Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/11/32

Brussell, 13 ta’ Jannar 2011

L-Aġenda Diġitali: stħarriġ jenfasizza l-punti b'saħħithom u l-punti dgħajfin tal-programmi ta' kontroll għall-ġenituri

Riżultati minn studju rrilaxxat llum mill-Kummissjoni Ewropea juru li filwaqt li persentaġġ b'saħħtu ta' 84 % tal-programmi tas-softwer ittestjati jippermettu lill-ġenituri jibblukkaw l-aċċess għal ċertu websajts, huma inqas effiċjenti biex jiffiltraw l-hekk magħruf kontenut web 2.0 bħas-siti tan-netwerking soċjali jew il-blogs. Barra minn hekk, ftit prodotti biss fuq is-suq huma kapaċi jiffiltraw il-kontenut web aċċessat permezz ta' telefons ċellulari u logħbiet consoles, fi żmien meta tifel jew tifla wieħed/waħda minn erbgħa fl-Ewropa jkunu onlajn b'dan il-mod. Fl-istess ħin, l-istħarriġ EUKidsOnline iffinanzjat ukoll mill-Programm tal-UE għal Internet Iktar Sikur, sab li kwart biss mill-ġenituri tal-UE jużaw softwer ta' kontroll għall-ġenituri biex jimmonitorjaw, jittrekkjaw u jiffiltraw x'jistgħu jagħmlu uliedhom onlajn. Il-pubblikazzjoni ta' dawn l-istħarriġiet isservi wkoll għas-sensibilizzazzjoni tal-importanza li nipproteġu lit-tfal tagħna minn ċertu kontenut tal-Internet filwaqt li jagħti lill-ġenituri perspettiva oġġettiva li huma s-softwer ta' kontroll għall-ġenituri l-iktar effikaċi Il-Kummissjoni hija impenjata li tgħin lill-ġenituri u lit-tfal tagħhom biex ikunu sikuri onlajn bħala parti mill-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (ara IP/10/581, MEMO/10/199 u MEMO/10/200).

L-istudju ppubblikat illum analizza 26 għodda ta' kontroll għall-ġenituri għall-kompjuters personali, 3 għal-logħbiet consoles u 2 għat-telefons ċellulari. L-istudju sab li s-softwer eżistenti huwa tajjeb biex jiffiltra kontenut adult onlajn, iżda għad hemm mill-inqas 20 % ċans li websajts b'materjal mhux adattat għat-tfal u speċjalment dawk li jinkoraġġixxu lit-tfal jagħmlu ħsara lilhom infushom (siti li jippromwovu l-anoreksja, is-suwiċidju u l-awtomutilazzjoni) jistgħu jgħaddu mill-filtri tagħhom. Fl-istess ħin, siti oħra li jinkludu kontenut speċifikament għat-tfal huma blukkati. Ftit għodod biss huma kapaċi jiffiltraw il-kontenut web 2.0 (bħas-siti tan-netwerking soċjali, forums u blogs), jibblukkaw messaġġi istantanji jew protokolli ta' ċċettjar jew li jiffiltraw il-listi ta' kuntatt.

Fir-rigward tal-kontrolli għall-ġenituri għat-telefons intelliġenti u logħbiet consoles, mhux il-prodotti kollha fis-suq huma kapaċi jiffiltraw kontenut web għalkemm 31 % tat-tfal fl-Ewropa jaċċessaw l-internet permezz tat-telefons ċellulari tagħhom u 26 % jmorru onlajn permezz tal-logħbiet consoles.

L-Ingliż hija l-iktar lingwa komuni għall-għodod ta' kontroll għall-ġenituri, filwaqt li l-għażla ta' għodod għal lingwi oħra hija limitata.

Kwart biss mill-ġenituri jużaw għodod ta' kontroll għall-ġenituri

L-istħarriġ EUKidsOnline ippubblikat illum ukoll juri li madwar kwart mill-ġenituri jibblukkaw jew jiffiltraw websajts (28 %) u/jew jittrekkjaw il-websajts li jkunu żaru t-tfal tagħhom (24 %). Madankollu, hemm differenza sinifikanti bejn l-Istati Membri li tvarja minn 54 % fir-Renju Unit għal 9 % fir-Rumanija.

Minbarra l-użu tal-kontrolli għall-ġenituri, 70 % tal-ġenituri li għamlu l-istħarriġ qalu li jitkellmu ma’ wliedhom dwar x'jagħmlu fuq l-Internet. 58 % tal-ġenituri jgħidu li jibqgħu viċin uliedhom meta jkunu qed jużaw l-Internet. Iktar min-nofs il-ġenituri jieħdu wkoll passi pożittivi bħal pereżempju jissuġġerixxu kif għandhom iġibu ruħhom ma' persuni oħra onlajn (56 %) u jiddiskutu suġġetti li jistgħu jkunu qed idejqu lit-tfal (52 %).

