Navigation path

Left navigation

Additional tools

Other available languages: EN FR DE DA EL CS ET HU LT LV PL BG RO

IP/11/375

Brussell, id-29 ta’ Marzu 2011

In-negozjar tal-emissjonijiet: adottati regoli dwar l-allokazzjoni tranżizzjonali b'xejn ta' kwoti lis-settur tal-enerġija

Mill-bidu tat-tielet fażi tas-Sistema għan-Negozjar tal-Emissjonijiet tal-UE (2013-2020) is-settur tal-enerġija se jkollu ġeneralment jixtri l-kwoti kollha tiegħu. Madankollu, sal-2019 għaxar Stati Membri1 jistgħu jagħżlu li jallokaw b'xejn għadd limitat ta' kwoti lill-impjanti tal-enerġija minflok ibigħuhom. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta' llum tistipula r-regoli li l-Istati Membri jkollhom isegwu jekk jiddeċiedu li joffru l-kwoti b'xejn, u hija akkumpanjata minn Komunikazzjoni bi gwida addizzjonali fuq kif se tiġi vvalutata kwalunkwe applikazzjoni li tasal.

Id-Deċiżjoni tistipula r-regoli għall-allokazzjoni b'xejn tal-kwoti ta' emissjonijiet lill-impjanti tal-enerġija eliġibbli. Din ġiet approvata b'mod unanimu mill-Istati Membri fil-laqgħa ta' Novembru 2010 tal-Kumitat tal-UE dwar it-Tibdil fil-Klima, li fiha huma rrappreżentati l-Istati Membri kollha, u ġiet formalment adottata mill-Kummissjoni llum.

Il-Komunikazzjoni tistipula l-elementi li l-Kummissjoni trid tivvaluta meta tirċievi applikazzjoni għall-allokazzjoni b'xejn lis-settur tal-enerġija. Hija tipprovdi wkoll kjarifika fuq elementi differenti tad-dispożizzjonijiet legali.

Skadenza għall-applikazzjoni

Kwalunkwe wieħed minn fost l-10 Stati Membri li jixtieq jalloka b'xejn kwoti lill-impjanti tal-enerġija għandu jippreżenta applikazzjoni lill-Kummissjoni sat-30 ta' Settembru 2011.

Il-Kummissjoni trid tivvaluta kwalunkwe applikazzjoni u tista' tirrifjuta parti minnha jew kollha kemm hi f'perjodu ta' 6 xhur. Peress li applikazzjoni tkun qed tirrappreżenta devjazzjoni mir-regola ġenerali li mill-2013 is-settur tal-enerġija jrid jixtri l-kwoti kollha tiegħu, kemm waqt irkant jew fis-suq sekondarju, il-Kummissjoni għandha tiżgura li tali eżenzjoni ma tkunx qed timmina l-għanijiet globali tad-Direttiva dwar in-Negozjar tal-Emissjonijiet jew tkun inkompattibbli mar-regoli tal-UE dwar l-għajuna tal-istat jew dawk dwar is-suq intern.

Dħul aktar baxx mill-irkantijiet

Fl-ambitu tat-termini tad-Direttiva riveduta dwar in-Negozjar tal-Emissjonijiet2, il-kwoti allokati b'xejn lill-ġeneraturi tal-enerġija se jittieħdu mill-għadd ta' kwoti li l-Istat Membru kkonċernat jirċievi għall-irkantar. Għaldaqstant, kwalunkwe allokazzjoni b'xejn se tnaqqas id-dħul mill-irkantar nazzjonali iżda mhux se taffettwa l-għadd globali tal-kwoti maħruġa, u lanqas se taffettwa allokazzjonijiet jew dħul mill-irkantar fi Stati Membri oħra.

Sfond

Id-Deċiżjoni u l-Komunikazzjoni huma parti mill-implimentazzjoni tad-Direttiva riveduta dwar in-Negozjar tal-Emissjonijiet, adottata fl-2009 bħala wieħed mill-elementi tal-pakkett ta' leġiżlazzjoni dwar "il-klima u l-enerġija".

Aktar informazzjoni

Mistoqsijiet u tweġibiet fuq il-proposta tal-Kummissjoni: MEMO/11/201

Għal aktar informazzjoni fuq is-Sistema Ewropea tan-Negozjar tal-Emissjonijiet, ara

http://ec.europa.eu/clima/policies/ets/index_en.htm

Għal aktar informazzjoni dwar il-kwoti għall-irkantar, ara

http://ec.europa.eu/clima/policies/ets/auctioning_en.htm

http://ec.europa.eu/clima/policies/ets/auctioning_derogation_en.htm

1 :

Il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, Ċipru, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, l-Ungerija, il-Polonja u r-Rumanija.

2 :

2 Direttiva 2009/29/KE


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website