Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/11/355

Brussell, 23 ta’ Marzu 2011

l-UE bi ħsiebha ssaħħaħ id-drittijiet taċ-ċittadini għall-protezzjoni u l-assistenza konsolari fil-pajjiżi terzi

Matul emerġenzi u kriżijiet, bħal dawk li seħħew fil-Ġappun, il-Libja jew l-Eġittu, iċ-ċittadini tal-UE li jinsabu barra minn pajjiżhom għandhom id-dritt li jitolbu għall-assistenza minn kwalunkwe konsulat jew ambaxxata tal-UE meta l-Istat Membru tagħhom mhuwiex rappreżentat fil-pajjiż. L-Istati Membri tal-UE jridu wkoll jgħinu liċ-ċittadini jevakwaw bħallikieku kienu ċ-ċittadini tagħhom stess. It-Trattati tal-UE u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE jiggarantixxu dan id-dritt, li huwa parti ewlenija miċ-ċittadinanza tal-UE. Il-protezzjoni tkopri wkoll sitwazzjonijiet ta' kuljum, bħal f'każ ta' serq ta' passaport, inċident serju jew mard. Madankollu, ħafna Ewropej ma jafux b'dan id-dritt. Peress li ħafna ċittadini tal-UE qegħdin jgħixu, jivvjaġġaw u jaħdmu barra – l-Ewropej jagħmlu iktar minn 90 miljun vjaġġ barra l-UE kull sena u madwar 30 miljun huma residenti f'pajjiżi mhux tal-UE – huwa iktar importanti minn qatt qabel li jsiru jafu iktar dwar dan id-dritt. Illum, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat Komunikazzjoni dwar il-protezzjoni konsolari f'pajjiżi terzi, fejn tistipula azzjonijiet konkreti fir-rigward ta' kif għandha żżid l-għarfien taċ-ċittadini dwar id-drittijiet tagħhom. Fis-sena li ġejja, il-Kummissjoni se tipproponi miżuri ta' koordinazzjoni biex tiffaċilita l-protezzjoni konsolari ta' kuljum taċ-ċittadini. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qiegħda tniedi sit internet iddedikat għall-protezzjoni konsolari. Dan is-sit internet jipprovdi indirizzi ta' missjonijiet konsolari jew diplomatiċi f'pajjiżi mhux tal-UE u aċċess għas-servizzi ta' pariri dwar l-ivvjaġġar tal-Istati Membri kollha.

"L-Ewropej qegħdin joffru l-għajnuna tagħhom lill-persuni fil-Ġappun u fil-Libja li qed jiffaċċjaw emerġenzi nazzjonali," qalet il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-Ġustizzja tal-UE. "Fost dawn l-isfidi, qegħdiin naraw is-solidarjetà Ewropea fl-azzjoni. L-Istati Membri qegħdin jagħmlu sforz flimkien biex jgħinu jevakwaw iċ-ċittadini ta' xulxin. Peress li iktar ċittadini tal-UE qed jaħdmu u jivvjaġġaw barra minn pajjiżhom, huwa essenzjali li kulħadd ikun jaf minn fejn u kif jista' jġib l-għajnuna f'każ ta' kriżi, irrispettivament mill-pajjiż li jinsab fih u miċ-ċittadinanza tiegħu."

In-numru ta' ċittadini tal-UE li jivvjaġġaw lejn pajjiżi terzi qiegħed jiżdied, b'iktar minn 90 miljun vjaġġ fl-2008, b'paragun mat-80 miljun tal-2005. Iktar minn 30 miljun ċittadin tal-UE jgħixu b'mod permanenti f'pajjiż terz, iżda s-27 Stat Membru kollha huma rappreżentati b'mod diplomatiku fi tliet pajjiżi biss (l-Istati Uniti, iċ-Ċina u r-Russja).

Stħarriġ ta' opinjonijiet juru l-aspettattivi għoljin tal-Ewropej għall-assistenza barra minn pajjiżhom. 62% jistennew l-istess tip ta' għajnuna minn ambaxxata ta' pajjiż ieħor tal-UE li kieku jirċievu minn pajjiżhom stess (ara l-Anness). Madankollu, ħafna Ewropej u uffiċjali konsolari għadhom mhumiex mgħarrfa dwar id-dritt għal tali protezzjoni li wieħed għandu bħala ċittadin tal-UE. Il-Kummissjoni se żżid l-għarfien fost iċ-ċittadini tal-UE u l-uffiċjali konsolari dwar id-dritt li jmorru l-ambaxxati/konsulati ta' Stati Membri oħra, kif jistgħu jilħqu dawn il-faċilitajiet u liema tip ta' għajnuna tista' tiġi offruta. L-Istati Membri jistgħu jinformaw iċ-ċittadini tagħhom dwar dan id-dritt meta joħorġu passaporti ġodda. 20 Stat Membru diġà ddeċidew li jsegwu dan l-approċċ1.