Skont il-Programm għal Internet Iktar Sikur tal-UE, il-Kummissjoni se tkompli tiffinanzja reviżjoni ta' softwer ta' kontroll għall-ġenituri kull sitt xhur sal-aħħar tal-2012 u se timmonitorja l-progress. Bażi tad-dejta fejn il-ġenituri jistgħu jfittxu għodda ta' kontroll għall-ġenituri l-iktar xierqa għall-bżonnijiet tagħhom hija disponibbli fuq www.yprt.eu/sip.

Il-Kummissjoni se tappoġġja wkoll l-għoti tas-setgħa lit-tfal u lill-ġenituri tagħhom permezz tal-iffinanzjar ta' Ċentri ta' Internet Iktar Sikur li se jiċċelebraw il-Ġurnata ta' Internet iktar Sikur nhar it-Tlieta 8 ta' Frar 2011. L-avveniment se jinvolvi wkoll avvenimenti lokali u nazzjonali fl-Ewropa kollha u fid-dinja. L-avvenimenti se jkunu għat-tfal, iżda anke għall-ġenituri u l-għalliema li jridu jitgħallmu kif jgħinu jżommu t-tfal sikuri onlajn.

Sfond

Il-proġett "Valutazzjoni komparattiva ta' għodod ta' kontroll għall-ġenituri għall-protezzjoni onlajn tat-tfal" kien iffinanzjat mill-Programm tal-UE għal Internet Iktar Sikur mill-2006.

L-għodod inklużi f'dan il-proġett kienu analizzati b'konfigurazzjonijiet għal żewġ gruppi ta' età. Minn 10 snin 'l isfel u minn 11-il sena 'l fuq bl-Ingliż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, it-Taljan, il-Pollakk u l-Ispanjol bejn Settembru u Ottubru 2010. L-għodod kienu ttestjati skont 4 kriterji:

  • Funzjonalità: l-għodda hija kompatibbli mas-sistemi operattivi (pereżempju Windows, Linux, Mac Os)? Tista' tiffiltra kontenut web skont kliem ewlieni, suġġetti, URLs? Tista' tibblokka jew timmonitorja aċċess għall-Internet, emails, chats, għodod ta' messaġġi istantanji?

  • Sigurtà: tista' l-għodda tkun diżattivata faċilment jew maqbuża minn żgħażagħ li huma intelliġenti ħafna fit-teknoloġija?

  • Effikaċja: tista' l-għodda tibblokka b'mod sħiħ il-websajts b'materjal mhux adattat għat-tfal jew dawn is-siti xorta jistgħu jkunu aċċessati? Tibblokka kontenut tajjeb għat-tfal? Hija disponibbli f'lingwi li l-utenti għandhom kunfidenza magħhom? Tista' tiffiltra blogs, forums u siti ta' netwerking soċjali?

  • Utilizzabbiltà: Jistgħu kemm l-utenti l-ġodda kif ukoll dawk avvanzati jinstallaw l-għodda fuq il-kompjuter tagħhom? Il-proċess tal-istallazzjoni huwa kkumplikat wisq? Huwa faċli għall-ġenituri u għat-tfal biex jifhmu meta websajt kienet ibblukkata?

L-istħarriġ EUKidsOnline sar f'25 pajjiż fost iktar minn 25 000 tifel u tifla u wieħed mill-ġenituri tagħhom bejn April u Awwissu 2010. L-istħarriġ huwa parti mill-proġett EUKidsOnline II iffinanzjat mill-Programm għal Internet Iktar Sikur u kkoordinat mil-London School of Economics and Political Science. Ir-riżultati inizjali kienu rilaxxati f'Ottubru 2010 (ara IP/10/1368).

Għal aktar tagħrif:

Ir-rapport sħiħ tal-Programm Internet Iktar Sikur dwar "Valutazzjoni komparattiva ta' għodod ta' kontroll għall-ġenituri għall-protezzjoni onlajn tat-tfal" huwa disponibbli onlajn:

http://ec.europa.eu/information_society/activities/sip/projects/filter_label/sip_bench2/index_en.htm

Ir-rapport sħiħ tal-EUKidsOnline huwa disponibbli onlajn:

www.eukidsonline.net

Ġurnata ta’ Internet Iktar Sikur 2011:

http://saferinternet.org/web/guest/safer-internet-day-2011-kit

Anness:

Grafika 79: L-użu mill-ġenituri ta' kontrolli għall-ġenituri jew mezzi oħra ta' bblukkar jew iffiltrar ta' xi tipi ta' websajts, skont il-pajjiż

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED

QC331: Wieħed mill-ġenituri tiegħek jagħmel użu minn dawn li ġejjin? Użu ta' kontrolli għall-ġenituri jew mezzi oħra ta' bblukkar jew iffiltrar ta' xi tipi ta' websajts.

QP224: Inti tuża xi wieħed minn dawn li ġejjin? Użu ta' kontrolli għall-ġenituri jew mezzi oħra ta' bblukkar jew iffiltrar ta' xi tipi ta' websajts

Bażi: It-tfal kollha li jużaw l-internet id-dar u wieħed mill-ġenituri tagħhom:


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website