Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/11/371

Brussell, 28 ta’ Marzu 2011

Tuh isem! Ingħata bidu għat-tellieqa biex il-Programm tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni jingħata isem

Riċerkaturi, enġiniera, intraprendituri, innovaturi, studenti u individwi kreattivi oħra għandhom sal-10 ta' Mejju biex jissuġġerixxu isem rilevanti, attreanti u li jdoqq għall-programm ġdid tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni li ser jibda wara l-2013. Il-kompetizzjoni li tnediet illum mill-Kummmissjoni Ewropea hija marbuta mal-konsultazzjoni li għaddejja mal-partijiet interessati dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-programm il-ġdid (ara IP/11/138), MEMO/11/76) li ser ikun il-qalba tal-inizjattiva Unjoni għall-Innovazzjoni (IP/10/1288, MEMO/10/473) u tal-Istrateġija Ewropa 2020. Il-Kummissjoni qed tipproponi mod aktar intelliġenti biex tissapportja lir-riċerkaturi u l-innovaturi fl-Ewropa - ħalli ssaħħaħ aktar l-eċċellenza u tgħin biex l-ideat tajbin jaslu sas-suq u jiġġeneraw tkabbir ekonomiku sostenibbli kif ukoll impjiegi ġodda. Il-programm il-ġdid ser ikun ibbażat madwar il-"Qafas Strateġiku Komuni" b'tipi differenti ta' finanzjament miġbura flimkien b'mod koerenti u flessibbli. Dan ser jagħmilha possibbli biex il-fondi għar-riċerka jiġu allinjati aħjar ħalli jiġu indirizzati l-isfidi globali u biex ikunu ta' kontribut importanti fl-istrateġija ġenerali tal-UE Ewropa 2020. Ser titnaqqas il-burokrazija żejda filwaqt li l-parteċipazzjoni ser tiġi ssimplifikata. Għalhekk il-Kummissjoni tixtieq isem ġdid u qed tfittex l-għajnuna ta' ġurija distinta biex toħroġ b'lista ta' possibbiltajiet mis-suġġerimenti li jaslu. Dawn imbagħad jitpoġġew onlajn għal votazzjoni.

Máire Geoghegan-Quinn, il-Kummissarju Ewropew għar-Riċerka u l-Innovazzjoni qalet: "Il-Programmi ta' Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Tekniku qdew lill-Ewropa sew u għadhom qed joħolqu t-tkabbir u l-impjiegi u jtejbu l-kwalità tal-ħajja. Iżda l-programm il-ġdid għar-riċerka u l-innovazzjoni ser ikun bidu ġdid u avventura ġdida, għalhekk għandna bżonn isem ġdid. Għandna bżonn ikunu eqreb tal-partijiet interessati u tal-pubbliku u nżidu l-profil politiku u medjatiku ta' xogħlna, ħaġa li mbagħad tista' twassal biex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni u jitjiebu r-riżultati. Irridu nagħtu lill-programm il-ġdid identità ċara li tirrifletti dak li fil-fatt jagħmel u li mhux ser ikun 'sempliċiment Programm ta' Qafas ieħor'. Għalhekk qiegħda nistieden lin-nies biex ikunu kreattivi u jagħtuh isem!"

Il-Green Paper tal-Kummissjoni ta' Frar tipproponi Qafas Komuni Strateġiku għar-riċerka u l-innovazzjoni li jiddistakka ruħu mill-passat u tadotta approċċ ġdid biex tindirizza l-isfidi li ser ikunu qed naffrontaw fl-Ewropa matul id-diċennju li ġej u lil hinn. Dan l-approċċ ġdid jitlob "identità" ġdida u għalhekk qed titnieda kompetizzjoni sabiex jinstab isem, li faċilment ikun jista' jiġi assoċjat mar-riċerka u l-innovazzjoni, filwaqt li jkun ukoll oriġinali, faċli biex tiftakru u biex tippronunċjah u tispellih u li jew ikun jista' jintuża f'ħafna lingwi jew ikun faċli biex tittraduċih.

