IP/11/328
Brussell, it-18 ta’ Marzu 2011
Il-Kummissarju Dacian Cioloş ser iżur iċ-Ċina biex jagħmel promozzjoni ta’ ikel Ewropew ta’ kwalità
Dacian Cioloş, il-Kummissarju għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, ser iżur iċ-Ċina bejn nhar il-Ħadd l-20 ta’ Marzu u l-Ġimgħa il-25 ta’ Marzu biex jagħmel promozzjoni ta' prodotti tal-ikel u tax-xorb Ewropew ta’ kwalità li għandhom Indikazzjonijiet Ġeografiċi (IĠ) Il-Kummissarju ser ikun akkumpanjat minn delegazzjoni ta' 30 kap eżekuttiv minn kumpaniji tal-ikel u tax-xorb minn madwar l-Unjoni Ewropea, li jirrappreżentaw firxa wiesgħa attraenti ta' prodotti ta' fama mondjali. Permezz ta' laqgħat mal-amministrazzjoni Ċiniża, il-Kummissarju ser ikun qed jesplora wkoll il-possibbiltajiet ta' rikonoxximent reċiproku ta' ikel u xorb li jkollhom IĠ u li jkunu ġejjin miċ-Ċina u mill-Ewropa. Il-Kummissarju Cioloş ser jieħu sehem ukoll f'avvennimenti ta’ kooperazzjoni bejn in-negozju u l-Gvern dwar l-agrikoltura u l-IĠs, u ser iniedi uffiċjalment l-inizjattiva ewlenija tal-Proġett Kummerċjali bejn l-UE u ċ-Ċina, wieħed mill-akbar proġetti kummerċjali li qatt saru mill-UE. Flimkien mar-rappreżentanti tan-negozju, il-Kummissarju ser iżur Shanghai, Hangzhou, Suzhou u Beijing – inkluża żjarja f'reġjun fejn jitkabbar it-té Long Jing li għandu fama mondjali – biex isir jaf aktar dwar it-tradizzjonijiet gastronomi li jiġu ċċelebrati u jiskopri r-rikkezza taċ-Ċina rurali.
Qabel din iż-żjara importanti, il-Kummissarju tal-UE Cioloş, qal: "L-għan tagħna f'din iż-żjara hu li noħolqu interess dwar il-prodotti ta' kwalità mill-Ewropa fost il-konsumatur Ċiniż. Issa għandna aktar minn 3 200 prodott ta' ikel, nbid u spirti reġistrati li ngħataw status speċjali bħal IĠs minħabba li ġew prodotti kollha kemm huma jew f'parti minnhom f'żona ġeografika speċifika billi ntużaw ħiliet u tradizzjonijiet rikonoxxuti. Sfortunatament, ħafna drabi, l-esperti biss huma konxji mill-eżistenza ta' dawn il-prodotti. Nittama li ż-żjara tagħna tgħin biex din is-sitwazzjoni tinbidel."
Iċ-Ċina wkoll għandha rikkezza ta' prodotti tradizzjonali u l-Kummissarju Cioloş ser jiltaqa' mal-Ministri Ċiniżi biex jiddiskuti kif l-aħjar jistgħu jiġu protetti b'mod reċiproku dawn it-titli u biex issir promozzjoni tal-kummerċ tagħhom, fis-swieq tal-UE u taċ-Ċina. Il-Kummissarju ser jiltaqa' ma' membri prominenti tal-Gvern Ċiniż, li jinkludu l-Viċi Prim Ministru (responsabbli mill-agrikoltura) Hui Liangyu, il-Ministru tal-Agrikoltura Han Changfu, il-Ministru tal-Kummerċ Chen Deming, il-Ministru Zhi Shuping tal-Amministrazzjoni Ġenerali Ċiniża għas-Superviżjoni ta' Kwalità, l-Ispezzjoni u l-Kwarantina (AQSIQ) kif ukoll il-Viċi Ministru Fu Shuangjian tal-Amministrazzjoni tal-Istat għall-industrija u l-Kummerċ (SAIC).
L-ikel Ċiniż hu ferm popolari fl-Ewropa. Studju li kien sar fl-2006 jindika li l-ikel Ċiniż u dak orjentali huma l-aktar ikel esteru popolari fl-Unjoni Ewropea bi 42% tas-sehem mis-suq, li juri li hemm ħafna entużjażmu għall-prodotti Ċiniżi fl-Ewropa. Il-kummerċ bejn l-UE u ċ-Ċina fil-prodotti agrikoli żdied b'mod sostanzjali fis-snin riċenti – l-esportazzjonijiet tal-UE fl-2010 żdiedu b'50% meta mqabbla mal-livelli tal-2009 [ara t-tabella fl-anness 1].
F'Shangai,Is-Sur Cioloş ser jagħti premju lil uħud mill-aqwa koki tal-belt waqt wirja tat-tisjir li fiha ser ikunu qed jikkompetu biex joffru tisjir kreattiv oriġinali li jkun fih taħlita ta' influenza Ewropea u Ċiniża. Ser iħabbar ukoll ġimgħa ta' promozzjoni ta' prodotti Ewropej bl-IĠ f'diversi ristoranti famużi ta' Shangai.
Għal iktar tagħrif:
Dettalji sħaħ tal-programm jinsabu f' www.gi-visit-press.eu
Anness 1: Kummerċ bejn iċ-Ċina u l-UE fi prodotti agrikoli bejn l-2005 u l-2010 (f'EUR biljuni)
Anness 2: Delegazzjoni tan-negozjanti
Anness1: Kummerċ bejn iċ-Ċina u l-UE fi prodotti agrikoli bejn l-2005 u l-2010 (f'EUR biljuni)
2005 | 2006 | 2007 | 2008 | 2009 | 2010 | |
Esportazzjonijiet tal-UE | 1 232 | 1 375 | 1 625 | 1 797 | 2 160 | 3 263 |
Importazzjonijiet tal-EU | 2 618 | 2 948 | 3 447 | 3 721 | 3 232 | 3 914 |
Bilanċ kummerċjali | -1 386 | -1 573 | -1 822 | -1 924 | -1 072 | - 651 |
Anness 2: Delegazzjoni tan-negozjanti
Prodotti b'IĠ irrappreżentati | Stat Membru |
Baena (żejt taż-żebbuġa) | ES |
Bayerisches Bier (birra) | DE |
Bordeaux (nbid) | FR |
Cesko-budejovice pivo (birra) | CZ |
Cognac | FR |
Comté (ġobon) | FR |
Feta (ġobon) | EL |
Grana Padano (ġobon) | IT |
Grappa | IT |
Irish Whiskey | IE |
Vodka Litwana | LT |
Loukoumi Geroskipou (ħelu) | CY |
Vodka Pollakka | PL |
Porto | PT |
Prosciutto di Parma (perżut) | IT |
Rioja (nbid) | ES |
Roquefort (ġobon) | FR |
Scotch Beef/Scotch Lamb | UK |
Scottish Farmed Salmon | UK |
Sitia Olive Oil | EL |
Stilton (ġobon) | UK |
Vodka Żvediża | SE |
Tarnave (nbid) | RO |
Tokaj (imbid) | HU |
Welsh Beef and Welsh Lamb | UK |
West Country Farmhouse Cheddar (ġobon) | UK |