Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/11/358

Brussell, l-24 ta’ Marzu 2011

Il-logħob tal-azzard onlajn fl-UE: niddiskutu flimkien

Il-logħob tal-azzard onlajn huwa kummerċ li fl-Ewropa qiegħed jiżviluppa malajr, bi kważi 15,000 sit elettroniku li diġà ġew identifikati u bi dħul totali annwali li fl-2008 qabeż is-EUR 6 biljun u li huwa mistenni li jirdoppja sal-2013. Oqfsa legali nazzjonali madwar l-UE jvarjaw b'mod enormi bejniethom, bl-applikazzjoni ta' regoli differenti għall-għoti ta' liċenzji, għas-servizzi onlajn relatati, għall-pagamenti, għall-għanijiet ta' interess pubbliku u għall-ġlieda kontra l-frodi. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u l-protezzjoni effikaċi taċ-ċittadini tal-UE f'din l-attività ta' servizz transfruntier li qiegħda dejjem tikber, huwa importanti li jiġi evalwat kif mudelli possibbilment differenti jistgħu jikkoeżistu fi ħdan is-Suq Intern. Għaldaqstant l-għan ewlieni tal-konsultazzjoni tal-Green Paper, varata llum, huwa li jkun hemm stampa tas-sitwazzjoni attwali tas-suq tal-logħob tal-azzard onlajn tal-UE li tkun ibbażata fuq il-fatti kif ukoll tal-mudelli regolatorji nazzjonali differenti. Il-Kummissjoni tilqa' l-fehmiet tal-partijiet interessati u tixtieq tiġbor tagħrif u dejta dettaljati dwar kwistjonijiet ewlenin ta' politika bħall-organizzazzjoni tas-servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn u l-infurzar tal-liġijiet applikabbli; il-ħarsien tal-konsumatur u sfidi oħra rilevanti ta' politika kif ukoll il-komunikazzjonijiet kummerċjali u s-servizzi ta' pagament. Il-kontribuzzjonijiet lejn il-konsultazzjoni, li jistgħu jiġu ppreżentati sal-31 ta' Lulju 2011, se jiddeterminaw il-ħtieġa għal kwalunkwe azzjoni ta' segwitu mill-UE u l-forma tagħha f'dan il-qasam. Sessjonijiet ta' ħidma bejn l-esperti fuq temi speċifiċi se jiġu organizzati biex jikkumplimentaw din il-konsultazzjoni.

Il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, is-Sur Michel Barnier, qal: "B'din il-Green Paper, varajna konsultazzjoni ambizzjuża mingħajr fehmiet predeterminati dwar is-segwitu possibbli tagħha. Is-suq tal-logħob tal-azzard onlajn fl-UE qed ikompli jikber b'mod mgħaġġel u jiġġenera dħul finanzjarju importanti li xi drabi jiġi allokat għal kawżi ġusti. L-espansjoni tiegħu għandu jmur id f'id mad-determinazzjoni li jiġu mħarsa ċ-ċittadini tagħna, speċjalment il-minorenni, u jiġi żgurat li l-offerti ta' dawn it-tipi ta' servizzi fl-UE jkunu sodi u regolati tajjeb. Din tirreaġixxi għas-sejħiet mill-Parlament Ewropew u l-Istati Membri sabiex aħna nindirizzaw dawn il-kwistjonijiet flimkien. Din il-konsultazzjoni mhijiex dwar il-liberalizzazzjoni tas-suq, hija biex jiġi żgurat li s-suq għas-servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn fl-UE jkun regolat tajjeb għal kulħadd.

Dwar xiex hija l-konsultazzjoni pubblika?

Sfidi għas-soċjetà u għall-ordni pubblika li jitqajmu mill-offerta onlajn ta' servizzi tal-logħob tal-azzard fl-UE, kif ukoll sfidi regolatorji u tekniċi. Il-kwistjonijiet ewlenin ta' politika tal-konsultazzjoni huma:

1. Id-definizzjoni u l-organizzazzjoni tas-servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn il-Green Paper qiegħda tikkonsulta dwar il-vantaġġi ewlenin u/jew diffikultajiet assoċjati mal-koeżistenza fl-UE ta' sistemi jew prattiki nazzjonali differenti għall-għoti ta' liċenzji għal servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn.

2. Servizzi relatati mwettqa u/jew użati mill-fornituri tas-servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn il-Green Paper qiegħda tikkonsulta dwar ir-regoli u l-prattiki relatati mal-komunikazzjoni kummerċjali onlajn, l-identifikazzjoni tal-klijent u r-regolamenti għas-sistemi ta' pagament għas-servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn u l-kontijiet tal-ġugaturi.

