Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

IP/11/321

Brussell, is-17 ta’ Marzu 2011

Il-Kummissjoni qed tipproponi riforma għall-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF)

Illum, Il-Kummissjoni Ewropea adottat proposta għal riforma tal-Uffiċċju tal-UE Kontra l-Frodi, OLAF. L-għan hu biex tkun imtejba l-effiċjenza, l-effikaċja u l-kontabbiltà tal-OLAF, filwaqt li tkun issalvagwardjata l-indipendenza investigattiva tal-Uffiċċju. Sa mit-twaqqif tiegħu fl-1999, l-OLAF wettaq madwar 4500 investigazzjoni u kien ta’ kontribut kbir għall-protezzjoni tal-baġit tal-UE kontra l-attivitajiet ta’ frodi. Madanakollu, hemm bżonn ta’ aktar titjib biex l-OLAF ikollu l-għajnuna biex jaħdem bil-potenzjal sħiħ tiegħu. Il-Kummissjoni qed tindirizza ċerti kwistjonijiet ewlenin billi tipproponi li ssaħħaħ il-kapaċità tal-OLAF biex jikkumbatti l-frodi b’riżultati massimi. Il-proposti tal-lum jinkludu miżuri biex jiġi żgurat li l-investigazzjonijiet tal-OLAF jitwettqu u jkun hemm segwitu tagħhom b’mod aktar effiċjenti, biex id-drittijiet tal-persuni taħt investigazzjoni jkunu mħarsa u biex tkun rinfurzata l-kooperazzjoni bejn l-OLAF u l-imsieħba strateġiċi tiegħu fil-ġlieda kontra l-frodi. Issa l-proposta ser tgħaddi għand il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għall-ftehim skont il-proċedura ta' kodeċiżjoni.

Algirdas Šemeta, il-Kummissarju responsabbli Kontra l-Frodi, qal: “L-OLAF huwa s-sinsla tal-protezzjoni tal-baġit tal-UE u tal-ġlieda kontra l-frodi. Permezz ta’ din il-proċedura ta’ riforma, għandna l-ħsieb li nkomplu nsaħħuh aktar, nagħmluh aktar effiċjenti u aktar kapaċi, għall-benefiċċju ta’ kull ċittadin Ewropew.”

Viviane Reding, il-Viċi-President u l-Kummissarju tal-Ġustizzja tal-UE, qalet “Hemm bżonn li jkun hemm aktar regoli proċedurali u salvagwardji b'saħħithom biex ikunu żviluppati investigazzjonijiet aktar ġusti u aktar effettivi, fl-interess tal-protezzjoni tal-flus taż-żittadini Ewropej li jħallsu t-taxxi.”

Rinforż tal-kontabbiltà

Aspett importanti tal-proposti tal-lum jinsab bit-tisħiħ tal-garanziji proċedurali (jiġifieri r-rispett tad-drittijiet fundamentali) għal kwalunkwe persuna li tkun taħt investigazzjoni mill-OLAF. Il-persuni kollha jeħtieġ li jkunu konxji tad-drittijiet tagħhom meta jkunu taħt investigazzjoni. Dawn jinkludu d-dritt li l-persuna jkollha sommarju għall-kwistjoni dwar liema tkun qed tiġi investigata u li ssemma’ leħinha qabel ma jitfasslu l-konklużjonijiet, id-dritt li tkun mgħejuna minn persuna tal-għażla tagħha u d-dritt li tintuża lingwa uffiċjali tal-UE tal-għażla tagħha. Għandu jkun stabbilit ukoll proċess ta' reviżjoni meta jiġu mittiefsa d-drittijiet proċedurali. Il-Kumitat ta' Sorveljanza ser ikompli jissorvelja l-attivitajiet tal-OLAF, billi jiżgura li l-investigazzjonijiet tiegħu jitwettqu b'indipendenza sħiħa u jkunu konformi mar-regoli u l-proċeduri stabbiliti.

