Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tipproponi drittijiet ta’ proprjetà aktar ċari għas-16-il miljun koppja internazzjonali li hemm fl-Ewropa

European Commission - IP/11/320   16/03/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/11/320

Brussell, is-16 ta’ Marzu 2011

Il-Kummissjoni tipproponi drittijiet ta’ proprjetà aktar ċari għas-16-il miljun koppja internazzjonali li hemm fl-Ewropa

X’jiġri minn darek jekk tiddivorzja u l-konjuġi tiegħek ikollu nazzjonalità oħra? X’jiġri minn kont tal-bank konġunt jekk il-konjuġi jmut? X’jiġri f’każijiet bħal dawn jekk inti u l-konjuġi tiegħek ikollkom l-istess nazzjonalità, imma jkollkom proprjetà jew kont tal-bank barra? Fl-Ewropa hemm madwar 16-il miljun koppja internazzjonali u, kull sena, minn tal-anqas 650,000 minnhom iħabbtu wiċċhom ma’ dawn il-kwistjonijiet meta ż-żwieġ jew is-sħubija tagħhom jaslu fit-tmiem tagħhom. Iċ-ċittadini jitilfu l-ħin u l-flus waqt li jkunu qed jippruvaw jidentifikaw liema liġi tapplika għall-każ tagħhom u liema qorti għandha l-kompetenza biex tkun tista' tgħinhom. Id-diverġenzi bejn il-liġijiet tas-27 Stat Membru jservu ta' inċentiv għal “forum shopping” jew għal tellieqa biex parti tressaq il-każ l-ewwel quddiem qorti. Dan jiġri meta wieħed mill-konjuġi – normalment l-aktar wieħed sinjur minnhom – jgħaġġel biex iressaq il-każ quddiem dik il-qorti li jemmen li toffri l-aktar eżitu vantaġġjuż għalih. Il-Kummissjoni Ewropea għalhekk qiegħda tipproponi regoli li japplikaw għall-UE kollha biex iġġib ċarezza legali fir-rigward tad-drittijiet ta’ proprjetà għall-koppji internazzjonali miżżewġin u għas-sħubijiet reġistrati li jkollhom dimensjoni internazzjonali. Iż-żewġ Regolamenti proposti għandhom jgħinu biex jiġu identifikati l-liġi li għandha tapplika għad-drittijiet ta’ proprjetà tal-koppja u l-qorti responsabbli. Ir-Regolamenti jipprovdu wkoll għal regoli dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi tal-qrati dwar il-proprjetà tal-koppja fl-Istati Membri kollha tal-UE permezz ta’ proċedura waħda. Il-proposti huma l-ewwel element li għandu jitwettaq mir-Rapport tal-Kummissjoni dwar iċ-Ċittadinanza ta' Ottubru 2010 (IP/10/1390 u MEMO/10/525), li ddeskriva 25 ostakolu prattiku prinċipali li l-Ewropej għadhom jiffaċċjaw fil-ħajja tagħhom ta' kuljum. Il-proposti tal-lum huma l-pass loġiku li jmiss wara l-ftehim li ntlaħaq f'qasir żmien is-sena l-oħra dwar leġiżlazzjoni tal-UE biex jiġi ddeterminat il-pajjiż li r-regoli tiegħu japplikaw għal każijiet transkonfinali ta' divorzju (IP/10/347 u MEMO/10/695).

"Il-mewt ta’ konjuġi jew id-divorzju huma avvenimenti trawmatiċi għal kulħadd. Iċ-ċittadini ma għandhomx ikunu mxekkla saħansitra aktar minn proċedimenti amministrattivi jew legali kkumplikati li jiswewlhom il-ħin u l-flus," qalet il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja. "Peress li hemm dejjem aktar ċittadini li qegħdin isibu l-imħabba, u li mbagħad jiżżewġu jew joħolqu sħubijiet, transkonfinali neħtieġu regoli ċari biex jiġi deċiż kif għandha tiġi diviża proprjetà konġunta f'każ ta’ mewt jew ta’ divorzju. Il-proposti tal-lum se jgħinu biex ikun hemm ċarezza legali u biex il-proċess ikkumplikat tad-diviżjoni tal-assi konġunti jitħaffef irrispettivament minn fejn ikunu jinsabu fl-Ewropa. Din hi aħbar tajba għall-koppji internazzjonali u aħbar tajba għall-kontijiet bankarji tagħhom: ir-regoli l-ġodda jfissru li jistgħu jiġu ffrankati madwar EUR 400 miljun fis-sena fi spejjeż żejda.”

