Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/11/377

Brussell, it-30 ta’ Marzu 2011

Is-Saħħa: Il-Kummissjoni tniedi it-Tielet Premju għall-Ġurnalisti

Illum tiftaħ ir-reġistrazzjoni għat-3 Premju għall-Ġurnalisti tal-UE dwar is-Saħħa. L-għan ta’ dan il-premju huwa li jqajjem kuxjenza dwar il-kwistjonijiet tas-saħħa billi jagħti opportunità biex jintwerew it-talenti tal-aqwa ġurnalisti fil-qasam tas-saħħa minn madwar is-27 Stat Membru. Bħal ma sar fiż-żewġ premjazzjonijiet preċedenti, it-tema tat-3 premju hija "L-Ewropa għall-Pazjenti", li minn din is-sena, se tinkludi s-suġġett tal-farmaċewtiċi. Ir-rebbieħa se jirċievu premjijiet fi flus, b’EUR 6,000 għall-ewwel post, EUR 2,500 għal min jiġi it-tieni u EUR 1,500 għat-tielet. Din is-sena se jingħata għall-ewwel darba premju speċjali ta' EUR 3,000 għal artiklu li jenfasizza l-perikli għas-saħħa mit-tabakk.

S’issa, mas-700 ġurnalist minn madwar l-UE pparteċipaw fil-premju tas-Saħħa. L-artikli tagħhom juru kif il-kwistjonijiet tas-saħħa jolqtu lill-Ewropej f'ħajjithom ta' kuljum. Il-Kummissjoni hija kunfidenti li din is-sena se tiskopri talent ġdid u tesponi l-opinjonijiet u t-tħassib taċ-ċittadini u l-pazjenti dwar is-saħħa.

Il-ġurnalisti huma mistiedna jissottomettu l-artikli dwar xi suġġett jew suġġetti tal-kampanja l-Ewropa għall-Pazjenti.

Din is-sena, l-inizjattivi tal-Kummissjoni fil-qasam tal-farmaċewtiċi żdiedu mal-kwistjonijiet koperti minn din il-kompetizzjoni, li huma: il-kura tas-saħħa bejn pajjiż u ieħor, il-mard rari, il-forza tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa, is-sikurezza tal-pazjenti, id-donazzjoni u t-trapjanti tal-organi, il-kanċer, it-tilqim kontra l-influwenza, l-użu prudenti tal-antibijotiċi, is-saħħa mentali, il-marda tal-Alzheimer’s u dimenzji oħra u t-tilqim tat-tfal. L-artikli għandhom jiffukaw fuq il-pazjent.

Se jingħata wkoll premju speċjali għall-aqwa artiklu li juri l-effett tat-tipjip fuq saħħet in-nies, u kif ħajjet in-nies tista' titħassar mit-tabakk u n-nikotina.

Ir-regoli

  • Dawk li jieħdu sehem fil-kompetizzjoni għandhom ikunu ċittadini jew residenti ta’ xi wieħed mis-27 Stat Membru tal-UE u jkollhom 18-il sena jew aktar.

  • Jistgħu jiġu sottomessi sa massimu ta’ żewġ artikli minn kull parteċipant u jiġu aċċettati wkoll sottomissjonijiet minn gruppi sakemm il-grupp ma jaqbiżx il-ħames persuni.

  • L-artikli kollha jridu jkunu b'xi waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE u jridu jkunu ġew oriġinarjament ippubblikati jew minn mezz tal-midja stampata jew onlajn.

  • It-tul massimu tal-artiklu ma jistax jaqbeż l-20,000 karattru (inklużi l-ispazji).

  • Fil-websajt rilevanti tista’ ssib aktar regoli u kundizzjonijiet.

L-għażla u l-ippremjar tar-rebbieħa

F’kull Stat Membru, ġurija nazzjonali magħmula minn ġurnalisti u esperti tas-saħħa pubblika, ippreseduta mill-Kummissjoni Ewropea, se tagħżel finalist nazzjonali wieħed.

Ġurija tal-UE mbagħad tagħżel tliet rebbieħa fil-livell tal-UE u r-rebbieħ tal-premju speċjali minn fost is-27 finalist. Is-27 finalist se jiġu mistiedna fi Brussell fil-bidu tal-2012 għal seminar tal-midja dwar il-kwistjonijiet tas-saħħa tal-UE, li jiġi segwit miċ-ċerimonja tal-premjazzjoni.

Ir-rebbieħa tal-Premjijiet preċedenti

Ir-rebbieħa tal-ewwel post tal-Ewwel Premju għall-Ġurnalisti tal-UE dwar is-Saħħa kienet il-ġurnalista Franċiża Estelle Saget bl-artiklu tagħha "Is-skiżofrenja mfissra lill-familja u l-ħbieb" li deher f’‘L'Espresse’.

Tim ta’ żewġ ġurnalisti Taljani, Gianluca Ferraris u Ilaria Molinari, li ppubblikaw l-artiklu tagħhom f’‘Panorama’, rebħu l-ewwel premju fit-Tieni Premju għall-Ġurnalisti tal-UE dwar is-Saħħa. L-artiklu tagħhom "Tinsteraq it-Tama” jagħti ħarsa lejn il-"kliniki tal-fejqan" li joffru terapiji li jiswew ħafna flus iżda li dwarhom ma hemmx provi lil pazjenti vulnerabbli li jsofru minn mard kroniku.

Il-premju tal-UE tas-saħħa għall-Ġurnalisti u l-kampanja l-Ewropa għall-Pazjenti huma ffinanzjati taħt it-Tieni Programm ta’ Saħħa għall-Komunità 2008-2013. Aktar dettalji dwar ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet jinsabu fuq il-websajt.

Biex tissottometti artiklu u ssib aktar tagħrif dwar il-Premju għall-Ġurnalisti tal-UE dwar is-Saħħa nistednuk iżżur din il-websajt:

http://ec.europa.eu/health-eu/journalist_prize/2011/index_en.htm

Il-websajt tal-‘Ewropa għall-pazjenti’:

http://ec.europa.eu/health-eu/europe_for_patients/index_mt.htm

Għal aktar tagħrif dwar il-Kontroll tat-Tabakk fl-UE:

http://ec.europa.eu/health/tobacco/policy/index_mt.htm

Għal aktar tagħrif dwar it-tieni Programm ta’ Saħħa għall-Komunità

http://ec.europa.eu/health/programme/policy/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website