Titjib fl-effiċjenza

Waħda mill-problemi preżenti fil-ġlieda kontra l-frodi fuq livell tal-UE hija l-livell diżappuntanti tas-segwitu ġudizzjarju minn uħud mill-Istati Membri għall-investigazzjonijiet tal-OLAF. Il-Kummissjoni qed tfittex li tindirizza din l-problema billi tintensifika l-kooperazzjoni bejn l-OLAF u l-awtoritajiet tal-Istati Membri u billi tipprovdi skambju ta' aktar informazzjoni għall-każi u għall-prosekuzzjonijiet marbuta magħhom. Kull Stat Membru qed jintalab li jaħtar persuna ta' kuntatt, biex tkun tista' tiffaċilita l-kooperazzjoni tal-awtoritjaiet nazzjonali mal-OLAF. Barra minn hekk, mat-talba, l-Istati Membri għandhom jagħmlu rapport dwar il-miżuri li jittieħdu b'rispons għar-rapporti tal-każi tal-OLAF.

Biex l-OLAF isir aktar effiċjenti fix-xogħol tiegħu, il-Kummissjoni ipproponiet li jekk fi żmien 12-il xahar l-investigazzjonijiet ma jitlestewx, l-Uffiċċju għandu jinforma lill-Kumitat ta' Superviżorju bir-raġuni għaliex tkun meħtieġa estensjoni għall-iskadenza.

Id-Direttur Ġenerali tal-OLAF ser jibqa' jkun finalment responsabbli biex jiddeċiedi liema investigazzjonijiet għandu jwettaq l-OLAF. Madanakollu, il-Kummissjoni qed tipproponi li għandha tiġi stabbilita entità interna fi ħdan l-OLAF, biex tgħin f'dawn id-deċiżjonijiet. Sabiex ikun żgurat l-aqwa użu tar-riżorsi tal-OLAF, il-proposta qed tikkjarifika r-regola "de minimis" għad-deċiżjoni dwar l-investigazzjonijiet. Dan ifisser li l-OLAF għandu jkun iggwidat mill-impatt finanzjarju tal-frodi suspettat meta jistabbilixxi l-prijorità operattiva tiegħu. Meta jkun ta’ effiċjenza akbar, każ għandu jiġi investigat fuq il-livell tal-istituzzjoni, tal-aġenzija, jew tal-entità kkonċernata, aktar milli mill-OLAF.

Titjib fil-kooperazzjoni

Il-Kummissjoni qed tisħaq fuq il-ħtieġa bież tinżamm l-indipendenza sħiħa għall-OLAF fl-investigazzjonijiet tiegħu. Fl-istess ħin, jeħtieġ li jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib u skambji ta’ informazzjoni bejn l-Uffiċċju Kontra l-Frodi u l-istituzzjonijiet tal-UE, sabiex tkun żgurata l-aqwa protezzjonijiet possibbli għall-interessi finanzjarji tal-UE. Qed tiġi stabbilita proċedura flessibbli għall-iskambju tal-opinjonijiet bejn l-OLAF u l-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament u l-Kunsill. L-għan hu li l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jiddiskutu l-prijoritajiet strateġiċi tal-OLAF, u jagħtu l-opinjonijiet tagħhom dwar l-effikaċja tax-xogħol li l-OLAF ikun qed twettaq. Dan għandu jgħin biex ikun żgurat li jkun hemm deskrizzjoni ġenerali dwar kif l-OLAF qed jiffunżjona u għal tmexxija aħjar tal-Uffiċċju.

Minħabba l-livell għoli tar-riżorsi tal-UE ddedikati għar-relazzjonijiet esterni u l-għajnuna internazzjonali, ir-rwol tal-OLAF li jkun hemm protezzjoni tal-baġit tal-UE jestendi lil hinn mill-fruntieri tal-UE. Il-kooperazzjoni bejn l-OLAF u l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi hi kruċjali għall-operazzjonijiet ta’ suċċess barra mill-UE. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qed tipproponi li l-OLAF għandu jkollu l-mandat li jikkonkludi l-arranġamenti amministrattivi mas-servizzi kompetenti f’pajjiżi terzi, b’koordinazzjoni mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u s-servizzi rilevanti tal-Kummisjoni.

Il-Kooperazzjoni mal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) u l-unità Ewropea tal-kooperazzjoni ġudizzjarja (Eurojust) hi ugwalment importanti u għandha tiġi rinfurzata. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll li tagħti lill-OLAF il-mandat biex jikkonkludi l-arranġamenti amministrattivi ma' dawn iż-żewġ organizzazzjonijiet.

Għas-sit elettroniku tal-OLAF, ikklikja hawn.

Għas-sit elettroniku tal-Kummissarju Šemeta, ikklikja hawn.

Memo/11/176


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site