Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/11/388

Brussell, lt-31 ta’ Marzu 2011

Meta l-iskart ma jibqax aktar skart? Meta dan jilħaq il-kriterji l-ġodda għat-tmiem tal-iskart imfassla biex jiżviluppaw is-swieq tagħna tar-riċiklaġġ

L-iskart iġġenerat mill-industriji u l-konsumaturi Ewropej qiegħed ikun aktar ipproċessat mill-ġdid fi prodotti ġodda u f'materja prima sekondarja minflok ma qed jintrema fil-miżbliet. Madanakollu, fl-imgħoddi kien hemm nuqqas ta' kriterji ċari biex jiġi ddeterminat meta materjal irkuprat mill-iskart ma jibqax ikun aktar skart u jkun jista' jiġi ttrattat bħall-prodotti jew materja prima oħra. L-ewwel Regolament għat-tmiem tal-iskart li ġie adottat illum qed jistabbilixxi kriterji għall-iskart tal-ħadid u l-azzar u għall-iskart tal-aluminju. Ir-Regolament għandu l-għan li jagħti stimolu lis-swieq Ewropej tar-riċiklaġġ.

Il-Kummissarju għall-Ambjent Janez Potočnik qal: "Irridu nibdew nittrattaw l-iskart bħala riżors imprezzabbli, u l-adozzjoni tal-lum tal-kriterji għat-tmiem tal-iskart għall-flussi ta’ materjal għandha tagħti spinta lill-industriji u s-servizzi tagħna tar-riċiklaġġġ. Dan hu pass importanti ieħor lejn il-mira biex l-Ewropa ssir soċjetà b’ekonomija ta’ riżorsi effiċjenti u soċjetà li tirriċikla."

Għan importanti tar-regoli għat-tmiem tal-iskart hu li jistimula s-swieq tar-riċiklaġġ fl-UE. Dan ser jagħti ċ-ċertezza legali u joffri l-istess opportunità lill-industriji tar-riċiklaġġ, biex dawn ineħħu l-piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa mis-settur tar-riċiklaġġ billi jneħħu l-materja prima sekondarja sikura u nadifa mill-ambitu tal-leġiżlazzjoni tal-iskart, u billi jikkontribwixxu għall-forniment tal-materja prima tal-industriji Ewropej.

In-nuqqas ta' kriterji ċari u armonizzati fl-imgħoddi ħolqu sitwazzjoni fejn uħud mill-Istati Membri żviluppaw oqfsa differenti u li mhux dejjem kienu kompatibbli biex jirregolaw il-materjali irkuprat.

Ir-Regolament tal-lum ifisser li l-iskart ta' metall nadif u sikur ma għandux għalfejn jiġi kklassifikat bħala skart sakemm il-produtturi japplikaw sistema ta' ġestjoni ta' kwalità u juru li huma konformi mal-kriterji permezz ta' dikjarazzjoni ta' konformità għal kull kunsinna ta' skart tal-metall.

Kwalunkwe trattament, bħat-tqattigħ, it-tqattigħ fi bċejjeċ żgħar, it-tindif u l-eliminazzjoni tat-tniġġis li jkun meħtieġ biex jiġi ppreparat l-iskart għall-użu finali għal xogħlijiet tal-azzar u tal-aluminju jew għall-funderiji, jrid jitlesta qabel l-iskart tal-metall jibda jiġi kkunsidrat bħala mhux skart. Pereżempju, il-karozzi l-qodma għandhom jiżżarmaw, il-komponenti tal-likwidi u li jkunu ta' periklu għandhom jitneħħew u l-biċċiet tal-metall għandhom jiġu ttrattati sabiex jiġi rkuprat l-iskart ta' metall nadif li jkun jilħaq il-kriterji għat-tmiem tal-iskart.

Il-kriterji stabbiliti għat-tmiem tal-iskart ġew introdotti permezz ta' Direttiva Qafas ġdida dwarl-Iskart li għandha l-għan li tikseb livelli ogħla għar-riċiklaġġ u timminimizza l-estrazzjoni tar-riżorsi naturali addizzjonali. Il-mira fit-tul taż-żmien hija li l-Ewropa tinbidel f'soċjetà li tirriċikla: soċjetà li tevita l-iskart u tuża dak l-iskart li ma jistax jiġi evitat bħala riżors kulfejn ikun possibbli.

Id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart hija mibnija fuq prinċipji stabbiliti għall-ġestjoni ambjentalment sikura dwar l-iskart, li tistipula ġerarkija f'ħames stadji għall-iskart li tippromwovi l-prevenzjoni, il-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u forom oħra ta' rkupru. Ir-rimi tal-iskart bħal ma huma l-miżbliet, li għadhom l-aktar forom komuni għar-rimi tal-iskart muniċipali fil-maġġoranza tal-Istati Membri, għandhom jiġu kkunsidrati biss bħala l-aħħar għażla. Il-politika tal-UE dwar l-iskart għandha l-għan li l-ġestjoni tal-iskart titla' 'l fuq fil-ġerarkija tal-iskart u tintroduċi l-kunċett tal-ħsieb taċ-ċiklu tal-ħajja biex jiġi żgurat li kwalunkwe azzjoni għandha benefiċċju globali meta titqabbel ma' għażliet oħra.

Ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ wara l-pubblikazzjoni tiegħu u ser ikun applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha wara perjodu ta' tranżizzjoni ta' 6 xhur. Attwalment, il-Kummissjoni qed tipprepara l-kriterji għall-flussi ta' materjal oħra li huma partikolarment importanti għas-swieq tar-riċiklaġġ tal-UE, bħal ma huma r-ram, il-karta, il-ħġieġ u l-kompost.

Għal aktar dettalji dwar il-politika tal-UE dwar l-iskart, żur is-sit:

http://ec.europa.eu/environment/waste/index.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website