Il-proposti għall-isem il-ġdid jistgħu jiġu sottomessi sal-10 ta' Mejju 2011 permezz tal- http://ec.europa.eu/research/csfri/index_en.cfm?pg=younameit fejn wieħed jista' wkoll isib ir-regoli u l-kundizzjonijiet.

Ġurija internazzjonali ser tagħżel tliet proposti li għandhom jitqiegħdu fl-internet għall-votazzjoni tal-pubbliku. Fost il-membri tal-ġurija ser ikun hemm:

  • Carmen Vela, direttur maniġerjali tal-INGENASA, SME innovattiva fil-qasam tal-bioteknoloġija bbażata f'Madrid, Spanja.

  • Frank Gannon, mill-Queensland Institute of Medical Research (QIMR), Direttur u kap eżekuttiv.

  • Anne L'Huillier, rebbieħa ta' għotja mill-Kunsill Ewropew tar-Riċerka. Professur tal-Fiżika Atomika fl-Università ta' Lund, l-Isvezja. Rebbieħa tal-premju L'Oréal-Unesco fl-2011.

  • Eric Hollander, Direttur Kreativ mill-AIRONAIR, espert fil-branding/komunikazzjoni.

  • Anna Innamorati, President tal-McCann Company (Uffiċċju ta' Ruma), esperta fil-branding/Komunikazzjoni

  • Massimo Busuoli, Kap tal-Uffiċċju ta' Brussell tal-ENEA (l-aġenzija nazzjonali Taljana tat-teknoloġiji ġodda, l-enerġija u l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli)

L-isem rebbieħ ser jitħabbar mill-Kummissarju Geoghegan-Quinn waqt il-konferenza li tagħlaq il-konsultazzjoni attwali dwar il-Qafas Strateġiku Komuni, fl-10 ta' Ġunju fi Brussell.

Ir-rebbieħ ser jirbaħ vjaġġ bl-ispejjeż imħallsa għall-Konvenzjoni tal-Innovazzjoni Ewropea, li ser issir fi Brussell fl-aħħar ta' din is-sena u ser jiltaqa' mal-Kummissarju u ma' politikanti u personalitajiet ewlenin oħra mid-dinja tax-xjenza u n-negozju.

Sfond

Is-sistema l-ġdida għall-finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni ser tibni fuq is-suċċess tal-Programm ta' Qafas attwali għar-Riċerka (FP7), il-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (Competitiveness and Innovation Programme (CIP)) u l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (European Institute for Technology (EIT)).

L-għan aħħari huwa li jiġi mmassimizzat il-kontribut tar-riċerka u l-innovazzjoni ffinanzjati mill-UE lejn it-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi u biex jiġu indirizzati l-isfidi li qed taffronta l-Ewropa - pereżempju t-tibdil fil-klima, is-sigurtà enerġitika u tal-ikel, is-saħħa u l-popolazzjoni dejjem aktar anzjana tagħna.

Dan ser jinkiseb billi jinħoloq sett koerenti ta' strumenti, fil-"katina tal-innovazzjoni" sħiħa li tibda mir-riċerka bażika u twassal għall-ħolqien ta' prodotti u servizzi innovattivi fis-suq; kif ukoll bl-appoġġ għall-innovazzjoni mhux teknoloġika, pereżempju fid-diżinn u l-kummerċjalizzazzjoni.

Il-Green Paper tal-Kummissjoni tipprovdi wkoll bażi għal simplifikazzjoni estensiva ħafna tal-proċeduri u r-regoli. Il-partijiet interessati għandhom sal-20 ta' Mejju 2011 biex iwieġbu għall-konsultazzjoni ewlenija.

Ħoloq

Konsultazzjoni dwar il-Green Paper

Paġna tal-Unjoni għall-Innovazzjoni

L-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT)

Is-Seba' Programm ta' Qafas

Il-Programm ta' Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website