Avvenimenti riċenti li seħħew fil-Ġappun, fil-Libja u f'Ħaiti wrew l-importanza ta' appoġġ konsolari għal ċittadini barranin li jinqabdu f'sitwazzjonijiet ta' kriżi barra minn pajjiżhom. Kien hemm madwar 6,000 ċittadin tal-UE fil-Libja meta faqqgħet l-kriżi, iżda tmien Stati Membri biss għandhom rappreżentanzi hemm. Fid-9 ta' Marzu 2011, 1,345 ċittadin tal-UE kienu għadhom preżenti. L-għajnuna kienet ikkoordinata permezz ta' telekonferenzi u s-sit internet sigur taċ-Ċentru tas-Sitwazzjonijiet Konġunt tal-UE. L-Istati Membri kienu qegħdin jipprovdu liċ-ċittadini ta' xulxin b'Dokumenti ta' Vvjaġġar ta' emerġenza u għamlu postijiet disponibbli fuq ajruplani ta' evakwazzjoni għal ċittadini ta' pajjiżi oħra tal-UE. F'Ħaiti, madwar 2,700 ċittadin tal-UE ġew affettwati mit-terremot fl-2010, iżda nofs il-pajjiżi tal-UE biss kellhom rappreżentanzi diplomatiċi Fil-Ġappun, fejn Malta u Ċipru biss mhumiex rappreżentati, madwar 1,000 ċittadin ikkuntattjaw is-servizzi konsolari nazzjonali u talbu għall-assistenza biex jitilqu mill-Ġappun. Il-Ġermanja għenet biex iċ-ċittadini Ġermaniżi u mill-inqas 18-il ċittadin tal-UE oħra jiġu evakwati mill-belt ta' Sendai permezz ta' karozza tal-linja mikrija.

Is-solidarjetà Ewropea kienet essenzjali f'dawn l-emerġenzi. Fil-Libja, l-UE ħadet azzjoni minnufih u tat bidu għall-Mekkaniżmu ta' Protezzjoni Ċivili, li jgħin il-koordinazzjoni u l-kofinanzjament tal-ispejjeż tat-trasport għall-evakwazzjoni. Bħala riżultat, l-Ungerija – biex nagħtu eżempju wieħed – ġarret bl-ajru 29 Rumen, 27 Ungeriż, 20 Bulgaru, tmien Ġermaniżi, sitt Ċeki u sitt ċittadini oħra tal-UE u mhux tal-UE minn Tripli. L-ebda ċittadin tal-UE ma għandu jitħalla lura. Id-Delegazzjonijiet tal-UE, bħala parti mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, jistgħu wkoll iżidu l-għarfien taċ-ċittadini dwar il-protezzjoni tal-Istati Membri u jipprovdu appoġġ. Dan diġà kien il-każ matul il-kriżi f'Gaża fl-2009 meta kważi 100 persuna ġew evakwati f'karozzi tal-linja blindati permezz tal-appoġġ tad-Delegazzjoni tal-UE.

Filwaqt li huwa kruċjali fi kriżi, id-dritt għall-protezzjoni konsolari japplika wkoll f'sitwazzjonijiet iktar ta' kuljum bħal pereżempju f'każ ta' passaport mitluf jew misruq, inċident serju jew mard jew wara reat vjolenti. Madankollu, il-liġijiet konsolari tal-Istati Membri jvarjaw. Skont lil liema pajjiż iċ-ċittadin tal-UE jitlob għajnuna, il-livell ta' protezzjoni offrut jista' jkun differenti. L-Istati Membri jistgħu jagħtu avvanzi finanzjarji l-iktar għal ammonti żgħar (bħal pereżempju għall-vjaġġ lura d-dar jew ħotel). Stat Membru li jassisti, l-ewwel irid jitlob awtorizzazzjoni minn qabel lill-pajjiż ta' appartenenza taċ-ċittadin, li mbagħad jagħti l-flus lura lill-pajjiż. Il-pajjiż ta' appartenenza taċ-ċittadin jista' mbagħad isaqsi għall-ħlas lura miċ-ċittadin.

L-Istati Membri huma wkoll ikkompensati meta jevakwaw ċittadini tal-UE mhux rappreżentati. Madankollu, fil-prattika, ir-regoli attwali dwar ir-rimbors ħafna drabi ma jiġux applikati. Sabiex tiżgura assistenza ugwali taċ-ċittadini tal-UE mhux rappreżentati u biex tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jassumu rwol iktar proattiv matul kriżijiet li fihom ma kienux involuti ċ-ċittadini tagħhom stess, il-Kummissjoni qed teżamina kif se tiffaċilita u tissimplifika iktar il-proċeduri ta' rimbors.