Iċ-ċittadini jistennew li jkun hemm sett ta’ regoli ċari biex ikunu jafu liema hija l-qorti li għandha l-kompetenza biex tisma' l-każ tagħhom u liema hija l-liġi li għandha tapplika għall-assi tagħhom. Bil-proposti tal-lum, il-Kummissjoni trid iġġib iċ-ċarezza legali fil-ħajja ta’ kuljum tal-koppji internazzjonali. Wara r-regoli l-ġodda tal-UE li ġew adottati s-sena l-oħra u li jippermettu lill-koppji internazzjonali jiddeċiedu liema liġi tapplika għad-divorzju tagħhom, il-pass li jmiss huwa li jiġu ċċarati r-regoli li jkopru d-drittijiet ta' proprjetà tal-koppji internazzjonali.

Il-Kummissjoni qed tipproponi żewġ Regolamenti separati: wieħed li jimplimenta r-regoli għall-koppji miżżewġin (“proprjetà matrimonjali”) u l-ieħor għas-sħubijiet reġistrati (“proprjetà patrimonjali”). Iż-żwieġ huwa istituzzjoni legali rikonoxxuta f'kull wieħed mis-27 Stat Membru tal-UE. F’ħames pajjiżi, iż-żwieġ huwa disponibbli kemm għall-koppji tas-sess oppost kif ukoll għall-koppji tal-istess sess (il-Pajjiżi l-Baxxi mill-2001; il-Belġju mill-2003; Spanja mill-2005; l-Isvezja mill-2009 u l-Portugall mill-2010). Is-sħubijiet reġistrati huma istituzzjoni legali aktar reċenti li hija rikonoxxuta f’14-il Stat Membru tal-UE (l-Awstrija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Ġermanja, il-Finlandja, Franza, l-Ungerija, l-Irlanda, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, is-Slovenja, l-Isvezja1 u r-Renju Unit). Filwaqt li kull wieħed minn dawn l-14-il pajjiż jippermetti li koppji tal-istess sess jirreġistraw sħubija, il-Belġju, Franza, il-Lussemburgu u l-Pajjiżi l-Baxxi jippermettu kemm lill-koppji tal-istess sess kif ukoll lil dawk tas-sess oppost li jirreġistrawha.

Iż-żewġ proposti li ġew ippreżentati llum huma newtrali fir-rigward tas-sess u fir-rigward tal-orjentazzjoni sesswali. Dan ifisser, pereżempju, li żwieġ bejn koppja tal-istess sess, li hu permess mil-liġi Portugiża, se jiġi ttrattat bl-istess mod bħal żwieg bejn koppja eterosesswali taħt il-proposta dwar ir-reġimi matrimonjali. Fl-istess ħin, fi Franza, sħubija eterosesswali tista’ tiġi rreġistrata taħt l-istess kundizzjonijiet bħal sħubija bejn koppja tal-istess sess, u l-proposta dwar is-sħubijiet reġistrati tkun tapplika għaż-żewġ sitwazzjonijiet.

Il-proposti tal-lum la jarmonizzaw u lanqas ibiddlu l-liġijiet sostantivi nazzjonali dwar iż-żwieġ u s-sħubijiet reġistrati. Minflok, huma għandhom l-għan li jgħinu lill-koppji jsibu soluzzjoni fi kwistjonijiet relatati mal-proprjetà, f'każ li jmorru jgħixu fi Stat Membru ieħor tal-UE jew meta jkunu ġejjin minn pajjiżi differenti u jkunu proprjetarji ta’ assi barra mill-pajjiż.

“Illum irridu nibnu pontijiet bejn is-sistemi differenti tal-Ewropa biex inħaffu l-ħajja ta' kuljum tal-koppji internazzjonali, iżda l-intenzjoni tagħna mhijiex li noħolqu uniformità fejn it-tradizzjonijiet soċjali u legali għadhom differenti ħafna u se jibqgħu jkunu differenti fil-futur prevedibbli," stqarret Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, waqt li kienet qed tippreżenta l-proposti llum fi Brussell. “Is-sħubijiet reġistrati qegħdin jiġu introdotti dejjem aktar fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Għal din ir-raġuni l-Kummissjoni Ewropea llum iddeċidiet li mhux biss tindirizza l-aspetti tad-dritt internazzjonali privat tal-koppji internazzjonali miżżewġin, iżda li żżid ukoll iċ-ċertezza legali tas-sħubijiet reġistrati b’dimensjoni internazzjonali, permezz tal-ewwel proposta li qatt saret għal Regolament tal-UE dwar is-sħubijiet reġistrati.”

