Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Trasport 2050: Il-Kummissjoni tispjega pjan ambizzjuż sabiex tiżdied il-mobbiltà u jitnaqqsu l-emissjonijiet

Commission Européenne - IP/11/372   28/03/2011

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/11/372

Brussell, it-28 ta’ Marzu 2011

Trasport 2050: Il-Kummissjoni tispjega pjan ambizzjuż sabiex tiżdied il-mobbiltà u jitnaqqsu l-emissjonijiet

Il-Kummissjoni Ewropea llum adottat strateġija komprensiva (Trasport 2050) għal sistema tat-trasport kompetittiva li se żżid il-mobbiltà, tneħħi l-ostakli l-kbar f’oqsma ewlenin u tistimola t-tkabbir u l-impjieg. Fl-istess ħin, il-proposti se jnaqqsu b’mod drammatiku d-dipendenza tal-Ewropa fuq iż-żejt importat u se jnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju fis-settur tat-trasport b’60 % sal-2050.

Sabiex dan jinkiseb tenħtieġ trasformazzjoni tas-sistema attwali tat-trasport tal-Ewropa. Sal-2050, il-miri ewlenin se jinkludu

  • It-tneħħija ta’ vetturi li jaħdmu bil-fjuwil konvenzjonali mill-bliet.

  • L-użu fl-avjazzjoni ta’ 40 % tal-fjuwils sostenibbli b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju; tnaqqis ta’ mill-inqas 40 % fl-emissjonijiet fis-settur tal-ġarr bil-baħar.

  • Bidla ta’ 50 % tal-vjaġġi tal-passiġġieri u tal-merkanzija bejn il-bliet fuq distanza medja li jsiru permezz tat-trasport bit-triq għall-mezzi tat-trasport bil-ferrovija u fuq l-ilma.

  • Dawn kollha, sa nofs is-seklu, se jikkontribwixxu għal tnaqqis ta' 60 % fl-emissjonijiet tat-trasport..

Il-Viċi-President Siim Kallas, responsabbli għat-trasport qal, "Trasport 2050 huwa pjan direzzjonali għal settur tat-trasport kompetittiv li jżid il-mobbiltà u jnaqqas l-emissjonijiet. Aħna nistgħu, anzi jeħtieġ li nilħqu dawn iż-żewġ miri. Il-fehma ġenerali li biex niġġieldu t-tibdil fil-klima jfisser li rridu nnaqqsu l-mobbiltà hija sempliċement falza. Sistemi tat-trasport kompetittivi huma vitali sabiex l-Ewropa tkun tista’ tikkompeti fid-dinja, għat-tkabbir ekonomiku, għall-ħolqien tal-impjiegi u għall-kwalità tal-ħajja ta’ kuljum tal-persuni. Li titrażżan il-mobbiltà mhix għażla; lanqas mhi kwistjoni li kollox jibqa' kif inhu." Aħna nistgħu nwaqqfu d-dipendenza tas-sistema tat-trasport fuq iż-żejt mingħajr ma nissagrifikaw l-effiċjenza tagħha u nikkompromettu l-mobbiltà. Aħna nistgħu ngawdu miż-żewġ naħat.”

Il-pjan direzzjonali Trasport 2050 għal Żona Ewropea Unika tat-Trasport għandu l-għan li jneħħi l-ostakli u x-xkiel kbar f’ħafna oqsma ewlenin f’diversi setturi: l-infrastruttura tat-trasport, l-investiment fit-trasport, l-innovazzjoni u s-suq intern. L-għan hu li tinħoloq Żona Ewropea Unika tat-Trasport b’aktar kompetizzjoni u b’netwerk tat-trasport kompletament integrat li jgħaqqad flimkien il-mezzi tat-trasport differenti u jippermetti bidla profonda fix-xejriet tat-trasport għall-passiġġieri u għall-merkanzija. Għal dan il-għan, il-pjan direzzjonali jressaq 40 inizjattiva konkreta għad-deċennju li jmiss.

Il-pjan direzzjonali Trasport 2050 jistabbilixxi miri differenti għal tipi differenti ta’ vjaġġi – fil-bliet, bejn il-bliet u fuq distanza twila.

1. Għal vjaġġi bejn il-bliet: 50 % tat-trasport kollu bit-triq tal-passiġġieri u tal-merkanzija fuq distanza medja għandu jgħaddi għat-trasport bil-ferrovija u t-trasport fuq l-ilma.

  • Sal-2050, il-biċċa l-kbira tat-trasport tal-passiġġieri fuq distanza medja, madwar 300 km u aktar għandu jsir bil-ferrovija.

  • Sal-2030, 30 % tat-trasport tal-merkanzija bit-triq ta' aktar minn 300 km għandu jgħaddi għal mezzi tat-trasport oħrajn bħat-trasport bil-ferrovija jew fuq l-ilma, u sal-2050 din iċ-ċifra għandha taqbeż il-50 %.