3. Għanijiet ta' interess pubbliku

Din it-taqsima tiffoka fuq it-tliet għanijiet li f'livelli differenti, jistgħu jkunu validi għall-Istati Membri mil-lat tal-politiki nazzjonali tagħhom dwar il-logħob tal-azzard onlajn:

  • Il-ħarsien tal-konsumatur: il-konsultazzjoni għandha l-għan li tiġbor it-tagħrif fuq id-dipendenza mil-logħob tal-azzard u l-vizzji kif ukoll dwar il-miżuri li ttieħdu biex jiġu mħarsa l-ġugaturi u jiġu evitati jew limitati dawn il-problemi. Kwistjoni ewlenija oħra hi dwar kif għandu jiġi żgurat il-ħarsien tal-minorenni u l-gruppi vulnerabbli l-oħra. Il-kwistjonijiet li tqajmu huma relatati mal-promozzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-logħob tal-azzard onlajn u s-sistemi preżenti għall-identifikazzjoni tal-klijenti, kemm biex jinfetaħ kont kif ukoll għall-ipproċessar tal-pagamenti.

  • Ordni pubblika: il-Green Paper qiegħda tikkonsulta fuq l-aħjar prattiki biex tiddentifika u tevita l-frodi, il-ħasil tal-flus u atti kriminali oħra.

  • Il-finanzjament ta' attivitajiet u avvenimenti benevolenti u ta' interess pubbliku: Il-konsultazzjoni tħares lejn is-sistemi differenti ta' allokazzjoni ta' dħul għall-attivitajiet ta' interess pubbliku u l-mekkaniżmi għar-ridistribuzzjoni tad-dħul minn servizzi pubbliċi u privati tal-logħob tal-azzard onlajn għall-benefiċċju tas-soċjetà, bħall-arti, l-edukazzjoni u l-isports.

4. L-infurzar:

Hemm suq konsiderevoli illegali għas-servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn fl-UE. Huwa stmat li għal kull sit elettroniku tal-logħob tal-azzard onlajn liċenzjat madwar id-dinja, hemm aktar minn ħames siti elettroniċi mingħajr liċenzja li joffru onlajn poker jew imħatri fuq l-isports. Suq transfruntier illegali huwa attwalment aċċessibbli għal konsumaturi, minħabba t-tolleranza de facto jew in-nuqqas ta' nfurzar effikaċi. Għaldaqstant, il-konsultazzjoni tipprova tevalwa s-sistemi attwali ta' nfurzar u kooperazzjoni transfruntiera bejn l-Istati Membri u informazzjoni fattwali fuq l-effiċjenza tas-sistemi eżistenti ta' mblukkar (bħall-imblukkar tal-pagamenti jew l-iffiltrar tal-isem tad-dominju).

X'inhuma l-passi li jmiss?

Ir-reazzjonijiet għall-Green Paper qed jintlaqgħu sal-31 ta’ Lulju 2011. L-informazzjoni u d-dejta milqugħa fl-aħħar ta' dan il-proċess se jiġu vvalutati bir-reqqa mill-Kummissjoni biex tiġi determinata l-azzjoni ta' segwitu.

Tagħrif ġenerali

Illum is-servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn huma offruti u użati b'mod wiesa' fl-UE u l-valur ekonomiku tal-qasam qiegħed dejjem jikber. Fl-2008, is-servizzi tal-logħob tal-azzard onlajn kienu jammontaw għal dħul annwali li kien jaqbeż is-EUR 6 biljun, jew 7.5  % tas-suq tal-logħob tal-azzard kollu. Din hija l-parti li qiegħda tikber l-aktar malajr fis-suq tal-logħob tal-azzard u fl-2008 kienet mistennija li tirdoppja fid-daqs fi żmien ħames snin.

Fl-istess waqt, is-sitwazzjoni regolatorja għal-logħob tal-azzard tvarja bejn l-Istati Membri. Filwaqt li ċerti Stati Membri jillimitaw jew saħansitra jipprojbixxu l-offerta ta' ċertu logħob tal-azzard, oħrajn għandhom swieq regolati b'mod aktar miftuħ. Għadd ta' Stati Membri dan l-aħħar irrevedew ukoll il-leġiżlazzjoni tagħhom għal-logħob tal-azzard onlajn jew qiegħdin fil-proċess li jagħmlu dan.

Aktar tagħrif:

MEMO/11/186

Dokument ta' ħidma tal-persunal flimkien ma' din il-Green Paper huwa disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni:

http://ec.europa.eu/internal_market/services/gambling_en.htm

Il-partijiet interessati jistgħu jsibu struzzjonijiet ulterjuri fuq kif iwieġbu għal din il-konsultazzjoni fuq is-sit elettroniku msemmi hawn fuq.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website