Il-proposti tal-Kummissjoni se:

  • Jippermettu lill-koppji internazzjonali miżżewġin li jagħżlu l-liġi li tapplika għall-proprjetà konġunta tagħhom f'każ ta’ mewt jew ta’ divorzju;

  • Iżidu ċ-ċertezza legali għas-sħubijiet reġistrati b’dimensjoni internazzjonali billi jissuġġettaw l-assi tas-sħubijiet reġistrati, bħala regola, għal-liġi tal-pajjiż fejn is-sħubija tkun ġiet irreġistrata;

  • Iġibu ċ-ċertezza legali għall-koppji internazzjonali (miżżewġin jew fi sħubija reġistrata) permezz ta’ sett ta’ regoli konsistenti biex jiġu identifikati l-pajjiż li l-qorti tiegħu tkun responsabbli u l-liġi li għandha tapplika, fuq il-bażi ta' ġerarkija ta' fatturi ta' konnessjoni oġġettivi;

  • Iżidu l-prevedibbiltà għall-koppji internazzjonali billi jiffaċilitaw il-proċess għar-rikonoxximent tas-sentenzi, deċiżjonijiet u atti fl-UE kollha. Il-koppji se jiffrankaw il-ħin u l-flus - medja ta' EUR 2,000 sa EUR 3,000 għal kull każ. Dan l-iffrankar huwa r-riżultat tal-kapaċità taċ-ċittadini li jiġbru diversi proċedimenti legali f’kawża waħda quddiem qorti. Pereżempju, li l-proċedimenti għad-divorzju jew is-separazzjoni jsiru flimkien ma’ proċedimenti dwar kwistjonijiet ta’ proprjetà quddiem qorti waħda.

Sfond

In-numru ta’ Ewropej li qed jgħixu barra mill-pajjiż ta’ oriġini tagħhom qiegħed dejjem jiżdied u dan wassal biex illum hemm madwar 16-il miljun koppja internazzjonali fl-UE. Minn 2.4 miljun żwieġ ġdid fl-2007, 13% (310,000) minnhom kellhom element internazzjonali. Bl-istess mod, 41,000 mill-211,000 sħubija reġistrata fl-UE fl-2007 kellhom dimensjoni internazzjonali.

Bosta minn dawn il-koppji internazzjonali għandhom assi – bħal proprjetà jew kont bankarju – f’aktar minn pajjiż wieħed. Dawn il-koppji jiffaċċjaw inċertezzi legali u spejjeż żejda meta jaqsmu l-proprjetà tagħhom f'każ ta’ divorzju, separazzjoni legali jew mewt. Bħalissa, huwa diffiċli ħafna għall-koppji internazzjonali biex ikunu jafu liema qrati għandhom ġuriżdizzjoni u liema liġijiet japplikaw għas-sitwazzjoni personali tagħhom u għall-proprjetà tagħhom. Ir-regoli jvarjaw ħafna bejn il-pajjiżi u xi drabi jwasslu għal sitwazzjonijiet konfliġġenti. Huwa stmat li l-proċedimenti legali paralleli f’pajjiżi differenti, il-każijiet kumplessi u l-ispejjeż legali li jirriżultaw minnhom jiswew EUR 1.1 biljun fis-sena. Jista' jiġi ffrankat madwar terz minn dawn l-ispejjeż jekk jiġu approvati l-proposti tal-lum.

Il-pjanijiet jeħtieġu kemm l-approvazzjoni unanima mill-Kunsill tal-Ministri kif ukoll li jiġi kkonsultat il-Parlament Ewropew.

Għal aktar informazzjoni

Il-paġna tal-internet tal-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja.

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/index_en.htm

ANNEX

1. International Marriages in the EU in 2007

2. International Divorces in the EU in 2007

3. Number of new Civil / Registered Partnerships by Year (Trends)

In 2007, 41,000 of the 211,000 registered partnerships in the EU had an international dimension. 8,500 international couples in registered partnerships were dissolved by separation and 1,266 were ended by the death of one of the partners.

1 :

Meta l-Isvezja għamlet iż-żwieġ disponibbli għall-koppji tal-istess sess f’Mejju 2009, hija abolixxiet is-sħubijiet reġistrati; dawn jibqgħu jeżistu jekk ġew konklużi qabel Mejju tal-2009.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website