  • Sal-2030, għandu jitwassal netwerk ċentrali ta’ kurrituri tat-trasport madwar l-UE kollha li jiffunzjoni bis-sħiħ, u li jiżgura faċilitajiet għat-trasferiment effiċjenti bejn il-mezzi tat-trasport (in-netwerk ċentrali TEN-T), filwaqt li sal-2050 in-netwerk ikun ta’ kwalità u kapaċità għolja li jipprovdi servizzi ta’ informazzjoni relatati.

  • Sal-2050, għandhom ikunu konnessi l-ajruporti kollha tan-netwerk ċentrali man-netwerk ferrovjarja, preferibbilment b’veloċità għolja; għandu jkun żgurat li l-portijiet marittimi ċentrali kollha jkunu konnessi b’mod adegwat mas-sistema ferrovjarja tal-merkanzija u, fejn ikun possibbli, mas-sistema tat-trasport fuq l-ilmijiet interni.

  • Sal-2020, għandu jiġi stabbilit qafas għal sistema fil-livell Ewropew tal-informazzjoni, tal-ġestjoni u tal-pagament tat-trasport multimodali, kemm għall-passiġġieri kif ukoll għall-merkanzija.

  • Għandu jkun hemm progress lejn l-applikazzjoni sħiħa tal-prinċipji “l-utent iħallas” u “min iniġġes iħallas” flimkien ma' involviment tas-settur privat fl-eliminazzjoni ta’ tgħawwiġ, fil-ġenerazzjoni tad-dħul u biex ikun żgurat il-finanzjament ta’ investimenti futuri fit-trasport.

2. Għall-vjaġġi fuq distanzi twal u għat-trasport tal-merkanzija interkontinentali, se jkomplu jiddominaw il-vjaġġi bl-ajru u bil-bastimenti. Magni, fjuwils u sistemi tal-ġestjoni tat-traffiku ġodda se jżidu l-effiċjenza u jnaqqsu l-emissjonijiet.

  • Sal-2050 fjuwils b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fis-settur tal-avjazzjoni għandhom jilħqu l-40 %; barra minn hekk, sal-2050, l-emissjonijiet tas-CO2 fl-UE mill-fjuwils tas-settur tat-trasport marittimu għandhom jonqsu b’40 %.

  • Sal-2020 għandha ssir modernizzazzjoni sħiħa tas-sistema tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru tal-Ewropa, u b’hekk isseħħ il-viżjoni tal-Ajru Uniku Ewropew: vjaġġi iqsar u aktar sikuri, b’aktar kapaċità. Sal-2020 għandu jitlesta l-Spazju Komuni Ewropew għall-Avjazzjoni li jkopri 58 pajjiż u biljun resident.

  • Għandu ikun hemm ukoll skjerament ta’ sistemi tal-ġestjoni intelliġenti tat-trasport fuq l-art u fuq l-ilma (pereżempju. ERTMS, ITS, RIS, SafeSeaNet u LRIT1).

  • Għandha ssir ħidma ma’ msieħba internazzjonali u f’organizzazzjonijiet internazzjonali bħal ICAO u IMO għall-promozzjoni, fil-livell globali, tal-kompetittività Ewropea u tal-miri għall-klima.

3. Għat-trasport urban, bidla sostanzjali favur vetturi u fjuwils aktar nodfa. Tnaqqis b’50 % sal-2030 tal-vetturi li jaħdmu bil-fjuwil konvenzjonali, u, sal-2050, it-tneħħija progressiva tagħhom mill-bliet.

  • Sal-2030 għandu jonqos bin-nofs l-użu fit-trasport urban ta’ vetturi ‘li jaħdmu bil-fjuwil konvenzjonali’; sal-2050 għandha isseħħ it-tneħħija progressiva tagħhom mill-bliet; u jinkiseb moviment essenzjali ta’ oġġetti mingħajr CO2 fl-akbar ċentri urbani sal-2030.

  • Sal-2050, l-UE għandha tersaq qrib il-mira ta’ kważi żero għal fatalitajiet fit-trasport bit-triq. F’dan il-kuntest l-UE qed timmira li sal-2020 tnaqqas bin-nofs il-korrimenti fit-triq. Għandu jkun żgurat li l-UE tkun mexxejja dinjija fis-sikurezza u s-sigurtà tat-trasport fis-setturi ferrovjarji, marittimi u tal-avjazzjoni.

1 :

Is-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju [European Rail Traffic Management System], is-Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti [Intelligent Transport Systems] (għat-trasport bit-triq), Servizzi ta' Informazzjoni tax-Xmajjar [River Information Services], is-sistemi tal-informazzjoni marittimi tal-UE SafeSeaNet u L-Identifikazzjoni u l-Ittraċċar tal-Bastimenti minn Distanza Twila [Long Range Identification and Tracking of vessels].


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site