Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/11/360

Brussell, it-24 ta’ Marzu 2011

Il-maġġoranza tal-Ewropej jiddikjaraw li huma favur vjaġġar ekoloġiku

Stħarriġ ġdid żvela li l-biċċa l-kbira tal-Ewropej huma lesti li jilħqu kompromess fuq il-prezz u l-ispeċifikazzjonijiet tal-karozzi tagħhom sabiex inaqqsu l-emissjonijiet li jagħmlu ħsara. Stħarriġ tal-Eurobarometer li sar fis-27 Stati Membri kollha wera li, pereżempju, madwar żewġ terzi tal-utenti tal-karozzi tal-UE qalu li probabbli jkunu lesti jikkompromettu l-veloċità tal-karozza sabiex inaqqsu l-emissjonijiet. Barra minn hekk, il-maġġoranza tas-sewwieqa tal-karozzi (53 %) qablu li l-imposti eżistenti tal-karozzi jkunu sostitwiti bi skemi ġodda ta' imposti bbażati fuq l-użu attwali tal-vetturi tagħhom. Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-utenti jagħżlu li jsuqu karozza minħabba l-konvenjenza tagħha, kważi tliet kwarti taċ-ċittadini tal-UE (71 %) qalu li jikkunsidraw li jużaw it-trasport pubbliku iktar spiss jekk ikun possibbli li jixtru biljett uniku li jkopri l-mezzi tat-trasport kollha.

Il-Viċi President Siim Kallas, il-Kummissarju responsabbli mit-trasport, qal: "Dawn ir-riżultati huma stimolu kbir għall-isforzi tal-UE biex tagħmel it-trasport iktar sostenibbli. Huma juru li ċ-ċittadini jifhmu x'inhuma l-perikli u lesti li jagħtu s-sehemhom biex inaqqsu l-impatt tagħhom fuq l-ambjent. Inizjattivi intelliġenti bħal skemi fejn tħallas skont kemm issuq u biljett uniku li jkopri l-mezzi tat-trasport possibbli kollha, jużaw l-aħħar teknoloġija u jippermettu lill-individwi jagħmlu għażla infurmata dwar kif jagħżlu li jivvjaġġaw."

Kompromessi li għandhom isiru sabiex is-sewqan ikun iktar ekoloġiku

Il-maġġoranza tal-utenti tal-karozzi (66 %) li wieġbu l-istħarriġ qalu li probabbli jikkompromettu d-daqs tal-karozza sabiex inaqqsu l-emissjonijiet u 62 % qalu l-istess dwar l-awtonomija tal-karozza - jiġifieri d-distanza li wieħed għandu jsuq qabel ikollu bżonn jerġa' jimla l-karozza bil-fjuwil jew jerġa' jiċċarġja l-vettura. Iktar min-nofs l-individwi (60 %) kieku jkunu lesti wkoll iħallsu iktar għall-karozza tagħhom jekk dan jgħin biex jitnaqqsu l-emissjonijiet.

Appoġġ għal skemi ta' imposti bbażati fuq l-użu attwali tal-karozza

Nofs iċ-ċittadini tal-UE qalu li jaqblu li l-imposti eżistenti tal-karozzi jiġu sostitwiti bi skemi ġodda ta' imposti li kkunsidraw l-użu attwali tal-karozza. Dawn l-iskemi huma saħansitra iktar popolari fost is-sewwieqa tal-karozzi minħabba li 53 % qablu li jiġu sostitwiti l-imposti eżistenti tal-karozzi.

Raġunijiet għalfejn tingħażel karozza

Maġġoranza kbira (71 %) tal-utenti tal-karozzi ħassew li t-trasport pubbliku ma kienx konvenjenti daqs is-sewqan. Proporzjon simili (72 %) ta' sewwieqa qalu li nuqqas ta' konnessjonijiet waqqfuhom milli jużaw it-trasport pubbliku (49% enfasizzaw dan bħala fattur "importanti ħafna"). Servizzi bi frekwenza baxxa kienu kkunsidrati importanti mill-64 % tal-utenti tal-karozzi u 54 % enfasizzaw in-nuqqas ta' affidabbiltà tat-trasport pubbliku.

Is-sewwieqa mħeġġa jikkombinaw mezzi ta' trasport oħra

Individwi li jużaw il-karozza tagħhom kuljum kienu mistoqsija xi jkun ifisser għalihom li jużaw ukoll mezzi ta' trasport oħra. Bejn wieħed u ieħor, żewġ terzi (65 %) qalu li jikkunsidraw dan jekk ikun faċli li wieħed jibdel minn mezz ta' trasport wieħed għal ieħor, 52 % jkunu mħajra jekk ikun hemm informazzjoni (onlajn) aħjar dwar l-iskedi, 47 % jikkunsidraw dan jekk l-istazzjonijiet ikunu iktar attraenti filwaqt li 38 % jekk ikun possibbli li l-biljetti jinxtraw onlajn.

Interess kbir f'biljett uniku li jkopri l-mezzi kollha tat-trasport

Kważi tliet kwarti taċ-ċittadini tal-UE (71 %) jgħidu li jikkunsidraw li jużaw it-trasport pubbliku iktar ta' spiss jekk ikun possibbli li jixtru biljett uniku li jkopri l-mezzi kollha possibbli tat-trasport pubbliku; hemm appoġġ qawwi wkoll għal dan fost is-sewwieqa (66 %).

L-istħarriġ sar fost 25,570 persuna fis-27 Stati Membri kollha fuq talba tad-Direttorat-Ġenerali għall-Mobbiltà u t-Trasport tal-Kummissjoni Ewropea.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website