il-Kummissarju tal-UE għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, László Andor, stqarr: "L-esklużjoni persistenti tan-nies Roma hi inaċċetabbli fl-Ewropa tas-seklu 21 minbnija fuq il-prinċipji tal-ugwaljanza, id-demokrazija u l-istat tad-dritt. Il-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-biċċa l-kbira tar-Roma u r-relazzjonijiet tagħhom mas-soċjetà tradizzjonali marru għall-agħar fis-snin reċenti."

Hu saħaq: "Għal xi wħud mill-pajjiżi se tkun sempliċiment impossibbli li jilħqu l-miri tal-Ewropa 2020 mingħajr ma jagħmlu żvilupp radikali fejn tidħol l-integrazzjoni tar-Roma."

L-integrazzjoni tar-Roma tista' tfisser benefiċċji ekonomiċi konsiderevoli. Ir-Roma jirrappreżentaw proporzjon dejjem akbar tal-popolazzjoni li għandha l-età biex taħdem, b'età medja ta' 25 meta mqabbla mal-medja Ewropea ta' 40. Fil-Bulgarija u r-Rumanija jammontaw għal wieħed minn kull ħames persuni ġodda li jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Riċerka mill-Bank Dinji tissuġġerixxi li l-integrazzjoni kompleta tar-Roma tista' tissarraf f'mill-anqas EUR 0.5 biljun kull sena għall-ekonomiji ta' xi pajjiżi permezz ta' titjib fil-produttività, ta' tnaqqis fil-benefiċċji soċjali u ta' żieda tad-dħul mit-taxxi.

Fl-imgħoddi, l-UE saħqet ripetutament fuq il-ħtieġa ta' integrazzjoni aħjar tar-Roma, l-aktar reċenti permezz ta' rapport f'April tal-2010 (IP/10/407). Il-leġiżlazzjoni tal-UE (id-Direttiva tal-Ugwaljanza bejn ir-Razez) diġà tobbliga lill-Istati Membri li jagħtu aċċess ugwali lill-minoritajiet etniċi, bħar-Roma, għall-edukazzjoni, l-akkomodazzjoni, is-saħħa u l-impjiegi. F'Diċembru tal-2010, it-Task Force tal-Kummissjoni dwar ir-Roma sabet li għad mhemmx miżuri f'saħħithom u proporzjonati biex jiġu ffaċċjati l-problemi soċjali u ekonomiċi li tiffaċċja parti kbira tal-popolazzjoni tar-Roma fl-UE (MEMO/10/701). Issa hu kruċjali li tingħata imbuttatura biex jiġi żgurat li l-politiki ta' integrazzjoni nazzjonali, reġjonali u lokali jiffukaw fuq ir-Roma b'mod ċar u speċifiku.

Fuq il-bażi ta' dawn ir-riżultati, il-Qafas tal-UE jiżviluppa approċċ immirat għall-inklużjoni tar-Roma billi jwaqqaf miri fir-rigward ta':

  • L-Edukazzjoni: l-iżgurar li t-tfal kollha Roma jlestu tal-anqas l-iskola primarja;

  • L-Impjiegi: titnaqqas il-lakuna fl-impjiegi bejn ir-Roma u ċ-ċittadini l-oħra;

  • Is-Saħħa: it-tnaqqis tal-lukna fis-servizzi tas-saħħa, pereżempju billi titnaqqas il-mortalità tat-tfal fost ir-Roma;

  • L-Akkomodazzjoni: titnaqqas il-lakuna fl-aċċess għall-akkomodazzjoni u l-utilitajiet pubbliċi bħall-ilma u l-elettriku.

L-Istati Membri se jkollhom jippreżentaw strateġiji nazzjonali dwar ir-Roma sal-aħħar tal-2011 fejn jispeċifikaw kif fi ħsiebhom jikkontribwixxu biex jilħqu dawn il-miri. Il-Qafas hu konformi mal-miri aktar wiesgħa tal-UE tal-Ewropa 2020 għall-impjiegi, l-inklużjoni soċjali u l-edukazzjoni. Il-kisba ta' dawn il-miri hi importanti biex l-Istati Membri jiġu megħjuna biex jilħqu l-miri ġenerali tal-istrateġija Ewropa 2020.

Il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll soluzzjonijiet biex tiżgura li jintużaw b'mod aktar effettiv il-fondi tal-UE li jistgħu jappoġġjaw l-integrazzjoni tar-Roma. L-Istati Membri huma mistiedna biex jemendaw il-programmi operazzjonali tagħhom ikkofinanzjati mill-Fondi Strutturali u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali biex jiġu appoġġjati aħjar il-proġetti mmirati lejn ir-Roma.

Fl-aħħar, biex jiġi żgurat li l-Qafas tal-UE għall-istrateġiji nazzjonali jagħmel differenzi tanġibbli għar-Roma b'mod konkret, il-Kummissjoni trid tħaddem mekkaniżmu robust ta' monitoraġġ biex tkejjel ir-riżultati. L-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali għandha rwol kruċjali, dak li tiġbor id-dejta dwar is-sitwazzjoni soċjali u ekonomika tar-Roma, b'kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet oħra. L-Istati Membri qed jintalbu biex jaħtru punti nazzjonali ta' kuntatt biex jimmaniġġjaw, jimmonitorjaw u jirrappurtaw l-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali tagħhom għall-integrazzjoni tar-Roma. Il-Kummissjoni Ewropea se tirrapporta lura kull sena dwar il-progress li jkun sar fl-Istati Membri.

Sfond

Ir-Roma – l-akbar minorità etnika fl-Ewropa – ilhom parti mill-Ewropa għal sekli sħaħ, imma ta' spiss jiffaċċjaw preġudizzju, intolleranza, diskriminazzjoni u esklużjoni.

Ħafna mill-oqsma għat-titjib tal-integrazzjoni tar-Roma – bħall-edukazzjoni, l-impjiegi, is-saħħa u l-akkomodazzjoni - huma primarjament responsabbiltajiet nazzjonali jew reġjonali. Madankollu, l-UE għandha rwol importanti li tikkoordina l-azzjonijiet tal-Istati Membri u li tgħin bl-għodod ta' finanzjament.

Fis-Sajf tal-2010, il-Kummissjoni Ewropea hadet pożizzjoni fil-miftuħ li r-Roma huma ċittadini tal-UE u għandhom jibbenefikaw bis-sħiħ mill-jeddijiet tagħhom u jikkonformaw bis-sħiħ mal-obbligi tagħhom skont il-liġi tal-UE (SPEECH/10/428 u MEMO/10/502).

Aktar informazzjoni

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tad-DĠ Ġustizzja

http://ec.europa.eu/justice/news/intro/news_intro_en.htm

L-UE u r-Roma:

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=518&langId=mt

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President Viviane Reding, Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/reding

Il-Homepage ta' László Andor: Il-Kummissarju tal-UE tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni

http://ec.europa.eu/andor

ANNEX : Roma Population Estimates

­

1 :

Il-Bulgarija, l-Ugerija, il-Latvja, il-Litwanja, ir-Rumanija u is-Slovakkja


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website