Il-Kummissjoni se tagħmel ukoll proposti legali fit-tnax-il xahar li ġejjin biex:

  • ittejjeb iċ-ċertezza legali dwar l-ambitu, il-kundizzjonijiet u l-proċeduri relatati mal-protezzjoni konsolari u ttejjeb l-użu tar-riżorsi, inkluż fi żmien ta' kriżi.

  • tistabbilixxi l-miżuri ta' koordinazzjoni u kooperazzjoni meħtieġa biex tiffaċilita l-protezzjoni konsolari ta' kuljum għaċ-ċittadini tal-UE mhux rappreżentati u tindirizza l-kwistjoni tal-kumpens finanzjarju tal-protezzjoni konsolari f'sitwazzjonijiet ta' kriżi.

Sfond

It-Trattati tal-UE jiggarantixxu liċ-ċittadini tal-UE kollha d-dritt għal trattament ugwali dwar il-protezzjoni mill-awtoritajiet diplomatiċi u konsolari ta' kwalunkwe Stat Membru meta jkunu qegħdin jivvjaġġaw jew jgħixu barra mill-UE u pajjiżhom ma jkunx rappreżentat (ara l-Artikoli 20(2)(c) u 23 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; L-Artikolu 46 tal-Karta tal-UE tad-Drittijiet Fundamentali). Kważi f'kull pajjiż fid-dinja, mill-inqas pajjiż wieħed tal-UE mhuwiex rappreżentat.

Fir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza ta' Ottubru 2010 (ara IP/10/1390 u MEMO/10/525), il-Kummissjoni impenjat ruħha biex iżżid l-effettività tad-dritt taċ-ċittadini tal-UE biex ikunu megħjuna f'pajjiżi terzi, inkluż fi żminijiet ta' kriżi, mill-awtoritajiet diplomatiċi u konsolari tal-Istati Membri kollha, billi tipproponi miżuri leġiżlattivi u billi tinforma aħjar iċ-ċittadini permezz ta' sit internet dedikat u miżuri ta' komunikazzjoni mmirati.

Għal aktar informazzjoni

    Is-sit internet tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-protezzjoni konsolari:

    http://ec.europa.eu/consularprotection

    Il-paġna ewlenija tal-Viċi President Viviane Reding, Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/index_en.htm

ANNESS

L-aspettattivi taċ-Ċittadini tal-UE dwar l-assistenza tal-protezzjoni konsolari

Dispożizzjonijiet Rilevanti tat-Trattat

L-Artikolu 20 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

1. Qed tiġi stabbilita ċ-Ċittadinanza tal-Unjoni. Kull persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta'

Stat Membru għandha tkun ċittadin tal-Unjoni. Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni għandha tiżdied maċ-ċittadinanza nazzjonali u ma tissostitwixxihiex.

2. Iċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom igawdu d-drittijiet u jintrabtu bid-dmirijiet previsti fit-

Trattati.

Huma għandhom, fost l-oħrajn:

(…)

c) id-dritt li, fit-territorju ta' pajjiż terz fejn l-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini ma jkunx rappreżentat, igawdu mill-protezzjoni tal-awtoritajiet diplomatiċi u konsolari ta' kwalunkwe Stat Membru, taħt l-istess kondizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta' dak l-Istat;

(…)

Dawn id-drittijiet għandhom ikunu eżerċitati skont il-kondizzjonijiet u fil-limiti definiti fit-Trattati u permezz tal-miżuri adottati għall-applikazzjoni tagħhom.

L-Artikolu 23 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Kull ċittadin tal-Unjoni għandu, fit-territorju ta' pajjiż terz li fih m'hemmx rappreżentanza tal-Istat Membru li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza, ikun intitolat għall-protezzjoni mill-awtoritajiet diplomatiċi jew konsolari ta' kwalunkwe Stat Membru, taħt l-istess kondizzjonijiet li japplikaw għall-persuni li jkollhom iċ-ċittadinanza ta' dak l-Istat. L-Istati Membri għandhom jieħdu d-dispożizzjonijiet meħtieġa u jibdew in-negozjati internazzjonali meħtieġa sabiex jiżguraw din il-protezzjoni.

Il-Kunsill, li jaġixxi skont il-proċedura leġislattiva speċjali u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, jista' jadotta direttivi li jistabbilixxu l-miżuri ta' koordinazzjoni u ta' koperazzjoni meħtieġa sabiex jiffaċilitaw din il-protezzjoni.

L-Artikolu 46 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

Il-protezzjoni diplomatika u konsolari

Kull cittadin tal-Unjoni għandu, fit-territorju ta' pajjiż terz li fih l-Istat Membru li tiegħu jkun ċittadin ma jkunx rappreżentat, igawdi mill-protezzjoni tal-awtoritajiet diplomatiċi jew konsolari ta' kull Stat Membru, bl-istess kondizzjonijiet taċ-ċittadini ta' dak l-Istat Membru.

1 :

L-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi Baxxi, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja, l-Isvezja, Spanja, u r-Renju Unit.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website